32002R1338



Official Journal L 196 , 25/07/2002 P. 0001 - 0010


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1338/2002

tat-22 ta’Lulju 2002

li jimponi dazju kumpensatorju definittivi u għal ġbir definittiv tad-dazju kompensatorju proviżorju impost fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġina mill-Indja

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet issussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mogħtija mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. MIŻURI PROVIŻORJI

(1) Il-Kummissjoni bir-Regolament (KE) Nru 573/2002 [2] ("Regolament proviżorju") imponiet dazju kumpensatorju proviżorju fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġina mill-Indja. Il-Kummissjoni bir-Regolament (KE) Nru 575/2002 [3] ("Regolament proviżorju anti-dumping"), imponiet ukoll dazju proviżorju anti-dumping fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku li joriġina mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u mill-Indja.

B. PRO¬EDURA SUSSEGWENTI

(2) Wara l-iżvelar tal-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzali li fuq il-bażi tagħhom kien deċiż li jkun impost dazju proviżorji kumpensatorju, numru ta’ partijiet interessati ssottomettew kummenti bil-miktub. Il-partijiet kollha interessati li talbu udjenza ngħataw opportunità li jinstemgħu mill-Kummissjoni.

(3) Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha mitqiesa meħtieġa għas-sejbien definittiv.

(4) Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzali li fuqhom kien maħsub li tkun rakkomandata l-imposizzjoni ta’ dazju kumpensatorju definittiv u l-ġbir definittiv ta’ l-ammonti miġbura bħala dazji kumpensatorji proviżorji. Ingħataw ukoll perjodu meta kellhom jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-iżvelar.

(5) Tqiesu l-argumenti orali u bil-miktub mibgħuta mill-partijiet.

(6) Wara li kien rieżaminat is-sejbien proviżorju fuq il-bażi ta’ l-informazzjoni miġbura minn dakinhar, huwa kkonfermat is-sejbien prinċipali kif jidher fir-Regolament proviżorju.

Ċ PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT L-ISTESS

1. Prodott ikkonċernat

(7) Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, numru ta’ partijiet interessati iddikjaraw li d-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat ma kinetx korretta. Sostnew li l-gradi tekniċi u purifikati ta’ aċidu sulfaniliku kienu sostanzjalment differenti fir-rigward tal-purità tagħhom u kellhom propjetajiet u applikazzjonijiet differenti. Kien sostnut li ż-żewġ gradi ta’ aċidu sulfaniliku ma setgħux ikunu ikkunsidrati bħala prodott omoġeneju u għalhekk messhom kienu ttrattati bħala prodotti distinti għall-finijiet ta’ l-investigazzjoni. B’appoġġ għal din l-affermazzjoni, kien sostnut li ma kienx hemm interkambjabilità biżżejjed bejn iż-żewġ gradi ta’ aċidu sulfaniliku. Waqt li kien aċċettat li l-grad purifikat seta’ jintuża fl-applikazzjonijiet kollha, ma setax jingħad l-istess għall-grad tekniku ta’ aċidu sulfaniliku minħabba l-livell ta’ impuritajiet li kellu, l-aktar reżidwi anilini. Dawn l-impuritajiet għalhekk għamlu l-grad tekniku ta’ aċidu sulfaniliku mhux tajjeb għall-użu bħala brillantanti ottiċi u kuluri ta’ l-ikel.

(8) Jitfakkar li l-aċidu sulfaniliku fi grad purifikat jirriżulta mill-purifikazzjoni ta’ aċidu sulfaniliku fi grad tekniku fi proċess li jneħħi ċerti impuritajiet. Dan il-proċess ta’ purifikazzjoni ma jibdilx il-propjetajiet molekolari tal-kompost jew il-mod kif jirreaġixxi ma’ kimiċi oħra. Għalhekk, gradi tekniċi u purifikati jaqsmu l-istess karatteristiċi kimiċi bażiċi. Il-fatt li l-interkambjabilità tista’ sseħħ biss f’direzzjoni waħda f’xi applikazzjonijiet minħabba tħassib fuq l-impuritajiet għalhekk mhux ikkonsidrat bħala ġustifikazzjoni biżżejjed li gradi purifikati u tekniċi jikkostitwixxu prodotti differenti li għandhom ikunu ttrattati separatament f’żewġ investigazzjonijiet differenti. Waqt li huwa aċċettat li l-proċess ta’ purifikazzjoni jżid ċerti spejjeż għall-proċess ta’ produzzjoni, huwa mfakkar li dawn kienu ikkunsidrati meta sar paragun ġust bejn il-gradi differenti prodotti mill-industrija tal-Komunità u dawk importati mill-pajjiż ikkonċernat għall-iskop li jkun ikkalkolat il-livell tat-twaqqigħ tal-prezz u l-livell tat-restituzzjoni tal-ħsara.

(9) Għalhekk, ma kienx ikkonsidrat li l-kummenti magħmula mill-partijiet interessati dwar id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat kienu biżżejjed biex jibdlu s-sejbien f’din il-kwistjoni li kien instab fl-istadju proviżorju. Huwa għalhekk konkluż b’mod definittiv li ż-żewġ gradi ta’ aċidu sulfaniliku għandhom ikunu ittrattati bħala prodott waħdieni għall-iskop ta’ dan il-proċediment.

2. Prodott l-istess

(10) L-ebda element ġdid ma nġab għall-attenzjoni tal-Kummissjoni li jwassalha biex tibdel il-konklużjonijiet milħuqa fl-istadju proviżorju, jiġifieri li l-aċidu sulfaniliku prodott u mibjugħ mill-produtturi tal-Komunità u dak prodott fl-Indja u esportat lill-Komunità huma l-istess prodotti.

(11) Is-sejbien proviżorju dwar l-istess prodott kif jidher fil-preamboli 13 tar-Regolament proviżorju huwa b’dan ikkonfermat.

D. SUSSIDJU

(12) Is-sejbien magħmul fir-Regolament proviżorju dwar is-sussidji kumpensatorji miksuba mill-produtturi esportaturi huma b’dan ikkonfermati, sakemm ma jingħadx mod ieħor hawn isfel.

1. Żoni ta’ l-Ipproċessar għall-Esportazzjoni (EPZ)/Unitajiet Orjentati għall-Esportazzjoni (EOU)

(13) Ma kien riċevut l-ebda kumment ġdid taħt din l-intestatura Is-sejbien kif imfisser fil-preamboli 18 sa 28 tar-Regolament Proviżorju huwa b’dan ikkonfermat.

2. Skema tal-Ktejjeb ta’ l-Intitolament għad-Dazju (DEPB) – wara l-esportazzjoni

(14) Il-Gvern ta’ l-Indja ("GOI") sostna li l-Ftehim fuq is-sussidji u l-miżuri ta’ kumpens (ASCM) inkiser fl-ispirtu u fl-ittra mill-Kummissjoni billi ma nvestigatx l-utilizzazzjoni prattika tal-DEPB f’kull każ. Sostnew li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-benefiċċji skond dawn l-iskemi ma kinitx korretta billi r-rifużjoni fuq id-dazju żejjed biss setgħet tkun ikkunsidrata bħala sussidju skond l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2026/97 ("Regolament bażiku"). Għalhekk, biex ikun stabbilit jekk jeżistix sussidju, għandu jsir eżami jekk jeżistix eċċess.

