Official Journal L 150 , 08/06/2002 P. 0017 - 0033
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 977/2002 ta’ l-4 ta’ Ġunju 2002 li jimponi dazju tas-sisa protettiv definittiv fuq importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi ring-binder (RBMs) oriġinati fl-Indoneżja, u jtemm il-proċeduri anti-sussidjarji dwar importazzjonijiet ta’ ċerti RBMs oriġinati fl-Indja IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2026/97 tas-6 ta’ Ottubru 1997 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea [1] u partikolarment l-Artikolu 15 tiegħu, Wara li kkonsidra l-Proposta mogħtija mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv, Billi: A. PROĊEDURA 1. Investigazzjoni preżenti (1) Fit-18 ta’ Mejju 2001, il-Kummissjoni ħabbret permezz ta’ avviż (hawnhekk iżjed ‘il quddiem msejjaħ "l-avviż tal-bidu") ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej [2] il-bidu tal-proċedura anti-sussidjarja inkwantu għall-importazzjoni ta’ ċerti mekkaniżmi ring binder (hawnhekk iżjed ‘il quddiem msejħa "RBM") lejn il-Komunità, oriġinati fl-Indja u l-Indoneżja u bdiet investigazzjoni. (2) Il-proċedura nbdiet b’riżultat ta’ ilment ippreżentat fit-3 ta’ April 2001 mill-produtturi tal-Komunità li ġejjin: Koloman Handler AG ("Koloman"), l-Awstrija, u Krause Ringbuchtechnik GmbH & Co. KG ("Krause"), il-Ġermanja, ("il-persunli li lmentaw"), li jirrappreżentaw il-maġġoranza, f’dan il-każ madwar 90 %, tal-produzzjoni ta’ RBMs. L-ilment kien fih evidenza ta’ sussidju tal-prodott imsemmi, u ta’ ħsara materjali li rriżultat minnu. Din l-evidenza kienet ikkonsidrata suffiċjenti biex tiġġustifika l-bidu ta’ proċedura. (3) Il-bidu ta’ proċedura parallela ta’ anti-dumping, dwar l-importazzjoni ta’ l-istess prodott oriġinat fl-istess pajjiżi, kien imħabbar b’avviż ippubblikat fl-istess data fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej [3]. (4) Qabel il-bidu tal-proċedura u skond l-Artikolu 10(9) tar-Regolament(KE) Nru 2026/97 (hawnhekk iżjed ‘il quddiem msejjaħ "ir-Regolament bażiku"), il-Kummissjoni nnotifikat lill-Gvernijiet ta’ l-Indja u l-Indoneżja li kienet irċeviet ilment dokumentat sewwa, li jallega li importazzjoni sussidjati ta’ RBMs oriġinati fl-Indja u l-Indoneżja qed jikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità. Iż-żewġ Gvernijiet ġew invitati għal konsultazzjonijiet bil-għan li tiġi ċċarata s-sitwazzjoni inkwantu għall-kontenut ta’ l-ilment u li jaslu għal soluzzjoni bi qbil bejn it-tnejn. Il-Kummissjoni kkonsultat maż-żewġ Gvernijiet fi Brussel. Il-Kummissjoni kkonsidrat bl-attenzjoni l-kummenti li saru minn dawn il-Gvernijiet dwar l-allegazzjonijiet li kien hemm fl-ilment dwar importazzjonijiet sussidjati u ħsara materjali li sofriet l-industrija tal-Komunità, u sussegwentement ċertu numru ta’ l-iskemi allegati ma ġewx inklużi fl-investigazzjoni. (5) Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-produtturi tal-Komunità, produtturi ta’ l-esportazzjoni, importaturi u utenti li taf li huma konċernati, ir-rappreżentanti tal-pajjiżi esportaturi u dawk li għamlu l-ilment tal-bidu tal-proċedura. Il-partijiet konċernati kellhom l-opportunità jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom bil-kitba u jitolbu seduta fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-avviż tal-bidu. (6) Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet li taf li huma konċernati u lill-kumpanniji l-oħra kollha li mmanifestaw ruħhom fit-terminu perentorju stabbilit fl-avviż tal-bidu. Irrispondew għall-kwestjonarju l-Gvern ta’ l-Indja, produttur tal-Komunità, produttur esportatur mill-Indja, kif ukoll esportatur konness miegħu barra l-Komunità u żewġ importaturi fil-Komunità kif ukoll utent konnessi ma’ l-importaturi. Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha meqjusa bħala neċessarja għall-iskop tad-determinazzjoni tas-sussidju, ħsara, kawżalità u ta’ l-interess tal-Komunità. Saru żjajjar ta’ verifikazzjoni fil-bini tal-Gvern ta’ l-Indja u tal-kumpanniji li ġejjin: (a) Produtturi tal-Komunità - Koloman Handler AG, l-Awstrija (b) Produtturi esportaturi fl-Indja - ToCheungLee Stationery Mfg Co. Pvt. Ltd, Tiruvallore (ċ) Esportaturi konnessi barra l-Komunità f’Hong Kong - ToCheungLee (BVI) Limited/World Wide Stationery Mfg. Co. Ltd. (d) Importaturi indipendenti - Bensons International Systems Ltd, ir-Renju Unit - Bensons International Systems BV, l-Olanda (e) Utent - Esselte, ir-Renju Unit (7) L-investigazzjoni tas-sussidju u l-ħsara kopriet il-perjodu mill-1 t’April 2000 sal-31 ta’ Marzu 2001 ("perjodu ta’ investigazzjoni" jew "IP"). Sabiex jiġu analizzati tendenzi rilevanti għall-istima tal-ħsara, il-Kummissjoni eżaminat data tal-perjodu ta’ l-1 ta’ Jannar 1998 sa l-aħħar tal-IP ("perjodu kkonsidrat"). 2. Miżuri proviżorji (8) Meta wieħed jikkonsidra l-bżonn li jiġu eżaminati iktar ċerti aspetti ta’ ħsara, kawża u interess tal-Komunità, partikolarment fid-dawl tar-ristrutturament kontinwu ta’ dawk li għamlu l-ilment, l-ebda miżuri tas-sisa protettivi proviżorji ma ġew imposti fuq RBMs oriġinati fl-Indja u l-Indoneżja. 3. Proċedura suċċessiva (9) Il-partijiet kollha ġew informati bid-deċiżjoni li ma jiġux imposti miżuri proviżorji. Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha meqjusa bħala neċessarja għal konklużjonijiet definittivi. Partikolarment, saru iktar investigazzjonijiet fil-post fil-bini ta’ utent ta’ RBMs fil-Komunità u ta’ żewġ importaturi indipendenti fil-Komunità. (10) Il-partijiet kollha ġew informati bil-fatti u konsiderazzjonijiet essenzali li fuq bażi tagħhom kien intiż li tiġi rakkomandata l-imposizzjoni ta’ dazji tas-sisa protettivi definittivi. Ġew mogħtija wkoll perjodu li fih huma setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom wara li nkixfu dawn il-fatti. Il-kummenti orali u bil-kitba mogħtija mill-partijiet ġew ikkonsidrati, u fejn approprjat, il-konklużjonijiet ġew modifikati skond dawn. B. PRODOTT KONĊERNAT U PRODOTT SIMILI 1. Prodott konċernat (11) Il-prodott konċernat hu ċerti mekkaniżmi ring-binder ("il-prodott konċernat"). Bħalissa dawn huma klassifikati taħt il-kodiċi NM ex83051000. Mekkaniżmi lever-arch, li jaqgħu taħt l-istess kodiċi NM, m’humiex inklużi fl-iskop ta’ din l-investigazzjoni. (12) RBMs jikkonsistu f’żewġ folji rettangolari ta’ l-azzar jew wajers li fuqhom hemm mill-inqas erba’ nofsijiet ta’ anelli