32002R1407



Official Journal L 205 , 02/08/2002 P. 0001 - 0008


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1407/2002

tat-23 ta’ Lulju 2002

dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea b’mod partikolari l-Artikolu 87(3)(e) u l-Artikolu 89 tiegħu.,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Konsultattiv stabbilit skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar [3],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [4],

Billi:

(1) It-Trattat tal-KEFA u r-regoli adottati għall-applikazzjoni tiegħu, b’mod partikolari d-Deciżjoni tal-Kummissjoni Nru 3632/93/KEFA tat-28 ta’ Diċembru 1993 li jistabbilixxi r-regoli tal-Komunità dwar għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam [5], jiskadu fit-23 ta’ Lulju 2002.

(2) L-iskwilibrju fil-kompetizzjoni bejn faħam tal-Komunità u faħam importat ġiegħel lill-industrija tal-faħam biex f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin tieħu miżuri sostanzjali ta’ ristrutturar li jinvolvu tnaqqis qawwi fl-attività.

(3) Il-Komunità saret dejjem aktar dipendenti minn provvisti esterni ta’ egħjun ta’enerġija primarja. Kif iddikjarat Fil-Green Paper dwar l-istrateġija Ewropea għas-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija kif adottata mill-Kummissjoni fid-29 ta’ Novembru 2000, id-diversifikazzjoni ta’ l-għejun tal-enerġija, kemm skond l-erja ġeografika, kif ukoll fi prodotti se tagħmilha possibbli li jinħolqu kondizzjonijiet għal aktar sigurtà tal-provvista.. Din l-istrateġija tinkludi l-iżvilupp ta’ għejun indiġeni ta’enerġija primarja, b’mod speċjali għejun ta’ enerġija użati fil-produzzjoni tal-elettriku.

(4) Barra minn dan, is-sitwazzjoni politika dinjija toħloq dimensjoni kompletament ġdida fl-istima ta’riskji ġeopolitici u ta’ sigurtà fis-settur ta’ l-enerġija u tagħti tifsira ġdida lill-kunċett tas-sigurtà tal-provvista. F’dan ir-rigward, trid issir stima regolari tar-riskji marbuta ma’ l-istruttura tal-provvista ta’ l-enerġija ta’ l-Unjoni.

(5) Kif indikat fil-Green Paper dwar l-istrateġija Ewropea għas-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija, għalhekk huwa neċessarju, fuq il-bażi tas-sitwazzjoni kurrenti fl-enerġija, li jittieħdu miżuri li jagħmluha possibli li jiggarantixxu aċċess għar-riservi tal-faħam u għaldaqstant il-faħam tal-Komunità ikun potenzjalment disponibbli.

(6) Dwar dan, fis-16 ta’ Ottubru 2001 il-Parlament Ewropew adotta Riżoluzzjoni dwar il-Green Paper tal-Kummisjoni dwar l-istrateġija Ewropea għas-sigurtà tal-provvista ta’ l-enerġija li jirrikonixxi l-importanza tal-faħam bħala għajn indiġenu tal-enerġija. Il-Parlament Ewropew qal li għandu jkun hemm disposizzjonijiet għas-sosteniment finanzjarju tal-produzzjoni tal-faħam, filwaqt li jirrikonoxxi l-bżonn għal aktar effiċjenza f’dan is-settur u għat-tnaqqis tas-sussidji.

(7) It-tisħiħ tas-sigurtà ta’ l-enerġija ta’ l-Unjoni, li jsaħħaħ il-prinċipju prekawzjonarju ġenerali, għalhekk jiġġustifika l-manteniment tal-kapaċitajiet li jipproduċu l-faħam sostenuti mill-għajnuna ta’ l-Istat. Madankollu l-implimentar ta’ dan il-għan ma jpoġġix taħt kwestjoni l-bżonn li jitkompla l-proċess ta’ristrutturar ta’ l-industrija tal-faħam meta tqis li fil-futur, il-biċċa l-kbira tal-produzzjoni tal-faħam tal-Komunità x’aktarx jibqa’ mhux kompetittiv meta mqabbel mal-faħam importat.

(8) Livell minimu ta’ produzzjoni ta’ faħam, flimkien ma’ miżuri oħra, b’mod partikolari li jippromovu għejun ta’enerġija rinovabbli, għandu jgħin biex imantni proporzjon ta’ għejun indiġeni ta’ enerġija primarja, li jżid sostanzjalment is-sigurtà ta’ l-enerġija ta’ l-Unjoni.. Barra minn hekk, proporzjon ta’ għejun indiġeni ta’ enerġija primarja se jservu wkoll biex jippromovu għanijiet ambjentali fil-qafas ta’ żvilupp sostenibbli.

(9) Il-kuntest strategiku tas-sigurtà ta’ l-enerġija jevolvi minn natura tiegħu, li f’nofs iż-żmien jiġġustifika evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament, meta tqis il-kontribut tal-għejun indiġeni ta’enerġija primarja kollha.

(10) Dan ir-Regolament ma jaffetwax il-libertà ta’ l-Istati Membri li jagħżlu liema għejun ta’eneġija primarja jridu għall-provvista tagħhom. L-għajnuna, kif ukoll l-ammont ta’ għajnuna, se tingħata skond ir-regoli ta’ kull kategorija ta’ għejun ta’ enerġija u skond il-merti ta’ kull għajn.