(15) Il-Kummissjoni użat il-metodu li ġej biex ikun stabbilit jekk id-DEPB fuq bażi ta’ post-esportazzjoni jikkostitwixxi sussidju kompensatorju u jekk iva, biex ikun ikkalkolat l-ammont tal-benefiċċju.

(16) Bis-saħħa ta’ l-Artikolu 2(1)(a)(ii) tar-Regolament bażiku, huwa konkluż li din l-iskema tinvolvi kontribuzzjoni finanzjarja mill-GOI billi d-dħul tal-gvern (jiġifieri dazji ta’ l-importazzjoni fuq l-importazzjonijiet) li jkun dovut ma jinġabarx. Hemm ukoll benefiċċju mogħti, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(2) tar-Regolament bażiku, lir-riċevent billi l-produtturi li jesportaw kienu meħlusin milli jħallsu d-dazji ta’ l-importazzjoni. Is-sussidju DEPB huwa kontinġenti fuq il-prestazzjoni ta’ l-esportazzjoni u għalhekk huwa kumpensatorju skond l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku sakemm tapplika waħda mill-eċċezzjonijiet maħsuba fir-Regolament bażiku.

(17) L-Artikolu 2(1)(a)(ii) jipprovdi għal din l-eċċezzjoni għal, fost l-oħrajn, ir-restituzzjoni u s-sostituzzjoni ta’ skemi ta’ restituzzjoni li jikkonformaw mar-regoli stretti preskritti fl-Anness I paragrafu (i), l-Anness II (definizzjoni u regoli għar-restituzzjoni) u l-Anness III (definizzjoni u regoli għas-sosistuzzjoni tar-restituzzjoni).

(18) L-analiżi wriet li d-DEPB fuq bażi ta’ wara l-esportazzjoni mhix restituzzjoni jew skema ta’ sostituzzjoni tar-restituzzjoni. L-iskema m’għandhiex inerenti fiha obbligu għall-importazzjoni biss ta’ oġġetti li huma kkunsmati fil-produzzjoni ta’ l-oġġetti esportati (l-Anness II tar-Regolament bażiku) li jiżgura li tħarsu l-ħtiġiet tal-paragrafu (1) ta’ l-Anness I. Barra dan, m’hemmx sistema ta’ verifika fis-seħħ biex tivverifika jekk l-importazzjonijiet huma attwalment ikkunsmati fil-proċess ta’ produzzjoni. Mhix skema tas-sostituzzjoni tar-restituzzjoni għaliex l-oġġetti importati m’għandhomx ikunu ta’ l-istess kwantità u karatterisitiċi bħall-oġġetti li jiġu minn sorsi domestiċi li kienu użati għall-produzzjoni ta’ esportazzjoni (l-Anness III tar-Regolament bażiku). Fl-aħħar, il-produtturi esportaturi huma eliġibbli għall-benefiċċji DEPB immaterjalment minn jekk jimportawx oġġetti jew le. Biex jinkiseb il-benefiċċju, huwa biżżejjed għal esportatur li sempliċiment jesporta l-oġġetti mingħajr ma juri li xi materjal għall-oġġetti kien impurtat. Għalhekk, produtturi esportaturi li jakkwistaw l-oġġetti kollha tagħhom lokalment u li ma jimportawx oġġetti li jistgħu jintużaw bħala oġġetti għadhom intitolati għall-benefiċċji DEPB. Għalhekk, id-DEPB fuq bażi ta’ wara l-esportazzjoni ma jikkonformax ma’ xi dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi I sa III. Billi l-eċċezzjoni ta’ hawn fuq għad-definizzjoni tas-sussidju għalhekk ma tapplikax, il-benefiċċju kumpensatorju huwa remissjoni tad-dazji kollha ta’ importazzjoni normalment dovuti fuq l-importazzjonijiet kollha.

(19) Minn dak li ntqal fuq isegwi, skond ir-Regolament bażiku, li r-remissjoni żejda ta’ dazji ta’ importazzjoni hija l-bażi għall-kalkolu ta’ l-ammont tal-benfiċċju biss fil-każ ta’ restituzzjoni bona fidi u skemi ta’ sostituzzjoni tar-restituzzjoni. Billi huwa stabbilit li d-DEPB fuq bażi ta’ wara l-esportazzjoni ma jidħolx f’waħda minn dawn iż-żewġ kategoriji, il-benefiċċju huwa r-remissjoni totali tad-dazji ta’ l-importazzjoni, mhux xi remissjoni żejda mistħajla, billi kull remissjoni tad-dazju titqies li hija żejda f’dawn il-każijiet.

(20) Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, il-pretenzjoni mill-GOI ma tistax tkun aċċettata u s-sejbien proviżorju dwar il-kumpens minn din l-iskema u l-kalkolu tal-benefiċċju, kif jidher fil-preamboli 35 sa 40 tar-Regolament proviżorju, huwa kkonfermat.

3. Skema ta’ Eżenzjoni mit-Taxxa fuq id-Dħul (ITES)

(21) Il-kumpannija li kkooperat sostniet li meta kkalkolat il-benefiċċju skond din l-iskema, l-ammont attwali ta’ taxxa mħallsa mill-kumpannija ma tqiesx għal kollox għaliex it-Taxxa Minima Alternattiva (MAT) biss kienet inkluża fil-kalkolazzjoni oriġinali u mhux it-taxxi fuq id-dħul mħallsa minn qabel tas-snin ta’ qabel.

(22) Din il-pretensjoni nstabet li kienet valida. Il-benefiċċju għall-kumpannija kien ikkalkolat mill-ġdid u nstab li kien negliġibbli.

4. Liċenza bil-quddiem – Skema ta’ Ordnijiet ta’ Rilaxx bil-Quddiem (ARO)

(23) Il-GOI ssottometta li l-ARO hija biss estenzjoni leġittima ta’ l-iskema leġittima tas-sostituzzjoni tar-restituzzjoni (Liċenza bil-Quddiem). Skond il-GOI dan huwa ppruvat mill-fatt li hemm rabta mhux maqsuma bejn il-liċenzi miksuba (ukoll jekk sussegwentement mibdula ma’ AROs) u l-importazzjoni tal-prodotti meħtieġa għall-manifattura ta’ oġġetti esportati. Barra dan, is-sistema hija organizzata u amministrata mill-GOI b’mod biex ma jkunx hemm il-possibbilità ta’ restituzzjoni żejda.

