32002R1195



Official Journal L 174 , 04/07/2002 P. 0011 - 0013


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1195/2002

tat-3 ta’ Lulju 2002

li jippreskrivi regoli dettaljati sabiex ikunu applikati l-miżuri speċifiċi dwar l-importazzjoni tat-tabakk fil- Gżejjer Kanari, li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2179/92 u li jadatta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1454/2001 dwar il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1454/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jintroduċi miżuri speċifiċi għal xi prodotti agrikoli għall-Gżejjer Kanari u jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1601/92 (Poseican) [1], u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 234/79 tal-5 ta’ Frar 1979 dwar il-proċedura biex tkun aġġustata t-Tariffa Doganali Komuni użata għal prodotti agrikoli [2], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 3290/94 [3], u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1) tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 16 tar- Regolament (KE) Nru 1454/2001 jiddisponi għal eżenzjoni minn dazji għal importazzjonijiet diretti ġol-Gżejjer Kanari ta’ kwantità ta’ 20,000 tunnellata metrika ta’ tabakk mhux maħdum jew semi-manifatturat maħsub għall-produzzjoni lokali ta’ prodotti tat-tabakk.

(2) Biex jintlaħaq l-għan li dan l-arranġament ikun imħaddem, il-perjodu annwali għandu jkun definit sabiex tkun ikkalkolata l-kwantità massima msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1454/2001 u t-terminu "produzzjoni lokali ta’ prodotti tat-tabakk" għandu jkun definit. Barra minn hekk, sabiex tkun żgurata flessibilità massima għal importazzjonijiet ta’ prodotti tat-tabakk magħmula fil-Gżejjer Kanari, għandu jkun permess li l-kwantità ġenerali ta’ tabakk mhux raffinat bla zkuk tintuża għal importazzjoni ta’ prodotti oħra, fuq il-bażi ta’ ko-effiċjenti ta’ekwivalenza, fid-dawl tar-rekwiżiti ta’ l-industrija lokali.

(3) Biex jintlaħaq l-għan li dan l-arranġament ikun imħaddem, fl-interess tas-sempliċità u l-uniformità amministrattiva, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 20/2002 tat-28 ta’ Diċembru 2001 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għar-reġjuni l-aktar imbegħda introdotti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1452/2001 [4], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 474/2002 [5], għandu jkun applikat kull fejn possibbli.

(4) Fl-interess taċ-ċarezza legali, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2179/92 tat-30 ta’ Lulju 1992 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-miżuri speċifiċi ta’ importazzjoni ġol-Gżejjer Kanari fejn għandu x’jaqsam it-tabakk [6] għandu jitħassar.

(5) Ir-Regolament (KEE) Nru 2179/92 jiddisponi li l-kwota annwali ta’ 20,000 tunnellata għandha tkun amministrata fuq il-bażi ta’ perjodu mill-1 ta’ Lulju ta’ sena speċifika sat-30 ta’ Ġunju tas-sena ta’ wara. Sabiex dan ikun armonizzat ma’ l-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista, il-perjodu biex tkun imħaddma l-iskema għandu jkun emendat u l-kwantità għandha tkun disponibbli fuq bażi ta’ sena kalendarja. Għall-finijiet li tkun applikata l-iskema matul il-perjodu transitorju mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2002, il-kwantità massima disponibbli msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1454/2001 għandha tkun 10,000 tunnellata.

(6) Il-kodiċi NM għall-fdal tas-sigaretti ġie emendat. L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1451/2001 għandu jkun emendat skond dan.

(7) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni dwar it-Tabakk,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Dan ir-Regolament jippreskrivi regoli dettaljati għall-importazzjoni tat-tabakk fil-Gżejjer Kanari skond l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1454/2001.

L-Artikolu 2

Sabiex ikun applikat dan ir-Regolament:

- il-perjodu annwali sabiex tkun kalkolata l-kwantità massima annwali għandu jkun mill-1 ta’ Jannar ta’ kull sena sal-31 ta’ Diċembru ta’ l-istess sena,

- "produzzjoni lokali ta’ prodotti tat-tabakk" tfisser kull ħidma magħmula fil-Gżejjer Kanari biex ikunu proċessati l-prodotti elenkati fl-Anness ta’ dan ir-Regolament fi prodotti manifatturati lesti għat-tipjip,

- il-kwantitajiet ta’ tabakk mhux maħdum jew semi-manifatturat għandhom ikunu konvertiti fi kwantitajiet ta’ tabakk mhux maħdum bla zkuk fuq il-bażi tal-ko-effiċjenti ta’ l-ekwivalenza mogħtija fl-Anness ta’ dan.

L-Artikolu 3

L-importazzjoni ta’ prodotti elenkati fl-Anness ta’ dan minn issa ‘il quddiem għandhom ikunu suġġetti għal preżentazzjoni ta’ ċertifikat ta’eżenzjoni.

Is-Sezzjoni 20 ta’ l-applikazzjonijiet għal-ċertifikati u ċertifikati għandu jkun fihom il-kliem: "prodott maħsub għal industriji li jimmanifatturaw prodotti tat-tabakk".

Barra meta previst mod ieħor f’dan ir-Regolament, l-Artikoli 2, 5, 9, 10, 11, 12, 13, 15, 25 u 26 tar-Regolament (KE) Nru 20/2002 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-prodotti koperti minn dan ir-Regolament jintużaw f’konformità mar-regoli rilevanti tal-Komunità, b’mod partikolari l-Artikoli 291 sa 300 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jippreskrivi disposizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità [7], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 444/2002 [8].

L-Artikolu 4

Ir-Regolament (KEE) Nru 2179/92 jitħassar.

L-Artikolu 5

Għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju sal-31 ta’ Diċembru 2002, il-kwantità massima ta’ tabakk mhux maħdum bla zkuk ekwivalenti eżentant minn dazji skond l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1454/2001 għandha tkun 10,000 tunnellata metrika.

L-Artikolu 6

Fis-seba’ inċiż ta’ l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1454/2001 il-kodiċi "ex24031000" huwa sostitwit bil-kodiċi "ex24031090".

L-Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2002.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-3 ta’ Lulju 2002.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 198, tal-21.7.2001, p. 45.

[2] ĠU L 34, tad-9.2.1979, p. 2.

[3] ĠU L 349, tal-31.12.1994, p. 105.

[4] ĠU L 8, tal-11.1.2002, p. 1.

[5] ĠU L 75, tas-16.3.2002, p. 25.

[6] ĠU L 217, tal-31.7.1992, p. 79.

[7] ĠU L 253, tal-11.10.1993, p. 1.

[8] ĠU L 68, tat-12.3.2002, p. 11.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

Ko-effiċjenti ta’ ekwivalenza għal prodotti eżentati minn dazji doganali għal importazzjonijiet diretti fil-Gżejjer Kanari

Kodiċi NM | Deskrizzjoni | Ko-effiċjenti ta’ ekwivalenza |

24013000 | Skart tat-tabakk | 0,28 |

240110 | Tabakk, bla zkuk/strixxi | 0,72 |

240120 | Strixxi ta’ tabakk | 1,00 |

ex24021000 | Sigarri mhux lesti mingħajr tgeżwir | 1,05 |

ex24031090 | Fdal tas-sigarretti (taħlitiet lesti ta’ tabakk għall-produzzjoni ta’ sigaretti, sigarri, cheroots u sigarri żgħar) | 1,05 |

ex24039100 | Tabakk omoġenizzat jew rikostitwit | 1,05 |

ex24039990 | Tabakk li espanda | 1,05 |

--------------------------------------------------