(11) Skond il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-produzzjoni ta’ faħam issussidjat għandha tkun limitata għal dak li huwa strettament neċessarju biex tkun ta’ kontribut effettiv lejn l-għan tas-sigurtà ta’ l-enerġija.. L-għajnuna li se tingħata mill-Istati Membri għalhekk se tkun limitata li tkopri l-ispejjeż ta’ l-investiment jew telf kurrenti mill-produzzjoni fejn il-minjieri huma parti minn pjan għall-aċċess ta’ riservi tal-faħam.

(12) L-għajnuna mill-Istat biex tgħin il-manteniment ta’ l-aċċess għar-riservi tal-faħam biex tkun assigurata s-sigurtà ta’ l-enerġija għandha tkun merfugħa għall-unitajiet tal-produzzjoni li jistgħu jikkontribwixxu lejn dan il-għan b’kondizzjonijiet ekonomiċi sodisfaċenti. L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju jgħin biex tonqos l-għajnuna lill-industrija tal-faħam.

(13) Meta tqis ir-riskji rrelatati ma’ tibdil ġeografiku, l-għajnuna li tkopri l-ispiża inizjali ta’ l-investiment jippermettu unitajiet ta’ produzzjoni li huma ekonomikament vijabbli, jew qrib il-vijabbilità ekonomika. Dawn ikunu jistgħu jimplimentaw l-investimenti tekniċi neċessarji biex imantnu l-kapaċità kompetittiva tagħhom.

(14) L-irristrutturar ta’ l-industrija tal-faħam għandu riperkussjonijiet soċjali u reġjonali kbar minħabba t-tnaqqis fl-attività. L-unitajiet tal-produzzjoni li mhumiex eliġibbli għall-għajnuna bħala parti mill-għan għall-manteniment ta’ l-aċċess għar-riservi tal-faħam għandhom għalhekk ikunu jistgħu jibbenefikaw temporanjament, minn għajnuna li ttaffi l-konsegwenzi soċjali u reġjonali ta’ l-għeluq tagħhom. Permezz ta’ din l-għajnuna l-Istati Membri, b’mod partikolari, se jkunu jistgħu jimplimentaw miżuri adegwati għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ l-inħawi affetwati mill-irristrutturar.

(15) L-impriżi se jkunu eliġibbli wkoll għal għajnuna biex ikopru spejjeż li, skond il-prattiċi normali tal-kontijiet, ma jaffettwawx l-ispejjez tal-produzzjoni. Din l-għajnuna hi intiża li tkopri spejjeż eċċezzjonali, b’mod partikolari djun li jkunu ntirtu.

(16) Permezz tad-digressjoni ta’ l-għajnuna lill-industrija tal-faħam l-Istati Membri se jkunu jistgħu, skond il-limitazzjonijiet tal-budget tagħhom, jirriallokaw l-għajnuna mogħtija lis-settur ta’ l-enerġija fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ trasferiment gradwali ta’ l-għajnuna normalment mogħtija lil forom konvenzjonali ta’ l-enerġija, b’mod partikolari is-settur tal-faħam, lil għejun ta’ enerġija rinovabbli [6].

(17) Meta tlesti l-kompitu tagħha, il-Komunità trid tassigura li kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni normali jkunu stabbiliti, mantenuti u mħarsa. Rigward is-suq ta’ l-elettriku, l-għajnuna lill-industrija tal-faħam ma tistax tkun b’tali mod li taffettwa l-għażla ta’ l-għejun tal-provvisti ta’ l-enerġija primarja tal-prodduturi ta’ l-elettriku. Għalhekk, il-partijiet kontraenti iridu jiftiehmu liberament dwar il-prezzijiet u l-kwantitajiet tal-faħam skond il-kondizzjonijiet eżistenti fis-suq dinji.

(18) Livell minimu ta’ produzzjoni ta’ faħam issussidjat se jgħin ukoll biex tinżamm il-posizzjoni prominenti tal-minerarji Ewropej u tat-teknoloġija għal faħam nadif. Dan b’mod partikolari jista’ jkun trasferit lejn l-inħawi prinċipali barra mill-Unjoni li jipproduċu l-faħam. Din il-politika tikkontribwixxi għal tnaqqis globali sostanzjali ta’ emissjonijiet ta’ gass li jagħmel ħsara lill-ambjent u li jżid it-tisħin ta’ l-atmosfera.

(19) L-awtorità tal-Kummisjoni trid titħaddem fuq il-bażi ta’ tagħrif preċiż u sħiħ tal-miżuri li l-gvernijiet fi ħsiebhom jieħdu. L-Istati Membri għandhom għalhekk jipprovdu lill-Kumissjoni b’rapport ikkonsolidat li juri d-dettalji kollha ta’ liema għajnuna diretta u indiretta fi ħsiebhom jagħtu lill-industrija tal-faħam. Fih għandhom jispeċifikaw ir-raġunijiet u l-ammont tal-għajnuna proposta, kif inhi marbuta ma’ pjan għall-kisba ta’ riservi tal-faħam u, fejn hemm bżonn, xi pjan ta’ għeluq kien sottomess.