(24) F’dan ir-rigward, il-GOI argumenta li skema ta’ sostituzzjoni tar-restituzzjoni ma teħtieġx li kumpannija li takkwista benefiċċji fuq ir-restituzzjoni tad-dazju ma’ prodotti importati għandhom jikkunsmaw dawk l-oġġetti stess fil-produzzjoni ta’ l-oġġetti rilevanti esportati. Skond il-GOI, il-kumpannija tista’ tikkonsma domestikament oġġetti miksuba fil-manifattura tal-prodott esportat sakemm ikunu ikkunsmati fil-volumi ekwivalenti bħala oġġetti li fuqhom jittieħed il-benefiċċju tar-remissjoni tad-dazju ta’ importazzjoni. Il-GOI sostna wkoll li utent ta’ ARO jista’ jbiddilha biss ma’ prodott (miksub domestikament) indikat fuq liċenza bil-qudiem u li l-liċenza bil-qudiem nkisbet b’referenza għal prodott esportat li kkonsma diġà kwantità ekwivalenti ta’ l-istess prodott.

(25) Meta jkunu ttrattati dawn l-argumenti, għandu jitfakkar li liċenzi bil-quddiem huma disponibbli għall-esportaturi (manifatturi-esportaturi jew kummerċjanti esportaturi) biex ikunu jistgħu jimportaw prodotti użati fil-produzzjoni ta’ esportazzjonijiet, bla ħlas tad-dazju. Il-liċenzi bil-quddiem ikejlu l-unitajiet ta’ importazzjonijiet awtorizzati jew f’termini tal-kwantità tagħhom jew f’termini tal-valur tagħhom. Fiż-żewġ każijiet huma stabbiliti r-rati użati biex ikun stabbilit ix-xiri bla dazju, għall-maġġoranza tal-prodotti inkluż il-prodott kopert b’din l-investigazzjoni, fuq il-bażi ta’ Standard Input Output Norms (SION). L-oġġetti speċifikati fil-liċenzi bil-quddiem huma oġġetti użati fil-produzzjoni tal-prodott lest rilevanti esportat.

(26) Id-detentur ta’ liċenza bil-quddiem li behsiebu jġib l-oġġetti min sorsi domestiċi, minflok importazzjoni domestika, għandu l-għażla li jġibhom bl-AROs. F’dawn il-każijiet il-liċenzi bil-quddiem huma validati bħala AROs u huma ġirati lill-fornitur mal-kunsinna ta’ l-oġġetti hemm speċifikati. Skond id-dokument "politika ta’ esportazzjoni u importazzjoni", il-ġirata ta’ l-ARO jintitola lill-fornitur għall-benefiċċji ta’ l-esportazzjoni daqslikieku magħmula bħar-restituzzjoni tad-dazji doganali fuq l-esportazzjonijiet preżunti u r-rimbors tas-sisa finali.

(27) F’dan il-każ, il-kumpannija li tikkoopera għamlet użu limitat ħafna tal-liċenżji bil-quddiem għall-importazzjoni ta’ oġġetti bla dazju. Minflok, il-kumpannija kkonvertiet il-liċenzi f’AROs u ġġirathom lill-provdituri lokali u kisbet vantaġġi kummerċjali. Il-benefiċċji kummerċjali ta’ l-AROs jikkorrespondu għall-ammont ta’ dazji li l-AROs jippermetti li l-fornitur iħalli bil-faċilità tar-restituzzjoni ta’ l-esportazzjoni preżunta.

(28) Huwa rikonoxxut li s-sistemi ta’ restituzzjoni tad-dazju jistgħu jippermettu għar-rifużjoni jew restituzzjoni tal-piżijiet ta’ l-importazzjoni fuq oġġetti li huma ikkunsmati fil-proċess ta’ produzzjoni ta’ prodott ieħor u meta l-esportazzjoni ta’ dan il-prodott ikollu oġġetti domestiċi li jkollhom l-istess kwalità u karatteristiċi bħal dawk sostituti għall-oġġetti ta’ importazzjoni. Ikun permess ngħidu aħna għal kumpannija, fil-każ ta’ nuqqas ta’ oġġetti bla dazju, li jintużaw oġġetti domestiċi u li jkunu inkorporati f’oġġetti esportati, imbagħad, fi stadju ulterjuri, ikun hemm importazzjoni ta’ kwantità korrispondenti ta’ oġġetti bla dazju. F’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ sistema ta’ verifika jew proċedura hija importanti għaliex tippermetti, f’dan il-każ, lill-GOI li jiżgura u juri li l-kwantità ta’ oġġetti li għaliha tintalab ir-restituzzjoni ma taqbiżx il-kwantità ta’ prodotti simili esportati, f’kull forma, u li ma jkunx hemm restituzzjoni fuq piżijiet ta’ l-importazzjoni iżjed minn dawk miġbura oriġinarjament fuq dawk l-oġġetti importati.

(29) Kif intqal fir-Regolament proviżorju, il-verifika stabbiliet li ma kienx hemm fis-seħħ sistema jew proċedura biex ikun kkonfermat jekk u liema oġġetti, miġjuba bis-saħħa ta’ l-AROs, huma ikkunsmati fil-proċess ta’ produzzjoni tal-prodott esportat jew jekk kienx hemm benefiċċju żejjed ta’ dazji ta’ importazzjoni li seħħew fit-tifsira tal-paragrafu (i) ta’ l-Anness I u l-Annessi II u III tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, l-esportatur mhux taħt l-ebda obbligu li attwalment jikkonsma l-oġġetti miġjuba bis-saħħa ta’ l-AROs fil-proċess ta’ produzzjoni. Billi r-remissjoni ta’ dazji ta’ importazzjoni mhux limitata għal dak pagabbli fuq oġġetti kkunsmati fil-proċess ta’ produzzjoni tal-prodotti esportati, mhix imħarsa l-kondizzjoni li oġġetti attwalment ikkunsmati fil-proċess tal-produzzjoni biss tal-prodotti esportati jistgħu jibbenefikaw minn din ir-remissjoni. Huwa għalhekk konkluż li l-element ARO ta’ l-iskema tal-Liċenza bil-Quddiem mhix skema permessa ta’ remissjoni/restituzzjoni fit-tifsira tar-Regolament bażiku.

(30) Barra dan, l-AROs ma jistgħux ikunu ikkunsidrati bħala skema tar-restituzzjoni tad-dazju, billi jidher li m’hemmx ħtieġa li jkunu importati l-oġġetti. F’dan il-kuntest, skema tista’ tkun meqjusa biss bħala skema tar-restituzzjoni tad-dazju bona fidi fil-każijiet meta jeżisti element ta’ importazzjoni, jiġifieri meta hemm rabta bejn oġġetti importati u oġġetti esportati. Il-kwantità ta’ oġġetti importati għandha tikkorrespondi għall-oġġetti esportati.

(31) Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, dawn il-pretenzjonijiet ma jistgħux ikunu aċċettati u huwa kkonfermat is-sejbien proviżorju fir-rigward tal-kompensazzjoni ta’ din l-iskema u l-kalkolu tal-benefiċċju.

