32002R1369



Official Journal L 198 , 27/07/2002 P. 0037 - 0038


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1369/2002

tas-26 ta’ Lulju 2002

li jidderoga mill-Artikolu 31(10) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 fir-rigward tal-prova tal-wasla fid-destinazzjoni fil-każ ta’ rifużjonijiet differenzjati u li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-rata ta’ rifużjoni ta’ l-esportazzjoni l-aktar baxxa għal ċerti prodotti tal-ħalib

Il-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-ħalib u l-prodotti tal-ħalib [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 509/2002 [2], u b’mod partikolari t-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 31(10) u l-Artikolu 31(14) tiegħu,

Billi:

(1) It-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 31(10) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999 jistipula li fil-każ ta’ rifużjonijiet differenzjati r-rifużjoni għandha titħallas mal-preżentazzjoni tal-prova li l-merkanzija tkun waslet fid-destinazzjoni indikata fuq il-liċenza jew destinazzjoni oħra li għaliha r-rifużjoni kienet iffissata. Eċċezzjonijiet għal dik ir-regola huma possibbli sakemm jitniżżlu kondizzjonijiet li joffru garanziji ekwivalenti.

(2) Fil-każ li r-rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni jkunu differenzjati skond id-destinazzjoni, l-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta’ April 1999 li jistipula regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet ta’ l-esportazzjoni fuq prodotti agrikoli [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1253/2002 [4], jistipula li parti tar-rifużjoni, kalkolata bl-użu tar-rata l-aktar baxxa tar-rifużjoni, għandha titħallas fuq applikazzjoni mill-esportatur malli tingħata prova li l-merkanzija tkun ħalliet it-territorju tad-dwana tal-Komunità.

(3) Taħt arranġamenti speċjali ma’ ċerti pajjiżi terzi, ir-rata ta’ rifużjoni applikabbli għall-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti tal-ħalib lejn dawk il-pajjiżi tista’ tkun aktar baxxa, f’xi każi b’ammont kbir, mir-rifużjoni normalment applikata. Huwa wkoll possibbli li r-rifużjoni ma tistax tiġi ffissata sabiex ir-rata l-aktar baxxa tar-rifużjoni tkun ukoll ir-riżultat tan-nuqqas ta’ iffissar ta’ dik ir-rifużjoni.

(4) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1151/2002 tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi ċerti konċessjonijiet fil-forma ta’ tariffi ta’ kwoti tal-Komunità għal ċerti prodotti agrikoli u li jipprovdu għal aġġustament, bħala miżura awtonoma u transitorja, ta’ ċerti konċessjonijiet agrikoli li għalihom jipprovdi l-Ftehim Ewropew ma’ l-Estonja [5] jistabbilixxi konċessjonijiet fil-forma ta’ tariffi reċiproċi ta’ kwoti li jinvolvu l-abolizzjoni tar-rifużjonijiet tal-Komunità fuq ċerti prodotti tal-ħalib. Konċessjonijiet simili ġew miftehma mal-Latvja u l-Litwanja. Ir-rifużjonijiet għat-tliet Stati Baltiċi kkonċernati ġew għalhekk aboliti b’effett mill-4 ta’ Lulju 2002.

(5) L-abolizzjoni tar-rifużjonijiet tinvolvi differenzazzjoni tar-rifużjonijiet ta’ ċerti prodotti tal-ħalib. Sabiex jiġi evitat li l-esportaturi jkunu meħtieġa li jagħtu prova tat-twassil fid-destinazzjoni sabiex jikkwalifikaw għal rifużjoni skond ir-Regolament (KE) Nru 1255/1999, l-awtoritajiet tal-pajjiżi li lilhom ikunu ngħataw il-konċessjonijiet, intrabtu li jassiguraw li kunsinni biss ta’ merkanzija li ma jkunux irċevew rifużjonijiet ikunu aċċettati għall-importazzjoni f’dawk il-pajjiżi. Għal dak il-għan, id-disposizzjonijiet applikabbli għall-Polonja skond l-Artikolu 20(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 174/1999 [6], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1368/2002 [7] ġew estiżi għall-prodotti u l-pajjiżi kkonċernati. Għandha għalhekk issir deroga mill-Artikolu 31(10) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999.