(20) Sabiex tagħti kont tat-terminu perentorju mogħti mid-Direttiva 2001/80/KE [7] dwar impjanti ta’ kombustjoni kbar, l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibiltà li javżaw lill-Kummissjoni dwar l-identità individwali tal-unitajiet tal-produzzjoni li jagħmlu parti mill-pjanijiet għall-egħluq jew mill-pjanijiet għall-kisba ta’ riservi tal-faħam sa mhux aktar tard minn Ġunju 2004.

(21) Sakemm tkun kompatibbli mal-iskema presenti, l-Istati Membri jistgħu ukoll jagħtu għajnuna għar-riċerka, għall-iżvilupp, għall-protezzjoni ta’ l-ambjent u għat-taħriġ lill-industrija tal-faħam. Din l-għajnuna għandha tingħata skond il-ħtiġijiet u l-kriterja stabbiliti mill-Kummisjoni għal dawn il-kategoriji ta’għajnuna.

(22) Minħabba l-fatt li żewġ skemi ta’ għajnuna se jkunu japplikaw fl-istess sena, l-implimentazzjoni tad-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament dwar it-terminu perentorju tat-Trattat tal-KEFA u d-Deċiżjoni Nru 3632/93/KEFA jista’ jkun hemm lok għal xi diffikultajiet għall-impriżi. Għalhekk huwa neċessarju li perjodu transitorju sal-31 ta’ Diċembru 2002 ikun previst.

(23) L-iskema ta’ għajnuna mill-Istat tagħti kont tal-fatturi diversi li jikkaratterizzaw lill-industrija tal-faħam preżenti u s-suq ta’ l-enerġija tal-Komunità in ġenerali. Minħabba li dawn il-fatturi jistgħu jinbidlu xi ftit jew wisq, xi wħud minnhom mingħajr avviż, partikolarment l-abbiltà tal-faħam tal-Komunità li jgħin sabiex tissaħħaħ is-sigurtà ta’ l-enerġija ta’ l-Unjoni, hemm il-ħtieġa li jkunu rievalwati matul iż-żmien ta’ l-iskema fil-kuntest ta’ żvilupp sostenibbli permezz ta’ rapport. Skond dan ir-rapport, meta tqis il-kategoriji differenti ta’ fjuwil magħmul mill-fossili li jinstabu fit-territorju tal-Komunità, il-Kumissjoni se tippreżenta proposti lill-Kunsill li jagħtu kont ta’ l-iżvilupp u l-prospetti fit-tul ta’ l-iskema, b’mod partikolari l-aspetti soċjali u reġjonali ta’ l-irristrutturar ta’ l-industrija tal-faħam.

(24) Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ mill-aktar fis possibbli wara t-tmiem tat-terminu perentorju tat-Trattat tal-KEFA u għandu jkun applikat b’lura biex ikun assigurat il-benefiċċju kollu tad-disposizzjonijiet tiegħu.

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI U DEFINIZZJONIET

Artikolu 1

Għan

Dan ir-Regolament iqiegħed regoli dwar l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lill-industrija tal-faħam bil-għan li jikkontribwixxi lejn l-irristrutturar ta’ l-industrija tal-faħam. Ir-regoli stabbiliti jieħdu kont ta’:

- l-aspetti soċjali u reġjonali ta’ l-irristrutturar tas-settur,

- il-bżonn li tinżamm, bħala miżura ta’ prekawzjoni, kwantità minima ta’ produzzjoni ta’ faħam indiġenu biex ikun iggarantit aċċess għar-riservi.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a) "faħam" ifisser faħam ta’ kategorija A u B ta’ grad għoli, medju, u baxx fis-sens tas-sistema internazzjonali ta’ kodifikazzjoni, stabbilita mill-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti [8];

(b) "pjan għall-kisba ta’ riservi tal-faħam": pjan imfassal minn Stat Membru, li jipprovdi għall-produzzjoni ta’ kwantità minima ta’ faħam indiġenu neċessarju biex jiggarantixxi l-aċċess għar-riservi tal-faħam,

(ċ) "pjan ta’ għeluq": pjan imfassal minn Stat Membru li jipprovdi għall-miżuri li jwasslu għall-għeluq definittiv ta’ unitajiet tal-produzzjoni tal-faħam;

(d) "spejjeż ta’ investiment inizjali": spejjeż kapitali fissi rrelatati direttament ma’ xogħol ta’ infrastruttura jew ma’ tagħmir neċessarju għat-tħaffir għal risorżi tal-faħam f’minjieri eżistenti,

(e) "spejjeż tal-produzzjoni" tfisser spejjeż irrelatati mal-produzzjoni kurrenti, ikkalkolata skond l-Artikolu 9(3). Dawn ikopru, barra mit-tħaffir innifsu, operazzjonijiet għat-tlestija tal-faħam, b’mod partikolari il-ħasil, l-għażla skond id-daqs u l-kwalità, u t-trasport lejn il-post tal-kunsinna,

(f) "telf mill-produzzjoni kurrenti" tfisser id-differenza pożittiva bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-faħam u l-prezz tal-bejgħ kif miftiehem liberament mill-partijiet kontraenti skond il-kondizzjonijiet prevalenti tas-suq dinji.