5. Skema ta’ Pakkett ta’ Inċentivi (PSI) tal-Gvern ta’ Maharashtra

(32) Kif intqal fir-Regolament proviżorju, l-iskema PSI hija disponibbli biss għall-kumpanniji li investew f’ċerti żoni ġeografiċi indikati fil-ġurisdizzjoni ta’ l-Istat ta’ Maharashtra. Mhix disponibbli għal kumpanniji li jinsabu barra dawn iż-żoni. Il-livell tal-benefiċċju huwa differenti skond iż-żona kkonċernata. L-iskema hija għalhekk speċifika skond l-Artikolu 3(2)(a) u l-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku.

(33) Il-GOI u l-kumpannija kkonċernata sostnew li din l-iskema mhix sussidju mhux kumpensatorja billi tħares il-kriterji ta’ l-Artikolu 4(3) tar-Regolament bażiku, u għalhekk tikkwalifika bħala sussidju reġjonali ammissibbli mogħtija fl-Istat ta’ Maharashtra.

(34) Skond dan l-Artikolu, biex ma jkunx hemm miżuri ta’ kumpens, is-sussidji għal reġjuni żvantaġġati ġewwa t-territorju tal-pajjiż ta’ l-oriġini u/jew esportazzjoni jkollu jikkonforma ma’ ċerti kriterji; l-aktar, għandhom ikunu: (i) bis-saħħa tal-qafas ġenerali ta’ żvilupp reġjonali, (ii) ir-reġjuni ikkonċernati għandhom ikunu indikati b’mod ċar bħala żoni kontigwi ġeografiċi b’identità ekonomika u amministrattiva definibbli, u (iii) jitqiesu żvantaġġati fuq il-bażi ta’ kriterji newtrali u oġġettivi li għandhom ikunu imfissra b’mod ċar fil-liġi jew dokument uffiċjali ieħor. Dawn il-kriterji għandhom jinkludu kejl ta’ żvilupp ekonomiku li għandu jkun ibbażat fuq mill-anqas wieħed mill-fatturi li ġejjin: dħul kull ras, jew dħul kull familja r-ras, jew GDP ir-ras (f’kull każ, mhux ‘il fuq minn 85 % tal-medja għat-territorju tal-pajjiż ta’ oriġini jew esportazzjoni kkonċernata), jew ir-rata tal-qgħad kif imkejjel matul perjodu ta’ tliet snin (għall-anqas 110 % tal-medja għat-territorju tal-pajjiż ta’ l-oriġini jew ta’ esportazzjoni ikkonċernata).

(35) Il-Gvern ta’ Maharashtra f’ittra lill-Ministeru tal-Kummerċ u l-Industrija tal-GOI qal li l-PSI japplika għar-reġjun kontigwu sħiħ barra r-reġjun relattivament avvanzat li jinsab fil-faxxa Mumbai-Thane ta’ l-Istat ta’ Maharashtra, u li r-reġjun żvantaġġat barra din il-faxxa hija karatterizzata bi dħul kull ras li huwa anqas il-medja ta’ l-Istat. Ingħataw figuri li wrew li d-dħul kull ras għar-reġjun fejn japplika l-PSO kien 74,54 % tal-figura għall-Istat kollu ta’ Maharashtra fl-1982/83 u 74,81 % da’ l-1998/99. Iżda, dawn il-figuri ma kinux issostanzjati b’evidenza ta’ appoġġ.

(36) F’kull każ, l-eżami tal-pretenzjoni ammissibbli wriet li d-dħul kull ras fl-Istat ta’ Maharashtra, kif imkejjel matul perjodu ta’ tliet snin (1996/97 sa 1998/99), hija aktar minn 60 % tal-medja nazzjonali ta’ l-Indja. Għandu jkun ċar li l-limitu ta’ 85 % jitkejjel mad-dħul kull ras għall-pajjiż sħiħ ta’ oriġini jew esportazzjoni u mhux dak ta’ Stat partikolari jew reġjun. Fuq din il-bażi, huwa ċar li d-dħul kull ras tar-reġjun eliġibbli f’Maharashtra, għalkemm anqas minn 85 % tal-medja reġjonali, huwa ogħla sewwa mid-dħul medju nazzjonali kull ras, u r-reġjun għalhekk ma jidħolx fil-kategorija ammissibbli fuq il-bażi ta’ dan il-kriterju. Fir-rigward tal-kriterju tal-qgħad, ma kienet ipprovduta l-ebda informazzjoni mill-awtoritajiet Indjani.

(37) Fuq il-bażi ta’ li intqal fuq, huwa konkluż li, f’dan il-każ, din l-iskema ma ħarsitx il-kriterji ta’ l-Artikolu 4(3) tar-Regolament bażiku. Is-sejbien proviżorju fir-rigward tal-kumpens ta’ din l-iskema huwa, għalhekk, ikkonfermat.

(38) Dwar il-kalkolu ta’ l-ammont tas-sussidju kif preskritt fil-preamboli 72 sa 74 tar-Regolament proviżorju, il-GOI u l-kumpannija kkonċernata sostniet li l-ammont tal-benefiċċju miksub skond l-inċentiv tal-postponiment tat-taxxa għandu jkun allokat fuq il-bejgħ totali matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ("IP") aktar milli fuq il-bejgħ domestiku totali matul l-IP kif kien proviżorjament allokat, billi huwa benefiċċju għall-kumpannija komplessivament u għandha għal din ir-raġuni tkun attribwita mhux biss għall-bejgħ domestiku tagħha.

(39) Barra dan, ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni tal-Kummissjoni għal ċerti fatturi li bihom kienu mgħollija żżejjed il-kalkoli tal-benefiċċju miksub mill-kumpannija kkonċernata skond l-inċentiva ta’ eżenzjoni mit-taxxa tal-bejgħ.

(40) Il-pretensjoni dwar il-bażi ta’ l-allokazzjoni tal-benfiċċju miksub skond l-inċentiv tal-postponiment tat-taxxa kien ikkonsidrat validu u l-Kummissjoni emendat il-kalkolazzjonijiet ta’ l-ammont ta’ sussidju kif jixraq.

(41) Fir-rigward ta’ l-inċentiv dwar l-eżenzjoni mit-taxxa tal-bejgħ, wara li tqiesu l-kummenti tal-partijiet interessati u wara rieżami ddettaljat tas-sejbein proviżorju, il-kalkoli proviżorji kienu aġġustati li rriżulta fit-tnaqqis komplessiv ta’ l-ammont tas-sussidju.

(42) Fuq il-bażi tal-kalkoli riveduti, l-ammont tas-sussidju li kisbet il-kumpannija skond din l-iskema hija ta’ 0,8 %.

6. Ammont ta’ sussidji kumpensatorji

(43) L-ammont ta’ sussidji kumpensatorji, ikkalkolat skond id-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku, imfisser ad valorem, huwa 7,1 %, għall-produtturu esportatur investigat.

(44) Il-livell ta’ kooperazzjoni għall-Indja kien għoli (‘il fuq minn 80 %). Minħabba l-livell għoli ta’ kooperazzjoni, kien deċiż li jkun iffissat il-marġini tas-sussidju residwu fil-livell tas-sussidju misjub għall-produttur esportatur li kkoopera, jiġifieri 7,1 %.