(6) L-Artikolu 20(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 174/1999 jobbliga lill-operaturi li jippreżentaw kopja ċertifikata tal-liċenza ta’ esportazzjoni u d-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni li tikkorrispondi lill-awtoritajiet kompetenti meta l-prodotti msemmija fl-Anness VIII li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 174/1999 jiġu mportati fid-destinazzjonijiet imsemmija f’dak l-Anness. Il-liċenza ta’ esportazzjoni għandha ġġorr indikazzjonijiet speċjali li jiggarantixxu li l-prodotti kkonċernati ma jkunux irċevew rifużjoni ta’ esportazzjoni. L-awtoritajiet tal-pajjiżi terzi kkonċernati għandhom jivverifikaw il-konformità mad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20b tar-Regolament (KE) Nru 174/1999.

(7) Għandu jingħata kont ta’ dawn l-arranġamenti speċjali meta jiġu applikati ir-Regolamenti (KE) Nru 1255/1999 u (KE) Nru 800/1999 sabiex jiġi evitat li jiġu mposti fuq l-esportaturi ħlasijiet finanzjarji żejda fil-kummerċ tagħhom ma’ pajjiżi terzi. Għal dak il-għan, meta tiġi stabbilita l-aktar rata baxxa ta’ rifużjoni m’għandux jingħata kont tar-rati ffissati fuq il-kondizzjonijiet u d-destinazzjoni partikolari ikkonċernata.

(8) Għal raġunijiet ta’ kjarezza, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2886/2000 tas-27 ta’ Diċembru 2000 li jidderoga mill-Artikolu 31(10) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/1999 fir-rigward tal-prova tat-twassil fid-destinazzjoni fil-każ ta’ rifużjonijiet differenzjati u l-preskrizzjoni ta’ regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-rata l-aktar baxxa tar-rifużjoni ta’ esportazzjoni għal ċerti prodotti tal-ħalib [8], li jistipula disposizzjonijiet simili għall-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti lejn il-Polonja, għandu jitħassar. Id-disposizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament għandhom ikunu inkorportati f’dan ir-Regolament.

(9) Il-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Ħalib u l-Prodotti tal-Ħalib,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

B’deroga mit-tielet inċiż ta’ l-Artikolu 31(10) tar-Regolament (KE) Nru 1255/1999, il-prova tat-twassil fid-destinazzjoni m’għandhiex tkun meħtieġa għall-prodotti msemmija fl-Anness VIII li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 174/1999.

L-Artikolu 2

M’għandux jingħata kont tal-fatt li ebda rifużjoni ma tiġi ffissata fuq il-prodotti msemmija fl-Anness VIII li jinsab mar-Regolament (KE) Nru 174/1999 meta tiġi stabbilita l-aktar rata baxxa ta’ rifużjoni ta’ esportazzjoni skond it-tifsira ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999.

L-Artikolu 3

Ir-Regolament (KE) Nru 2886/2000 huwa b’dan imħassar.

L-Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jkun japplika għal-liċenzi li dwarhom issir applikazzjoni mill-4 ta’ Lulju 2002.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-26 ta’ Lulju 2002.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 48.

[2] ĠU L 79, tat-22.3.2002, p. 15.

[3] ĠU L 102, tas-17.4.1999, p. 11.

[4] ĠU L 183, tat-12.7.2002, p. 12.

[5] ĠU L 170, tad-29.6.2002, p. 15.

[6] ĠU L 20, tas-27.1.1999, p. 8.

[7] Ara paġna 33 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

[8] ĠU L 333, tad-29.12.2000, p. 79.

--------------------------------------------------