Artikolu 3

Għajnuna

1. L-għajnuna lill-industrija tal-faħam tista’ biss titqies kompatibbli mal-funzjoni proprja tas-suq komuni jekk tħares id-disposizzjonijiet tal-Kapitolu 2, mingħajr preġudizzju lejn skemi ta’ għajnuna mill-Istat rigward riċerka u żvilupp teknoloġiku, l-ambjent u taħriġ.

2. L-għajnuna għandha tkopri biss spejjeż dwar faħam għall-produzzjoni ta’ l-elettriku, il-produzzjoni tas-sħana u l-elettriku flimkien, il-produzzjoni tal-kokk u l-karburazzjoni tal-kalkara tal-blast fl-industrija ta’ l-azzar, fejn isir l-użu tagħhom fil-Komunità.

KAPITOLU 2

KATEGORIJI TA’ GĦAJNUNA

Artikolu 4

Għajnuna għat-tnaqqis ta’ l-attività

L-għajnuna lil xi impriża maħsuba speċifikament biex tkopri telf mill-produzzjoni kurrenti ta’ l-unitajiet tal-produzzjoni tista’ titqies kompatibbli mas-suq komuni biss jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-operazzjoni ta’ l-unitajiet tal-produzzjoni kkonċernati għandha tkun tagħmel parti minn pjan ta’ għeluq li t-terminu perentorju tiegħu ma jaqbiżx il-31 ta’ Diċembru 2007;

(b) l-għajnuna nnotifikata għal kull tunnellata metrika ta’ faħam ekwivalenti m’għandhiex teċċedi d-differenza bejn l-ispejjeż tal-produzzjoni prevedibbli u d-dħul prevedibbli għas-sena tal-faħam. L-għajnuna attwalment imħallsa għandha tkun soġġetta għal korrezzjoni annwali, ibbażata fuq l-ispejjeż u d-dħul attwali, sa mhux aktar tard mill-aħħar tas-sena tal-produzzjoni tal-faħam li ssegwi s-sena li għaliha ngħatat l-għajnuna;

(ċ) l-ammont ta’ għajnuna għal kull tunnellata metrika ta’ faħam ekwivalenti ma’ tistax tikkaġuna li l-prezzijiet tal-kunsinna tal-faħam tal-Komunità jkunu orħos mill-prezzijiet ta’ faħam ta’ kwalità simili minn pajjiżi terzi;

(d) l-għajnuna ma tistax twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn ix-xerrejja u l-utenti tal-faħam fil-Komunità;

(e) l-għajnuna ma tistax twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-elettriku, fis-suq tal-produzzjoni tas-sħana u l-elettriku flimkien, fis-suq tal-produzzjoni tal-kokk u s-suq ta’ l-azzar.

Artikolu 5

Għajnuna għall-aċċess ta’ riservi tal-faħam

1. L-Istati Membri jistgħu, skond il-paragrafi 2 u 3, jagħtu għajnuna lil xi impriża, intenzjonata speċifikament għal unitajiet tal-produzzjoni jew għal grupp ta’ unitajiet tal-produzzjoni, biss jekk din l-għajnuna tikkontribwixxi għaż-żamma ta’ l-aċċess għar-riservi tal-faħam. Unità tal-produzzjoni tista’ tirċievi għajnuna biss taħt waħda mill-kategoriji msemmija fil-paragrafi 2 u 3. Ma jistax ikun hemm akkumulazzjoni ta’ għajnuna taħt paragrafu 2 u paragrafu 3

Għajnuna għall-investiment inizjali

2. L-għajnuna intiża biex tkopri spejjeż inizjali tista’ tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq komuni biss jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(ċ), (d) u (e) u l-kondizzjoniet li ġejjin:

(a) l-għajnuna għandha tkun assenjata lill-unitajiet tal-produzzjoni eżistenti li ma rċevewx għajnuna taħt l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93/KEFA jew li rċevew għajnuna awtorizzata mill-Kummisjoni taħt l-Artikolu msemmi wara li jkunu wrew li rnexxielhom jottjenu posizzjoni kompetittiva rigward il-prezzijiet tal-faħam ta’ kwalità simili minn pajjiżi terzi;

(b) l-unitajiet tal-produzzjoni għandhom ifasslu pjan ta’ azzjoni u pjan finanzjarju li juru li l-għajnuna mogħtija għall-proġett ta’ investiment in kwestjoni se jassigura l-viabbiltà ekonomika ta’ dawn l-unitajiet tal-produzzjoni;

(ċ) l-għajnuna nnotifikata u attwalment imħallsa m’għandhiex teċċedi it-30 % ta’ l-ispejjeż totali tal-proġett ta’ investiment relevanti li permezz tagħhom l-unità tal-produzzjoni issir kompettitiva b’relazzjoni għall-prezzijiet tal-faħam ta’ kwalità simili minn pajjiżi terzi.

L-għajnuna mogħtija skond dan il-paragrafu, kemm jekk bħala pagament wieħed jew mifruxa fuq għadd ta’ snin, ma’ tistax titħallas wara l-31 ta’ Diċembru 2010.