Tip ta’ sussidju | EOU | DEPB | EPCGS | ITES | Liċenza bil-quddiem/ ARO | Skema ta’ l-istat ta’ Maharashtra | TOTAL |

Kokan Synthetics and ChemicalsPrivate Limited | 1,4 % | 1,7 % | 0 | 0 | 3,2 % | 0,8 % | 7,1 % |

L-oħrajn kollha | | | | | | | 7,1 % |

E. L-INDUSTRIJA KOMUNITÀ

(45) Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, numru ta’ partijiet interessati ddubitaw id-definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità u s-sinifikat tagħha fis-sens ta’ l-Artikolu 10(8) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, kien issuġerit li l-produttur li lmenta, Sorochimie Chime Fine, ma kellux l-appoġġ tat-tieni produttur tal-Komunità, Quimigal S.A., meta għamel l-ilment.

(46) Huwa mfakkar li waqt li Quimigal ma kienx parti fl-ilment oriġinali, kien esprima l-appoġġ tiegħu għall-proċediment fl-istadju tal-bidu u kkoopera bi sħiħ fl-investigazzjoni. B’risposta għall-pretensjonijiet ta’ ċerti partijiet interessati, tenna wkoll l-appoġġ tiegħu għall-proċediment matul l-investigazzjoni. Għalhekk, billi l-ebda elementi ġodda ma nġiebu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni dan iwassal biex jinbidel is-sejbien ta’ qabel, is-sejbien proviżorju dwar it-tifsir ta’ industrija tal-Komunità u s-sinifikat tagħha kif imfisser fil-preambolu 78 tar-Regolament proviżorju.

F. ĦSARA

1. Rimarki preliminari

(47) Diversi partijiet interessati ddubitaw mill-mod kif il-Kummissjoni kienet stabbiliet iċ-ċifri għall-importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku fil-Komunità, il-konsum tal-Komunità u l-ishma tas-suq. Sostnew li ma kien hemm biżżejjed żvelar tas-sejbien tal-Kummissjoni dwar l-importazzjonijiet, kemm f’termini ta’ volum u ta’ valur u li konsegwentement id-dittijiet tagħhom ta’ difiża kienu mtellfa. Kien innotat li xi ftit minn din l-informazzjoni kienet nieqsa wkoll mill-verżjoni pubblika ta’ l-ilment bir-riżultat li l-ilment ma ħarisx l-istandards provduti fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament bażiku.

(48) Għandu jkun innotat li skond l-Artikolu 29(1) tar-Regolament bażiku, informazzjoni li tintbagħat konfidenzalment mill-partijiet f’investigazzjoni għandha tkun ittrattata bħala tali mill-awtorità li tinvestiga sakemm l-informazzjoni titlob trattament bħal dan. Jitfakkar li l-aċidu sulfaniliku huwa maħdum minn numru relattivament żgħir ta’ produtturi madwar id-dinja. Konsegwentement, ma kienx possibbli għal raġunijiet ta’ kunfidenzalità li tingħata informazzjoni preċiża dwar l-importazzjonijiet tal-prodott ġewwa l-Komunità, speċjalment għal dawk il-pajjiżi fejn hemm esportatur produttur wieħed. Għalhekk, għall-iskopijiet ta’ l-iżvelar, il-figuri indiċjati u n-narrativa spjegattiva saru disponibbli għall-partijiet interessati dwar dan u affarijiet relatati.

(49) Billi ħadd mill-partijiet interessati li qajmu l-kwistjoni ta’ nuqqas ta’ żvelar ma setgħu juru li l-informazzjoni disponibbli għalihom f’forma fil-qosor ma kinitx tippermettilhom jiddefendu d-drittijiet tagħhom, l-argumenti tagħhom f’dan ir-rigward kellhom ikunu miċħuda.

2. Importazzjonijiet ikkonċernati

(50) Parti waħda interessata ssuġġeriet li l-figura għaż-żieda fl-importazzjonijiet innotata fir-Regolament proviżorju kien qarrieqi. Kien sostnut li billi numru ta’ produtturi oħra kienu irtiraw mis-suq, l-utenti fil-Komunità kienu obbligati li jixtru l-aċidu sulfaniliku fis-suq dinji, li jwassal għalhekk għal żieda qawwija fil-volumi ta’ importazzjoni. Din il-pretenzjoni kellha tkun miċħuda għal numru ta’ raġunijiet. Fl-ewwel każ, ma ntbagħtet l-ebda evidenza oħra dwar il-livell ta’ importazzjonijiet biex jinbidel is-sejbien li kien hemm fl-istadju proviżorju fuq din il-kwistjoni. Bl-istess mod, waqt li huwa rikonoxxut fil-preambolu 161 tar-Regolament proviżorju li l-importazzjonijiet mill-Indja kienu mistennija li jkomplu jkollhom rwol sinifikanti li tintaħaq id-domanda fil-Komunità, kien innutat wkoll li kieku l-inustrija tal-Komunità ma kinitx soġġetta għal effetti ta’ ħsara ta’ l-importazzjonijiet sussidjati, setgħet iddaħħal fis-seħħ ċerti pjanijiet ta’ espanzjoni, u għalhekk tissodisfa l-parti l-kbira tad-domanda tal-Komunità. Fid-dawl ta’ dak li ntqal fuq, huwa kkonfermat is-sejbien proviżorju jikkonċerna importazzjonijiet ġewwa l-Komunità mill-Indja u l-livell tat-twaqqigħ tal-prezz kif innotat fil-preamboli 81 sa 85 tar-Regolament proviżorju.

3. Sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità

(51) Skond l-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku, l-eżami ta’ l-impatt ta’ importazzjonijiet issussidjati fuq l-industrija tal-Komunità inkluza valutazzjoni tal-fatturi u l-indiċijiet kollha rilevanti li għandhom rilevanza fuq l-istat tagħha.

(52) Wara l-iżvelar proviżorju, numru ta’ partijiet interessati ddubitaw il-mod kif il-Kummissjoni waslet id-determinazzjoni proviżorja tagħha dwar il-ħsara billi ċerti indikaturi kienu qegħdin juru żviluppi posittivi. B’mod speċjali kien issuġġerit li ż-żieda fil-produzzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, il-bejgħ u l-utilizzazzjoni tal-kapaċità ta’ l-utilizzazzjoni matul il-perjodu ta’ l-analiżi (1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Ġunju 2001) ipprovaw li ma ġarrbitx dannu. Parti waħda interessata sostniet ukoll li l-Kummissjoni naqqset li tagħmel valutazzjoni sewwa ta’ l-ispejjeż tal-pagi meħtieġa bl-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku.

