Official Journal L 155 , 14/06/2002 P. 0032 - 0034
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1020/2002 tat-13 ta’ Ġunju 2002 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2958/93 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2019/93 rigward ir-reġim speċifiku ta’ provvista ta’ ċerti prodotti agrikoli IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2019/93 tad-19 ta’ Lulju 1993 li jwassal għal miżuri speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli għal gżejjer żgħar tal-Baħar Eġew [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 442/2002 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 3a tiegħu, Billi: (1) Ir-Regolament (KE) Nru 2019/93 ġie emendat b’mod sostanzjali bir-Regolament (KE) Nru 442/2002. Għalhekk hu neċessarju li jiġu adattati regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament kif definit mir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2958/93 [3], kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1802/95 [4]. (2) L-ammonti ta’ għajnuniet destinati għall-provvista lill-gżejjer tal-gruppi A u B għandhom jiġu adattati għas-sistema monetarja l-ġdida. L-għajnuna għall-provvisti destinata għall-gżejjer ta’ grupp A għandha tiżdied bl-għan li tagħmilha aktar attraenti għan-negozjanti. Jaqbel ukoll li għandha tingħata għajnuna żejda sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ tagħbija mill-ġdid u ta’ trasport minn gżejjer fejn issir it-tagħbija sa gżejjer tad-destinazzjoni li jiffurmaw parti minn grupp A jew grupp B fejn l-ispedizzjoni diretta bejn it-terraferma u d-destinazzjoni finali hi impossibli jew irregolari. (3) Is-sorveljanza ta’ operazzjonijiet li jsiru fil-qafas ta’ dan ir-reġim speċifiku ta’ provvista timponi l-interdizzjoni ta’ trasferiment ta’ drittijiet u dmirijiet mogħtija lill-possessur taċ-ċertifikat. Jaqbel li jitwal iż-żmien stipulat għall-preżentazzjoni tal-prova ta’ użu taċ-ċertifikat ta’ għajnuna sabiex jingħata żmien lin-negozjanti biex jaqdu dmirijiethom. (4) Wieħed mill-għanijiet ta’ l-amministrazzjoni ta’ l-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista huwa dak li jiġi assigurat riżultat effettiv tal-vantaġġi mogħtija sal-fażi finali ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti destinati għall-konsumaturi finali. Biex dan isir, jaqbel li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom il-possibbilità li jivverifikaw il-marġini u l-prezzijiet mitluba min-negozjanti. (5) Ir-Regolament (KEE) Nru 2019/93 jistipula li l-prodotti li jibbenefikaw minn reġim speċifiku ta’ provvista ma jistgħux jiġu esportati mill-ġdid la lejn pajjiżi terzi u lanqas lejn il-bqija tal-Komunità. Madankollu, hu jipprovdi għal derogi għall-esportazzjonijiet jew l-ispedizzjonijiet tradizzjonali ta’ prodotti pproċessati lejn il-bqija tal-Komunità. Għandhom jiġu stabbiliti regoli dettaljati sabiex jiġi kkontrollat l-użu ta’ dawn id-derogi. (6) Għalhekk hu meħtieġ li r-Regolament (KEE) Nru 2019/93 jiġi emendat għal dan il-għan. (7) Il-miżuri maħsuba f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjonijiet tal-Kumitati ta’ Ġestjoni kollha kkonċernati, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: L-Artikolu 1 Ir-Regolament (KE) Nru 2958/93 hu emendat kif ġej: 1. L-Artikolu 1 hu emendat kif ġej: (a) Il-paragrafu 1 hu sostitwit mat-test li ġej: "1. Ir-rata ta’ l-għajnuna medja msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2019/93 hi ffissata, għall-prodotti kollha li jidhru fl-Anness għal dak ir-Regolament, għal: - 22 euros għal kull tunnellata metrika, għal spedizzjonijiet lejn il-gżejjer ta’ grupp A, li jissemmew fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, - 36 euros għal kull tunnellata metrika, għal spedizzjonijiet lejn il-gżejjer ta’ grupp B, li jissemmew fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament,. Barra minn hekk, għajnuna ta’ 9 euros għal kull tunnellata metrika tingħata sabiex jiġu koperti l-ispejjeż ta’ tagħbija mill-ġdid u ta’ trasport minn gżejjer fejn issir it-tagħbija sa gżejjer tad-destinazzjoni li jiffurmaw parti minn grupp A jew grupp B fejn l-ispedizzjoni diretta bejn it-terraferma u d-destinazzjoni finali hi impossibli jew irregolari." (b) Il-paragrafu 2 hu rrevokat. (ċ) Il-paragrafu 10 hu sostitwitt mit-test li ġej: "10. Ħlief f’każ ta’ forza maġġuri, il-prova ta’ l-użu taċ-ċertifikat ta’ għajnuna għandha tinġieb matul ix-xahrejn ta’ wara l-iskadenza tal-validità taċ-ċertifikat." 