Għajnuna lill-produzzjoni kurrenti

3. L-għajnuna intiża biex tkopri telf mill-produzzjoni kurrenti tista’ biss titqies kompatibbli mas-suq komuni jekk tissodisfa l-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(b) sa (e) u l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-operat ta’ l-unitajiet tal-produzzjoni kkonċernati jew ta’ gruppi ta’ unitajiet tal-produzzjoni fl-istess impriża għandu jifforma parti minn pjan għal kisba ta’ riservi tal-faħam;

(b) l-għajnuna se tingħata lill-unitajiet tal-produzzjoni li, b’referenza partikolari għall-livell u l-kampjun ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni, u li fil-limiti tal-kwantità ta’ faħam indiġenu li se jipproduċu skond il-pjan imsemmi f’(a), se joffru l-aħjar prospetti ekonomiċi.

Artikolu 6

Digressjoni ta’ l-għajnuna.

1. L-ammont totali ta’ għajnuna li tingħata lill-industrija tal-faħam skond l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(3) għandhu jsegwi tendenza ’l isfel sabiex iwassal għall-tnaqqis sostanzjali. Ma tista’ tingħata l-ebda għajnuna għal tnaqqis fl-attività taħt l-Artikolu 4 wara l-31 ta’ Diċembru 2007.

2. L-ammont totali ta’ għajnuna li tingħata lill-industrija tal-faħam skond l-Artikoli 4 u 5 m’għandux jeċċedi, wara s-sena 2003, l-ammont ta’ għajnuna awtorizzata mill-Kummissjoni skond l-Artikoli 3 u 4 tad-Deċiżjoni Nru 3632/93/KEFA għas-sena 2001.

Artikolu 7

Għajnuna biex tkopri spejjeż eċċezzjonali

1. L-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-impriżi li jwettqu jew wettqu xi attività konnessa mal-produzzjoni tal-faħam sabiex ikunu jistgħu jkopru l-ispejjeż li jiġu jew li ġew mir-razzjonalizzazzjoni u l-irristrutturar ta’ l-industrija tal-faħam li mhumiex irrelatati mal-produzzjoni kurrenti ("djun li ntirtu") tista’ titqies kompatibbli mas-suq komuni jekk l-ammont imħallas ma jeċċedix dawn l-ispejjeż. Din l-għajnuna tista’ tintuża biex tkopri:

(a) l-ispejjeż li ntefqu biss minn impriżi li qed iwettqu jew wettqu ristrutturar, i.e. spejjeż rrelatati mar-riabilitazzjoni ta’ siti li qabel kienu minjieri tal-faħam;

(b) l-ispejjeż li ntefqu minn għadd ta’ impriżi.

2. Il-kategoriji ta’ l-ispejjeż li jirriżultaw mir-razzjonalizzazzjoni u mill-irristrutturar ta’ l-industrija tal-faħam huma definiti fl-Anness.

Artikolu 8

Disposizzjonijiet komuni

1. L-ammont ta’ għajnuna awtorizzata li tingħata skond xi disposizzjoni ta’ dan ir-Regolament se tkun ikkalkolata skond l-għajnuna li tingħata għall-istess għanijiet, fi kwalinkwe forma, bis-saħħa ta’ xi riżors nazzjonali ieħor.

2. Kull għajnuna li jirċievu l-impriżi għandha tintwera fil-kontijiet ta’ qligħ u telf bħala entrata separata ta’ dħul distinta mit-turnover. Fejn xi impriża li qed tingħata għajnuna skond dan ir-Regolament hija mqabbda biex taħdem mhux biss fit-tħaffir għall-faħam iżda wkoll f’xi attività ekonomika oħra, il-fondi li jingħataw għandhom jidhru f’kontijiet separati sabiex il-flussi finanzjarji li jaqgħu taħt dan ir-Regolament ikunu jistgħu jiġu identifikati bla diffikultà. Il-fondi għandhom jitħaddmu b’tali mod li ma jkunx hemm possibilità li jkunu trasferiti fl-attività l-oħra.

KAPITOLU 3

PROĊEDURI TA’ NOTIFIKA, VALUTAZZJONI U AWTORIZZAZZJONI

Artikolu 9

In-Notifika

1. Flimkien mad-disposizzjonijiet tal-Artikolu 88 tat-Trattat u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE [9], l-għajnuna msemmija f’dan ir-Regolament se tkun soġġetta għar-regoli dettaljati stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 12.

2. L-Istati Membri li jagħtu għajnuna lill-industrija tal-faħam għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa, skond l-isfond ta’ l-enerġija kurrenti, biex jiġġustifikaw l-istima tal-kapaċità tal-produzzjoni li tifforma parti mill-pjan għall-kisba ta’ riservi tal-faħam, il-livell minimu ta’ produzzjoni meħtieġ biex jiggarantixxi dan l-aċċess, kif ukoll, skond il-kategoriji ta’ għajnuna previsti f’dan ir-Regolament, it-tipi xierqa ta’ l-għajnuna, meta jikkunsidraw l-ispeċifikazzjonijiet ta’ l-industrija tal-faħam f’kull Stat Membru.