(53) Jitfakkar li skond l-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku, l-ebda fattur ekonomiku jew indiċi elenkati fl-artikolu fuq imsemmi m’għandu neċssarjament ikun deċiżiv fid-determinazzjoni tal-ħsara. Huwa veru li ċerti indikaturi dwar kwantitajiet prodotti u mibjugħa mill-industrija tal-Komunità wrew żviluppi pożittivi. Iżda, dan għandu ikun kkunsidrat fid-dawl tal-fatt li l-konsum tal-Komunità ta’ l-aċidu sulfaniliku żdied b’xi 13 % matul il-perjodu ta’ l-analiżi u li kien hemm tnaqqis tan-numru ta’ fornituri fis-suq minħabba l-għeluq ta’ ċerti produtturi tal-Komunità.

(54) Aktar importanti minn hekk, għandu jitfakkar li l-industrija tal-Komunità ġarbet ħsara fil-forma ta’ tnaqqis fil-prezz u s-soppressjoni tal-prezz. B’mod partikolari, il-prezz medju tal-bejgħ naqas b’mod qawwi bejn l-1997 u l-1998 meta l-kienet fid-dieher il-pressjoni li kienet qed issir bil-volum dejjem jikber ta’ importazzjonijiet fis-suq. Wara, għalkemm l-industrija tal-Komunità setgħet iżżid il-prezz medju tal-bejgħ hekk kif żdiedet id-domanda fis-suq tal-Komunità, ma rnexxilhiex tilħaq livell li jippermettilha tkopri l-ispiża kollha ta’ produzzjoni u baqa’ jsir telf fl-IP.

(55) Fir-rigward ta’ l-argument li tqajjem dwar il-pagi, ikun innotat li għalkemm in-numru ta’ ħaddiema impjegati minn Sorochimie naqas matul il-perjodu ta’ l-analiżi, l-ispiża medja ta’ l-impjieg għal kull impjegat żdiedet. Dan minħabba l-fatt li kien hemm bidla fit-taħlita ta’ impjegati matul il-perjodu kif ukoll l-inflazzjoni ġenerali tasl-pagi. Fir-rigward ta’ Quimigal, għandu jkun innotat li s-sena bażi għall-indiċi (1998) il-kumpannija ma kinitx qed tipproduċi aċidu sulfaniliku. Meta bdiet il-produzzjoni fl-1999, il-ħaddiema kienu impjegati l-ħin kollu f’din l-attività b’jum żejjed li nħadem mill-2000 lil hemm. L-ebda kumpannija ma nnutat li l-pagi ta’ dawk impjegati fl-attivitajiet ta’ l-aċidu sulfaniliku ma kienu affettwati bl-importazzjonijiet ikkonċernati. Għalhekk, l-impjiegi ma kienux ikkunsidrati bħala indikatur tal-ħsara.

(56) Minħabba dak li ntqal fuq, huwa kkonfermat is-sejbien proviżorju li l-industrija tal-Komunità sofriet ħsara materjali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku, kif imsemmi fil-preamboli 88 sa 107 tar-Regolament proviżorju.

G. NESS TA’ KAŻWALITÀ

1. Kummenti ġenerali fuq il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kawżalità tal-ħsara

(57) Ċerti partijiet interessati sostnew li l-industrija tal-Komunità kienet responsabbli parzjalment għall-ħsara li kienet ġarbet. Diversi partijiet ddubitaw il-kwalità tat-tmexxija ta’ Sorochimie, il-prodott u s-servizz tal-klijenti, u seħqu fuq il-fatt li hija nnifisha kienet importat l-aċidu sulfaniliku matul il-perjodu ta’ l-analiżi. Parti waħda allegat ukoll li l-ħsara mġarrba minn Sorochimie għandha tkun attribwita lill-attività l-oħra tan-negozju (il-kolla) li għaddiet minn diffikultajiet sinifikanti matul l-IP. Fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ Quimigal, it-tieni kumpannija li tifforma parti mill-industrija tal-Komunità, kien argumentat li d-deċiżjoni tagħha biex tidħol fis-suq bi strateġija ta’ prezz baxx matul il-fażi tal-bidu kienet ikkontribwiet ukoll għall-ħsara allegata. Finalment, kien sostnut ukoll li l-industrija tal-Komunità kellha tħares regolamenti iebsin ambjentali u kellha spejjeż tax-xogħol u tat-trasport ogħla minn dawk tal-produtturi esportaturi fl-Indja bl-implikazzjoni li l-importazzjonijiet li joriġinaw f’dak il-pajjiż kellhom vantaġġ kompetittiv u ma kinux saru bi prezzijiet ta’ ħsara.

(58) L-investigazzjoni wriet li Sorochimie, minkejja d-diffikultajiet finanzjarji tagħha marbutin mal-prezzijiet eċċessivament baxxi li ddominaw is-suq, setgħet tikseb klijenti ġodda matul il-perjodu ta’ l-analiżi u biex tadatta l-prodotti tagħha biex tħares il-ħtiġiet tagħha. Il-kumpannija kienet obbligata li tixtri ċerti kwantitajiet tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ l-analiżi biex tissodisfa l-ħtiġiet tal-klijenti eżistenti tagħha waqt li t-tagħmir tal-produzzjoni tagħha kien għat-tiswija tal-bżonn. Għalhekk ma jistax ikun ikkunsidrat li Sorochimie ikkontribwiet għall-ħsara tagħha stess. Bl-istess mod, huwa mfakkar li xi spejjeż eċċezzjonali dwar id-diffikultajiet tal-kumpannija fin-negozju tal-kolla tagħha kienu esklużi minn din l-investigazzjoni billi m’humiex marbuta mal-prodott ikkonċernat u għalhekk m’humiex riflessi fl-indikaturi tal-ħsara deskritti fir-Regolament proviżorju.

(59) Kien innutat fil-preambolu 118 tar-Regolament proviżorju li d-deċiżjoni ta’ Quimigal biex tidħol fis-suq ittieħdet fi żmien meta l-prezzijiet għall-aċidu sulfaniliku fis-suq tal-Komunità kienu ogħla. Quimigal setgħet tistabbilixxi lilha nnifisha fis-suq fi żmien ta’ domanda li qed tikber fil-Komunità u t-tibdil fin-numru ta’ fornituri ta’ aċidu sulfaniliku kemm fil-Komunità u barra. Kien innutat li l-kumpannija kienet obbligata li toffri prezzijiet simili għal dawk ta’ l-importazzjonijiet ta’ dumping u ssussidjati biex tistabbilixxi ruħha fis-suq u tikseb s-sehem mis-suq fl-1999 u l-2000 billi d-daqs relattivament żgħir tagħha kien ifisser li kellha toqgħod għall-prezzijiet iżjed milli tiffisshom. Minkejja dan, is-sehem mis-suq tagħha naqas xi ftit fl-IP hekk kif importazzjonijiet mill-Indja żdiedu fil-volum. L-ebda indikazzjoni ma nstabet għalhekk li d-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità hija mħabba l-kompetizzjoni tal-Komunità eċċessiva intra-Komunitarja.