2. L-Artikolu 2 hu sostitwit mat-test li ġej: "L-Artikolu 2 Iċ-ċertifikati mhumiex trasferibbli." 3. L-Artikolu 3 hu emendat kif ġej: (a) Il-paragrafu 1 hu rrevokat. (b) Il-paragrafu 2 hu sostitwit mit-test li ġej: "2. L-awtoritajiet Griegi jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jikkontrollaw li l-benefiċċji mogħtija għall-għajnuna tal-provvista jaslu għand il-konsumatur. B’hekk, huma jistgħu jevalwaw il-marġini kummerċjali u l-prezzijiet mitluba min-negozjanti kkonċernati. Dawn il-miżuri, u kull emendi eventwali, għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni." 4. L-Artikolu 4 hu sostitwit mit-test li ġej: "L-Artikolu 4 1. L-esportazzjonijiet u l-ispedizzjonijiet tradizzjonali lejn il-bqija tal-Komunità ta’ prodotti proċessati li fihom materja prima li bbenifikaw minn reġim speċifiku ta’ provvista huma awtorizzati fil-limiti tal-kwantitajiet annwali determinati mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 13a, paragrafu 2, tar-Regolament (KEE) Nru 2019/93. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jassiguraw li dawn l-operazzjonijiet ma jaqbżux il-kwantitajiet annwali stabbiliti. 2. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jawtorizzaw l-esportazzjoni jew l-ispedizzjoni lejn il-bqija tal-Komunità ta’ kwantitajiet ta’ prodotti proċessati minbarra dawk li jissemmew fil-paragrafu 1 fil-każ fejn jingħad li l-prodotti kkonċernati ma fihomx materja prima introdotta fil-qafas tar-reġim speċifiku ta’ provvista biss. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu l-kontrolli neċessarji sabiex jivverifikaw l-eżattezza ta’ l-attestazzjonijiet li jissemmew fl-ewwel parti u jirkupraw, fejn hu possibbli, l-għajnuna mogħtija fil-qafas tar-reġim speċifiku ta’ provvista. 3. Għall-fini tal-paragrafi 1 u 2, l-ispedizzjoni tal-prodotti lil hinn mill-gżejjer tal-Gruppi A u B hi spedizzjoni lejn il-bqija tal-Komunità." 5. L-Artikolu 5 hu sostitwit mit-test li ġej: "L-Artikolu 5 L-awtoritajiet Griegi għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, mhux aktar tard mill-aħħar jum ta’ kull xahar, l-informazzjoni li ġejja rigward ix-xahar ta’ qabel, skond il-prodott: - il-kwantitajiet li jidhru fit-talbiet taċ-ċertifikat ta’ għajnuna, maqsuma skond il-grupp ta’ gżejjer benefiċjarji, - in-numru ta’ każi fejn ċertifikati ta’ għajnuna ma ġewx użati u l-kwantitajiet involuti, maqsuma skond il-grupp ta’ gżejjer benefiċjarji, - il-kwantitajiet esportati wara l-bidla fil-qafas ta’ esportazzjonijiet tradizzjonali, maqsuma skond id-destinazzjoni, - il-kwantitajiet mibgħuta wara l-bidla fil-qafas ta’ spedizzjonijiet tradizzjonali, maqsuma skond id-destinazzjoni." 6. L-Artikolu 6 hu rrevokat. 7. L-Anness II hu sostiwit mit-test ta’ l-Anness ta’ dan ir-Regolament. L-Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fit-13 ta’ Ġunju 2002. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 184 tas-27.7.1993, p. 1. [2] ĠU L 68 tat-12.3.2002, p. 4. [3] ĠU L 267 tat-28.10.1993, p. 4. [4] ĠU L 174 tas-26.7.1995, p. 27. -------------------------------------------------- L-ANNESS L-ANNESS II Lista ta’ gżejjer u nomos li jiffurmaw parti mill-grupp B: (L-Artikolu 1) - nomos ta’ Dodekanisa - nomos ta’ Khios, - nomos ta’ Lesbos, - nomos ta’ Samos, - il-gżejjer ta’ nomos ta’ Kiklades, minbarra l-gżejjer inklużi fil-grupp A, - il-gżira ta’ Gavdos.” --------------------------------------------------