3. L-ispejjeż tal-produzzjoni huma kkalkolati skond il-prospetti ta’ l-ispejjeż għal kull tliet xhur li jintbagħtu lill-Kummissjoni mill-impriżi tal-faħam jew l-assoċjazzjonijiet tagħhom. L-impriżi tal-faħam għandhom jinkludu d-deprezzament normali u l-interess fuq il-kapital misluf lilhom fil-kalkolu tagħhom ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni. L-ispejjeż eliġibbli ta’ l-interess fuq il-kapital misluf se jkunu bbażati fuq ir-rati ta’ l-interess tas-suq u limitati għall-operazzjonijiet (proċessi) imsemmija fl-Artikolu 2(e).

4. L-Istati Membri li fi ħsiebhom jagħtu għajnuna għat-tnaqqis ta’ l-attività kif imsemmija fl-Artikolu 4 għandhom jissottomettu minn qabel pjan ta’ għeluq ta’ l-unitajiet tal-produzzjoni kkonċernati lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2002. Dan il-pjan għandu jipprevedi l-elementi minimi li ġejjin:

(a) identifikazzjoni ta’ l-unitajiet tal-produzzjoni,

(b) l-ispejjeż tal-produzzjoni reali jew stmati kull sena ghal kull unità tal-produzzjoni, dawn l-ispejjeż huma kkalkolati skond il-paragrafu 3;

(ċ) il-produzzjoni tal-faħam stmata, kull sena, mill-unitajiet tal-produzzjoni li jifformaw parti minn pjan ta’ għeluq;

(d) l-ammont ta’ għajnuna stmata, kull sena, għat-tnaqqis fl-attività.

5. L-Istati Membri li fi ħsiebhom jagħtu l-għajnuna kif imsemmija fl-Artikolu 5(2) għandhom jissottomettu lill-Kummisjoni pjan proviżorju għall-kisba ta’ riservi tal-faħam, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2002. Dan il-pjan għandu jipprovdi, ta’ l-inqas, għall-kriterja ta’ għażla oġġettiva, bħall-vijabbiltà ekonomika, sabiex jintlaħqu mill-unitajiet tal-produzzjoni biex jirċievu l-għajnuna għall-proġetti ta’ investiment.

6. L-Istati Membri li fi ħsiebhom jagħtu l-għajnuna kif imsemmija fl-Artikolu 5(3) għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni pjan għall-kisba ta’ riservi tal-faħam sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2002. Dan il-pjan għandu jipprevedi l-elementi minimi li ġejjin:

(a) il-kriterju oġġettiv ta’ selezzjoni li għandu jintlaħaq mill-unitajiet tal-produzzjoni sabiex jiġu inklużi f’dan il-pjan;

(b) l-identifikazzjoni ta’ l-unitajiet tal-produzzjoni jew ta’ grupp ta’ unitajiet tal-produzzjoni fl-istess impriża tal-faħam li se jilħqu din il-kriterja ta’ selezzjoni;

(ċ) l-ispejjeż tal-produzzjoni reali jew stmati kull sena għal kull unità tal-produzzjoni; dawn l-ispejjeż huma kkalkolati skond il-paragrafu 3;

(d) pjan ta’ operazzjoni u pjan ta’ finanzjar għal kull unità tal-produzzjoni jew grupp ta’ unitajiet tal-produzzjoni fl-istess impriża li jirriflettu l-prinċipji tal-budget ta’ l-Istati Membri;

(e) il-produzzjoni tal-faħam stmata, kull sena, ta’ l-unitijiet tal-produzzjoni jew gruppi ta’ unitajiet tal-produzzjoni fl-istess impriża li jiffurmaw parti mill-pjan għall-kisba ta’ riservi tal-faħam;

(f) l-ammont ta’ għajnuna stmat għall-kisba ta’ riservi tal-faħam kull sena;

(g) l-ishma rispettivi ta’ faħam indiġenu u għejun ta’ enerġija rinovabbli meta mqabbla ma’ l-ammont ta’ għejun indiġeni ta’ enerġija primarja li jikkontribwixxu lejn l-għan tas-sigurtà ta’ l-enerġija fil-qafas ta’ żvilupp sostenibbli u t-tendenza ’l fuq jew ’l isfel mistennija għalihom.

7. L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha dwar it-tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet li jżidu t-tisħin ta’ l-atmosfera bħala parti minn-notifika tal-pjanijiet imsemmija fil-paragrafi 4, 5 u 6. Għandhom jirreferu b’mod partikolari għat-tnaqqis fl-emissjonijiet li jirriżultaw mill-isforzi li jkunu saru biex jintużaw teknoloġiji għall-kombustjoni ta’ faħam nadif.

8. Meta jkun iġġustifikat, l-Istati Membri jistgħu jgħarrfu lill-Kummissjoni bl-identità individwali ta’ l-unitajiet tal-produzzjoni li jagħmlu parti mill-pjanijiet imsemmija fil-paragrafi 4 u 6 sa mhux aktar tard minn Ġunju 2004.

9. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’kwalunkwe emendi fil-pjan li kienu ssottomettew lill-Kummissjoni skond il-paragrafi 4,5,6,7 u 8.