(60) Fir-rigward ta’ l-ispejjeż allegatament ogħla li l-industrija tal-Komunità hija obbligata li tħares f’termini ta’ konformità mar-regolamenti ambjentali u kwistjonijiet oħra, għandu jitfakkar li l-vantaġġ kompetittiv ta’ l-importazzjonijiet ikkonċernati kien ikkunsidrat fid-determinazzjoni tal-valur normali. Għalhekk, huwa b’dan ikkonfermat is-sejbien proviżorju dwar in-ness tal-każwalità kif jidher fil-preamboli 121 sa 123 tar-Regolament proviżorju.

H. INTERESS TAL-KOMUNITÀ

(61) Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, parti waħda interessata ddubitat kif il-Kummissjoni tista’ tiddetermina, fid-dawl tal-fatt li Sorochimie kienet f’amministrazzjoni kkontrollata, li l-industrija tal-Komunità kienet vijabbli u kompettitiva. Jitfakkar li Sorochimie kienet obbligata li tfittex protezzjoni mill-kredituri tagħha wara ċerti diffikultajiet fin-negozju tagħha tal-kolla u pressjonijiet oħrajn fl-attivitajiet tagħha dwar l-aċidu sulfaniliku. Il-Qorti tal-Kummerċ ta’ Charleville Mézières appuntat amministratur biex jikkontrolla l-attivitajiet tal-kummerċ tal-kumpannija u tat lill-kumpannija perjodu ta’ żmien biex tipprepara pjan ta’ ristrutturazzjoni. Dan il-perjodu ta’ żmien kien estiż sal-31 ta’ Jannar 2003. Fin-nuqqas ta’ ġrajjiet oħra mhux imbassra, il-kumpannija għandha tkompli teżisti għall-ġejjieni immedjat u għalhekk tkun f’pożizzjoni biex tibbenefika mill-imposizzjoni ta’ miżuri definittivi. Għalhekk, huwa kkonfermat is-sejbien proviżorju li l-imposizzjoni tal-miżuri huwa fl-interess ta’ l-industrija tal-Komunità kif innutat fil-preambolu 134 tar-Regolament proviżorju.

(62) Numru ta’ partijiet interessati sostnew li l-Kummissjoni naqqset li tagħmel valutazzjoni oġġettiva tas-sitwazzjoni ta’ l-utenti billi ma kkunsidratx kull żieda fil-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità li x’aktarx isegwu l-imposizzjoni tal-miżuri. Kien sostnut ukoll li l-miżuri kienu kontra l-interess tal-Komunità billi l-kapaċità ta’ produzzjoni tal-Komunità ma kienx biżżejjed biex tilħaq id-domanda tal-Komunità u billi setgħet tirriżulta possibbiliment sitwazzjoni duopolistika bbażata fuq iż-żewġ produtturi tal-Komunità minħabba l-għeluq tas-suq għall-importazzjonijet mill-Indja kif ukoll mill-PRC, li hija nnifisha soġġetta għal investigazzjoni parallela anti-dumping.

(63) Dwar il-pretenzjoni li l-Kummissjoni naqqset li tikkunsidra d-diversi interessi b’mod oġġettiv meta tiddetermina l-imposizzjoni tal-miżuri, jitfakkar li fl-istadju proviżorju, il-Kummissjoni għamlet analiżi ddettaljata ta’ kull settur ewlieni ta’ l-utenti (produtturi ta’ brillantanti ottiċi, addittivi tal-konkrit, kuluri u kuluranti). Din l-analiżi inkludiet valutazzjoni ta’ l-impatt tal-miżuri fuq l-ispejjeż tagħhom fuq il-bażi li l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet kkonċernati setgħu jiżdiedu skond il-miżuri proposti. Fl-istess ħin, f’dan il-kalkolu saret il-konsiderazzjoni dovuta għall-akbar żieda possibbli fil-prezz ta’ l-aċidu sulfaniliku mibjugħ mill-industrija tal-Komunità ta’ 10 % fuq il-bażi li l-prezzijiet tagħha jiżdiedu għal-livell simili għal dak ta’ importazzjonijiet kkonċernati wara l-imposizzjoni tal-miżuri wara li jitqies li kienet qed topera diġa f’livell pjuttost ogħ la ta’ l-utilizzazzjoni tal-kapaċità fl-IP. L-ebda elementi ġdid ma ngħata mill-partijiet li seta’ jbiddel is-sejbien dwar iż-żieda possibbli fl-ispejjeż tal-manifattura ta’ l-industriji differenti ta’ l-utenti.

(64) Rigward il-provista u s-sitwazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tal-Komuntà, għandu jkun innutat li l-kapaċità kurrenti ta’ produzzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità tista’ tissodisfa madwar 50 % tad-domanda tal-Komunità. L-iskop tal-miżuri f’kull każ mhux li jingħalaq is-suq għall-importazzjonijiet mill-Indja imma li jkun żgurat li jsiru bi prezzijiet mhux sussidjati u mhux ta’ ħsara. Huwa għalhekk mistenni li importazzjonijiet minn terzi pajjiżi inkluż l-Indja ser ikomplu jidħlu fis-suq. Fl-istress ħin, il-miżuri għandhom jiżguraw produzzjoni ssoktata ta’ aċidu sulfaniliku fil-Komunità bir-riżultat li l-utenti ser ikollhom għażla akbar bejn il-fornituri domestiċi u barranin u għandha tinżamm l-kompetizzjoni bejn il-fornituri kollha. Wieħed għandu jisħaq ukoll li l-industrija tal-Komunità għandha pjanijiet biex iżżid l-produzzjoni billi tinvesti f’faċilitajiet ġodda jekk l-ispiża tal-kapital tista’ tkun ġġustifikata. Biex dan jiġri, l-effetti ta’ ħsara ta’ l-importazzjonijiet ssussidjati għandhom jitneħħew.

(65) Fid-dawl ta’ hawn fuq, huwa kkonfermat is-sejbien li l-imposizzjoni ta’ miżuri mhux kontra l-interessi tal-Komunità kif innutat fil-preambolu 164 tar-Regolament proviżorju.

I. DAZJI KOMPENSATTIVI

1. Livell ta’ l-eliminazzjoni tal-ħsara

(66) Fin-nuqqas ta’ kull sottomissjoni ġdida fuq dan il-punt, il-metodoloġija użata biex ikun stabbilit il-marġini ta’ ħsara kif preskritt fil-preamboli 165 sa 167 tar-Regolament proviżorju.

2. Miżuri definittivi

(67) Billi l-livell ta’ l-eliminazzjoni huwa ogħla mill-marġini tas-sussidju stabbilit, il-miżura definittiva għandha tkun ibbażata fuq dan ta’ l-aħħar. Id-dmir li ġej għalhekk japplika:

l-Indja (il-kumpanniji kollha): 7,1 %.

3. Ġbir definittiv ta’ dazji proviżorji

(68) Minħabba l-kobor tas-sussidju misjub u fid-dawl tas-serjetà tal-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Komunità, hemm bżonn li l-ammonti miġbura bħala dazju proviżorju kumpensatorju, impost mir-Regolament Proviżorju, għandu jinġabar definitivament bir-rata tad-dazju impost b’mod definittiv. Għandhom jinħelsu l-ammonti miġbura bħala dazju proviżorju iżjed mid-dazju definittiv.

