Official Journal L 192 , 20/07/2002 P. 0024 - 0024
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1315/2002 tad-19 ta' Lulju 2002 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1623/2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati biex jiġi implimentat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid fir-rigward ta' mekkaniżmi tas-suq IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta' l-inbid [1], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 2585/2001 [2], u b'mod partikulari l-Artikolu 33 tiegħu, Billi: (1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1623/2000 [3], kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 420/2002 [4], jistabbilixxi dati ta' kunsinna fost ir-regoli l-oħra dettaljati dwar kunsinni għal, jew minn distilleriji; (2) Fil-Portugall, meta l-aġenzija ta' intervent tieħu f'idejha l-alkoħol prodott minn diversi distillazzjonijiet, id-distillaturi jikkunsinjaw il-prodott lill-aġenzija ta' intervent, li taħżnu fil-bini li jkun amministrat minnha. Il-Komunità mbagħad tbigħ dan l-alkoħol maħżun permezz ta' sejħa għal offerti. (3) Ma kienx possibbli li jsiru sejħiet għal offerti fil-perjodu l-aktar reċenti, u l-faċilitajiet ta' ħażna ta' l-aġenzija huma issa mimlija għal kollox. Konsegwentement, billi l-aġenzija ta' intervenzjoni Portugiża għadha ma setgħetx torganizza post ġdid, talbet lid-distillaturi biex jaħżnu l-alkoħol fil-bini tagħhom stess. Id-distillaturi bil-mod laħqu l-limiti ta' kemm jistgħu jaħżnu bħala riżultat u ma setgħux jaċċettaw l-inbejjed kollha li jridu jiġu kkunsinnati mill-produtturi għad-distillazzjoni skond l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 378/2002 [5]. (4) Il-perjodu tal-kunsinna fil-Portugall għandu għalhekk jitwal sabiex l-operazzjoni li hemm ippjanata tista' titlesta u l-operaturi ma jiġux penalizzati għal kunsinni li jsiru wara t-30 ta' Ġunju. Li l-kunsinni jitħallew ikomplu tkun ħaġa tajba biex jiġi evitat li kunsinni jitwalu aktar mis-sena ta' l-inbid. (5) Din l-emenda għandha għalhekk tapplika retroattivament mill-1 ta' Lulju 2002. Din ir-retroattività ma tippreġudikax l-aspettattivi leġittimi ta' l-operaturi għaliex tiddisponi biss għal estensjoni tal-perjodu tal-kunsinna. (6) Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Inbid, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Is-subparagrafu li ġej huwa b'dan miżjud ma’ l-Artikolu 63(9) tar-Regolament (KEE) Nru 1623/2000: "Madankollu, għas-sena tas-suq 2001/02, l-inbejjed elenkati fil-kuntratti magħmula mal-Portugall għal distillazzjoni skond l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 378/2002 jistgħu jiġu kkunsinnati sal-31 ta' Lulju 2002." Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Ikun japplika mill-1 ta' Lulju 2002. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, id-19 ta' Lulju 2002. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 179, 14.7.1999, p. 1. [2] ĠU L 345, 29.12.2001, p. 10. [3] ĠU L 194, 31.7.2000, p. 45. [4] ĠU L 112, 27.4.2002, p. 3. [5] ĠU L 60, 1.3.2002, p. 22. --------------------------------------------------