10. L-Istati Membri għandhom jibagħtu notifika ta’ l-appoġġ finanzjarju kollu li fi ħsiebhom jagħtu, fis-sena, lill-industrija tal-faħam. Fiha għandhom jispeċifikaw in-natura ta’ l-appoġġ skond it-tipi ta’ għajnuna previsti fl-Artikoli 4, 5, u 7. Huma għandhom jissottomettu lill-Kummissjoni d-dettalji kollha relevanti għall-kalkolu ta’ l-ispejjeż tal-produzzjoni prevedibbli flimkien mar-relazzjoni tagħhom mal-pjan li bagħtu lill-Kummissjoni skond il-paragrafi 4,5,6,7 u 8.

11. L-Istati Membri għandhom jibagħtu notifika u informazzjoni sħiħa dwar il-kalkoli ta’ l-għajnuna attwalment imħallsa kull sena sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem ta’ dik is-sena. Qabel it-tmiem tas-sena ta’ wara, huma għandhom jiddikjaraw ukoll xi korrezzjonijiet li setgħu għamlu fl-ammonti mħallsa oriġinarjament.

12. Meta jinnotifikaw l-għajnuna kif imsejħa fl-Artikoli 4, 5 u 7 u meta jagħmlu l-prospett ta’ l-għajnuna attwalment imħallsa, l-Istati Membri għandhom ifornu l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-verifika tal-kondizzjonijiet u l-kriterja mqiegħda f’dawn id-disposizzjonijiet.

Artikolu 10

Valutazzjoni u awtorizzazzjoni

1. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-pjan(ijiet) innotifikati skond l-Artikolu 9. Il-Kummissjoni se tiddeċiedi dwar il-konformità tagħhom mal-kondizzjonijiet u l-kriterja mqiegħda fl-Artikoli 4,5,6,7 u 8 u dwar il-ħarsien tagħhom ta’ l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, skond ir-regoli tal-proċedura stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 659/1999.

2. Il-Kummissjoni se teżamina il-miżuri nnotifikati skond l-Artikolu 9(10) fid-dawl tal-pjanijiet issottomessi fil-qafas ta’ l-Artikolu 9(4), (5), (6), (7) and (8). Se tieħu deċiżjoni skond ir-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.

KAPITOLU 4

DISPOSIZZJONIJIET TEMPORANJI U FINALI

Artikolu 11

Rapporti tal-Kummissjoni

1. Sal-31 ta’ Diċembru 2006, il-Kummissjoni se tħejji rapport dwar l-esperjenza tagħha u kull xorta ta’ problemi li ltaqgħet magħhom waqt l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament minn meta daħal fis-seħħ. Dan ir-rapport se jintbagħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Soċjali u Ekonomiku u lill-Kumitat tar-Reġjuni.. Il-Kummissjoni se tevalwa r-riżultati ta’ l-irristrutturar ta’ l-industrija tal-faħam u l-effetti fuq is-suq intern, fid-dawl tal-miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri.

2. Hi se tippreżenta l-bilanċ tas-sehem rispettiv tad-diversi għejun indiġeni ta’ enerġija primarja f’kull Stat Membru. Dan se jinkludi l-kategoriji differenti disponibbli ta’ fjuwil magħmul mill-fossili. Il-Kummissjoni se tevalwa l-kontibut attwali tal-faħam indiġenu għas-sigurtà fit-tul ta’ l-enerġija fl-Unjoni Ewropea, u se tippreżenta l-istima tagħha ta’ kemm jinħtieġ faħam għal dan il-għan. Dan wara li tqis l-iżvilupp ta’ l-għejun ta’ l-enerġija rinovabbli.

Artikolu 12

L-Implimentazzjoni tal-miżuri

Il-Kummissjoni se tieħu l-miżuri kollha neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Hi se tistabbilixxi struttura konġunta għall-komunikazzjoni ta’ l-informazzjoni sabiex tkun tista’ tevalwa l-ħarsien tal-kondizzjonijiet u l-kriterji stabbiliti biex tingħata l-għajnuna.

Artikolu 13

Miżuri ta’ reviżjoni

1. Fuq il-bażi tar-rapport li jkun sar skond l-Artikolu 11, jekk ikun hemm bżonn, il-Kummissjoni se tissottometti lill-Kunsill proposti għall-emenda ta’ dan ir-Regolament rigward l-applikazzjoni ta’ l-għajnuna għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2008. Skond il-prinċipju għat-tnaqqis ta’ l-għajnuna, il-proposti se jistabbilixxu, fost ħwejjeġ oħra, il-prinċipji li fuqhom għandhom ikunu implimentati l-pjanijiet ta’ l-Istati Membri mill-1 ta’ Jannar 2008.

2. Il-prinċipji msemmija fil-paragrafu 1 se jkunu stabbiliti skond l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 1, b’referenza partikolari għall-konsegwenzi soċjali u reġjonali tal-miżuri li jkunu se jittieħdu u għall-kuntest ta’ l-enerġija.

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ

1. Dan ir-Regolament se jidħol fis-seħħ mill-jum tal-pubblikazzjoni tiegħhu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Huwa jibda jgħodd mill-24 ta’ Lulju 2002.