J. IMPENN

(69) Wara l-imposizzjoni tal-miżuri proviżorji, il-produttur esportatur waħdieni li kkoopera fl-Indja offra impenn fuq il-prezz skond l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Meta jiġri dan, ftiehem li jbiegħ il-prodott ikkonċernat fil-prezz ta’ jew ‘il fuq minn dawk li jkollhom l-effett li jkunu eliminati l-effetti inġurjużi tas-sussidju. Il-kumpannija ser tipprovdi wkoll lill-Kummisjsoni b’informazzjoni regolari u dettaljata dwar l-esportazzjonijiet tagħha lill-Komunità, li tfisser li l-impriża tista’ tkun monitorizzata b’mod effettiv mill-Kummissjoni. Barra minn dan, l-istruttura tal-bejgħ tal-produttur esportatur hija dik li l-Kummissjoni tikkonsidra li jkun limitat ir-riskju li jkun eluż il-ftehim fuq l-impenn.

(70) Minħabba dan, l-offerta ta’ impenn kienet aċċettata mill-Kummissoni fid-DEĊIŻJONI 2002/611/KE [5].

(71) Biex ikun żgurat ir-rispett effettiv u l-monitoraġġ ta’ l-impenn, meta t-talba għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera bis-saħħa ta’ l-impenn issir lill-awtorità rilevanti tad-dwana, l-eżenzjoni mid-dazju għandha tiddependi fuq li tkun preżentata fattura li jkollha l-informazzjoni elenkata fl-Anness ta’ dan ir-Regolament. Meta din il-fattura ma tkunx ippreżentata, jew meta ma tikkorrispondix mal-prodott ikkonċernat ippreżentat lid-dwana, għandha titħallas minflok ir-rata xierqa ta’ dazju kumpensatorju.

(72) Għandu jkun innutat li fil-każ ta’ ksur jew irtirar ta’ impenn jew ksur issuspettat, dazju kumpensatorju jista’ jkun impost bis-saħħa ta’ l-Artikolu 13(9) u (10) tar-Regolament bażiku,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dazju definittiv kumpensatorju huwa b’dan impost fuq importazzjonijiet ta’ aċidu sulfaniliku, li jidħol fil-kodiċi NMex29214210 (Kodiċi TARIC 29214210*60) u li joriġina fl-Indja.

2. Ir-rata ta’ dazji definittivi kumpensatorji applikabbli għal prezz nett b’xejn mal-fruntiera tal-Komunità qabel id-dazju għandha tkun ta’ 7,1 %.

3. Minkejja l-paragrafu 1, id-dazju definittiv m’għandux japplika għall-importazzjonijiet rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni libera skond l-Artikolu 2.

4. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw.

Artikolu 2

1. L-importazzjonijiet skond il-kodiċi TARIC addizzjonali li huma prodotti u esportati direttament (jiġifieri trasportati u fatturati) mill-kumpannija hawn isfel imsemmija lil kumpannija fil-Komunità li taġixxi bħala importatur għandhom ikunu eżentati min dazju kumpensatorju impost mill-Artikolu 1 sakemm huma importati skond il-paragrafu 2.

Pajjiż | Kumpannija | Kodiċi addizzjonali TARIC |

L-Indja | Kokan Synthetics & Chemicals Pvt Ltd, 14 Guruprasad, Gokhale Road(N), Dadar (W), Mumbai 400 028, l-Indja | A398 |

2. Importazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu eżentati bil-kondizzjoni li:

(i) fattura kummerċjali li jkollha għall-anqas l-elementi ta’ l-informazzjoni meħtieġa elenkata fl-Anness tkun preżentata lill-awtoritajiet doganali ta’ l-Istati Membri wara l-preżentazzjoni tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera; u

(ii) l-oġġetti ddikjarati u ppreżentati lid-dwana jikkorrespondu preċiżament mad-deskrizzjoni fuq il-fattura kummerċjali.

Artikolu 3

L-ammonti miġbura bħala dazju proviżorju kumpensatorju impost bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 573/2002 għandhom jinġabru b’mod definittiv bir-rata tad-dazji imposti b’mod definittiv. Ammonti miġburin li jaqbżu r-rata definittiva tad-dazji kumpensatorji għandhom jinħelsu.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta’ Lulju 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

P. S. Møller

[1] ĠU L 288, tal-21.10.1997, p. 1.

[2] ĠU L 87, ta’ l-4.4.2002, p. 5.

[3] ĠU L 87, ta’ l-4.4.2002, p. 28.

[5] Ara l-paġna 36 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Elementi li għandhom ikunu indikati fil-fattura kummerċjali msemmija fl-Artikolu 2(2)

1. L-Intestatura "FATTURA KUMMERĊJALI LI TAKKUMPANJA OĠĠETTI SOĠĠETTI GĦAL IMPENN".

2. L-isem tal-kumpannija msemmija fl-Artikolu 2(1) li toħroġ il-fattura kummerċjali.

3. In-numru tal-fattura kummerċjali.

4. Id-data tal-ħruġ tal-fattura kummerċjali.

5. Il-kodiċi addizzjonali TARIC li skond dan l-oġġetti fuq il-fattura għandhom ikunu rilaxxati mid-dwana fil-fruntiera tal-Komunità.

6. (h) id-deskrizzjoni eżatta ta' l-oġġetti, inkluż:

- In-numru tal-kodiċi tal-prodott (PCN), i.e. "PA99", "PS85" jew "TA98",

- l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi/fiżiċi għall-PCN, i.e. għal "PA99" u "PS85" trab abjad mhux magħqud u għal "TA98" trab griż mhux magħqud,

- in-numru tal-kodiċi tal-prodott tal-kumpannija (CPC) (jekk applikabbli),

- Kodiċi tan-NK,

- kwantità (tingħata f'tunnellati metriċi).

7. Id-deskrizzjoni tal-kondizzjonijiet tal-bejgħ, inkluż:

- prezzijiet kull tunnellata metrika,

- il-kondizzjonijiet applikabli tal-bejgħ,

- il-kondizzjonijiet applikabbli tal-kunsinna,

- skontijiet u tnaqqis totali.

8. Isem tal-kumpannija li taġixxi bħala importatriċi li lilha tinħareġ il-fattura direttament mill-kumpannija.

9. L-isem ta' l-uffiċjal tal-kumpannija li ħareġ il-fattura kummerċjali u d-dikjarazzjoni ffirmati li ġejjin:

"Jien, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-bejgħ għall-esportazzjoni diretta lill-Komunità Ewropea ta' l-oġġetti koperti b'din il-fattura qed issir fl-iskop u skond il-kondizzjonijiet ta' l-Impenn magħmul minn Kokan Synthetics & Chemicals Pvt Ltd, 14 Guruprasad, Gokhale Road (N), Dadar (W), Mumbai 400028, l-Indja, u aċċettati mill-Kummissjoni Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2002/611/KE. Niddikjara li l-informazzjoni provduta f'din il-fattura hija kompleta u korretta."

--------------------------------------------------