2. L-għajnuna li tkopri l-ispejjeż għas-sena 2002 tista’, madanakollu, jekk ikun hemm talba raġunata minn Stat Membru, tibqa’ soġġetta għar-regoli u l-prinċipji stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 3632/93/KEFA, ħlief dawk ir-regoli dwar it-termini perentorji u l-proċeduri.

3. Dan ir-Regolament jibqa’ jgħodd sal-31 ta’ Diċembru 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-23 ta’ Lulju 2002.

F’isem il-Kunsill

Il-President

P. S. Møller

[1] ĠU C 304 E, tat-30.10.01, pġ. 202.

[2] Opinjoni mogħtija fit-30 ta’ Mejju 2002 (għada mhix ippubblikata fil -Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 321, tas-16.11.01, pġ. 2.

[4] ĠU C 48, tal-21.02.02, pġ. 49.

[5] ĠU L 329, tat-30.12.93, pġ. 12.

[6] ĠU C 37, tat-03.02.01, pġ. 3.

[7] ĠU L 309, tas-27.11.01, pġ. 1.

[8] Sistema Internazzjonali għall-kodifikazzjoni tal-faħam ta’ grad medju u grad għoli (1998), klassifikazzjoni Internazzjonali tal-faħam fis-saff (1998) u sistema Internazzjonali għall-kodifikazzjoni tal-faħam ta’ grad baxx (1999).

[9] ĠU L 83, tas-27.03.1999, pġ. 1.

--------------------------------------------------

ANNESS

Definizzjoni ta' l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 7

1. Spejjeż li ntefqu u disposizzjonijiet ta' l-ispejjeż li jkunu saru biss minn impriżi li qed iwettqu jew wettqu ristrutturar u razzjonalizzazzjoni.

Esklussivament:

(a) l-ispejjeż meta jitħallsu l-benefiċċji soċjali biex il-ħaddiema jkunu jistgħu jirtiraw qabel jilħqu l-età tal-pensjoni;

(b) nefqa eċċezzjonali oħra fuq ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom bħala riżultat ta' l-irristrutturar u r-razzjonalizzazzjoni;

(ċ) il-ħlas ta' pensjonijiet u benefiċċji barra mis-sisema statutorja lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg bħala riżultat ta' l-irristrutturar u r-razzjonalizzazzjoni u lill-ħaddiema li kienu intitolati għal dan il-ħlas qabel l-irristrutturar;

(d) l-ispejjeż li jintefqu mill-impriżi sabiex jgħinu lill-ħaddiema jerġgħu jaddattaw irwieħhom ħalli jsibu xogħol ġdid barra mill-industrija tal-faħam, b'mod speċjali spejjeż għat-taħriġ;

(e) l-għotja ta' faħam b'xejn lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom bħala riżultat ta' l-irristrutturar u r-razzjonalizzazzjoni u lill-ħaddiema li kienu intitolati għal din l-għotja qabel l-irristrutturar;

(f) spejjeż li jifdal li jirriżultaw minn disposizzjonijiet amministrattivi, legali u tat-taxxa;

(g) xogħol ieħor għas-sigurtà taħt l-art li jirriżulta mill-għeluq ta' l-unitajiet tal-produzzjoni;

(h) danni kkawżati mill-minjieri, bil-kondizzjoni li dawn kienu kkawżati mill-unitajiet tal-produzzjoni li kellhom jagħlqu minħabba l-irristrutturar;

(i) spejjeż irrelatati mar-riabilitazzjoni ta' dawk li qabel kienu siti tal-minjieri, notevolment:

- spejjeż li jifdal li jirriżultaw minn kontribuzzjoniljiet lill-korpi responsabbli mill-provvista ta' l-ilma u mit-tneħħija ta' l-ilma użat,

- spejjez oħra li jifdal li jirriżultaw mill-provvista ta' l-ilma u mit-tneħħija ta' l-ilma użat;

(j) spejjeż li jifdal li jkopru l-assigurazzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema tal-minjieri rtirati;

(k) deprezzament intrisiku eċċezzjonali li jirriżulta mill-għeluq ta' l-unitajiet tal-produzzjoni (mingħajr ma tieħu kont ta' xi evalwazzjoni mill-ġdid li setgħet saret mill-1 ta' Jannar 1994 u li tkun aktar mir-rata ta' l-inflazzjoni);

2. Spejjeż li ntefqu u disposizzjonijiet għall-ispejjeż li jkunu saru minn għadd ta' impriżi

(a) żieda fl-kontribuzzjonijiet, barra mis-sistema statutorja, li tkopri spejjeż tas-sigurtà soċjali li jirriżultaw mit-tnaqqis, wara l-irristrutturar, fin-numru ta' kontributuri;

(b) nefqa, li tirriżulta mill-irristrutturar, fil-provvista ta' l-ilma u t-tneħħija ta' l-ilma użat;

(ċ) żieda fil-kontribuzzjonijiet lill-korpi responsabbli mill-provvista ta' l-ilma u mit-tneħħija ta' l-ilma użat, bil-kondizzjoni li din iż-żieda tkun riżultat tat-tnaqqis, wara l-irristruttar, fil-produzzjoni tal-faħam soġġetta għat-taxxa.

--------------------------------------------------