magħmula mill-wajer ta’ l-azzar u li huma miżmuma flimkien permezz ta’ kopertura ta’ l-azzar. Dawn jistgħu jinfetħu jew billi jinġibdu n-nofsijiet ta’ anelli jew permezz ta’ molla żgħira ta’ l-azzar imwaħħla mal-RBM. L-anelli jista’ jkollhom forom differenti, l-iktar popolari huma tondi, rettangolari jew forma ta’ l-ittra D. (13) RBMs huma użati biex jiġu ffajljati tipi differenti ta’ dokumenti u karti. Huma użati, inter alia, minn produtturi ta’ ring-binders, software u manwâli tekniċi, albums tar-ritratti u tal-bolol, katalgi u pamflets. (14) Diversi mijiet ta’ mudelli differenti ta’ RBMs inbiegħu matul il-IP fil-Komunità. Il-mudelli kienu jvarjaw fid-daqs, forma u numru ta’ anelli, fid-daqs tal-bażi u fis-sistema ta’ kif jinfetħu l-anelli (jinġibdu jew permezz ta’ molla). Fl-assenza ta’ linja ċara ta’ diviżjoni fit-tipi differenti ta’ RBMs u meta wieħed jikkonsidra li kollha għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi, u li l-mudelli ta’ l-RBMs jistgħu, fil-limitu ta’ ċerti gammi ta’ prodotti, jissostitwixxu lil xulxin, il-Kummissjoni stabbiliet li l-RBMs kollha jiffurmaw prodott wieħed uniku għall-iskop tal-proċedura preżenti. 2. Prodott simili (15) Il-Kummissjoni sabet li l-RBMs prodotti u mqiegħda fis-suq domestiku fl-Indja u dawk esportati lejn il-Komunità mill-Indja għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u l-istess użu. (16) Il-Kummissjoni sabet ukoll li ma kienx hemm differenza fil-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi u fl-użu bejn l-RBMs importati lejn il-Komunità oriġinati fl-Indja u l-RBMs prodotti mill-industrija tal-Komunità u mqiegħda fis-suq tal-Komunità. (17) Fid-dawl tan-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-produtturi indoneżjani, il-Kummissjoni bbażat fuq fatti disponibbli skond l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku. Inkwantu għal dan, u fl-assenza ta’ informazzjoni oħra disponibbli għall-pajjiż, il-Kummissjoni kkonsidrat li hu opportun li tiġi użata l-informazzjoni mogħtija fl-ilment, li fih intqal li l-RBMs prodotti u mibjugħa fl-Indoneżja jew esportati lejn il-Komunità u l-RBMs prodotti mill-produtturi tal-Komunità li lmentaw u mqiegħda fis-suq tal-Komunità huma simili. (18) Għalhekk ġie konkluż li l-RBMs prodotti u mqiegħda mil-industrija tal-Komunità fis-suq tal-Komunità, l-RBMs oriġinati fl-Indja u l-Indoneżja esportati lejn il-Komunità u l-RBMs prodotti u mqiegħda fis-suq domestiku fl-Indja u l-Indoneżja kienu kollha prodotti simili fis-sens ta’ l-Artikolu 1(5) tar-Regolament bażiku. (19) Matul il-IP il-prodott konċernat kien suġġett għal dazju doganali konvenzjonali ta’ 2,7 % fis-sena 2000 u s-sena 2001. Madankollu, taħt ir-reġim GSP, il-prodotti konċernat importat mill-Indja u l-Indoneżja bbenefika minn riduzzjoni li tlaħħaq għal 100 % tad-dazju doganali konvenzjonali pagabbli fl-2000 u l-2001. B’konswegwenza, id-dazju applikat kien 0 % fl-2000 u 0 % fl-2001. C. SUSSIDJI 1. L-Indja (a) Introduzzjoni (20) Fuq bażi ta’ l-informazzjoni li kien hemm fl-ilment u r-risposti tal-kwestjonarju tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni nvestigat l-iskemi li ġejjin li allegatament jinvolvu l-għotja ta’ sussidji għall-esportazzjoni: - export processing zones - EPZ/export oriented units -EOU - duty entitlement passbook scheme (DEPB) - export promotion capital goods scheme (EPCG) - skema għall-eżenzjoni tat-taxxa fuq id-dħul (ITE). (21) L-ewwel tliet skemi huma bbażati fuq l-Att tal-Kummerċ Barrani (Żvilupp u Regolament) 1992 (effettiv mis-7 t’Awissu 1992). L-Att tal-Kummerċ Barrani jawtorizza lill-Gvern ta’ l-Indja sabiex joħroġ notifikazzjoni dwar il-politika ta’ l-esportazzjoni u l-importazzjoni. Dawn huma miġbura fil-qosor f’dokumenti tal-"politika ta’ l-esportazzjoni u l-importazzjoni", li jiġu ppubblikati kull ħames snin u aġġornati kull sena. Id-dokument rilevanti għall-perjodu ta’ l-investigazzjoni ta’ dan il-każ ikopri l-politika għas-snin 1997 sa 2002. (22) L-aħħar skema, l-iskema tat-taxxa fuq id-dħul, hija bbażata fuq l-Att tat-Taxxa Fuq id-Dħul ta’ l-1961 li jiġi emendat kull sena permezz ta’ l-Att Finanzjarju. (23) Kumpannija waħda rrispondiet il-kwestjonarju għal produtturi esportaturi. Kumpannija barra l-Komunità konnessa ma’ dan il-produttur esportatur irrispondiet ukoll il-kwestjonarju. Fuq bażi ta’ data ta’ l-importazzjoni rrapportata mill-Eurostat, il-prodottur esportatur fl-Indja rrapreżenta l-esportazzjonijiet kollha indjani lejn il-Komunità. (b) Export processing zones (EPZ)/export oriented units (EOU) (i) Bażi legali (24) Strument għall-politika ta’ l-esportazzjoni u l-importazzjoni, li jinvolvi inċentivi relatati ma’ l-esportazzjoni huma l-export processing zones (hawnhekk iżjed ‘il quddiem "EPZ")/export oriented units (hawnhekk iżjed il quddiem "EOU") skema li kienet introdotta fl-1965. Matul il-IP l-iskema kienet regolata min-Notifikazzjoni Doganaliby Nru 53/97, 133/94 u 126/94. Dettalji ta’ l-iskemi jinsabu fil-Kapitolu 9 tal-politiki ta’ l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ l-1997/2002 kif ukoll il-manwâl relevanti tal-proċeduri. (ii) Eliġibilità (25) Fil-prinċipju, kumpanniji marbuta li jesportaw il-produzzjoni kollha tal-merkanzija tagħhom jistgħu jiġu stabbiliti taħt l-iskema EPZ/EOU. La darba dan l-istatus jiġi mogħti, dawk il-kumpanniji jistgħu jinqdew minn ċerti benefiċċji. Fl-Indja hemm seba’ EPZ. EOUs jistgħu jinstabu fi kwalunkwe post fl-Indja. Dawn huma unitajiet fid-depost taħt sorveljanza ta’ uffiċjali doganali skond it-Taqsima 65 ta’ l-Att Doganali. Għalkemm EOU/EPZ huma ġeneralment obbligati jesportaw il-produzzjoni kollha tagħhom, il-Gvern ta’ l-Indja jippermetti dawk l-unitajiet iqiegħdu parti mill-produzzjoni tagħhom fis-suq domestiku taħt ċerti kondizzjonijiet. Il-produttur esportatur li kkopera fl-investigazzjoni ġie mogħti l-istatus ta’ EOU. (iii) Implimentazzjoni prattika (26) Kumpanniji li jitolbu status ta’ EOU jew li jitwaqqfu f’EPZ għandhom japplikaw ma’ l-awtoritajiet relevanti. Din l-applikazzjoni għandha tinkludi dettalji għal perjodu li jkopri l-ħames snin ta’ wara, ta’, inter alia, il-kwantitajiet ta’ produzzjoni programmata ppjanata, il-valur proġettat ta’ l-esportazzjoni, il-bżonnijiet għall-importazzjoni u ħtiġijiet lokali. Jekk l-awtoritajiet jaċċettaw l-applikazzjoni tal-kumpannija, din tiġi nfurmata bit-termini u l-kondizzjonijiet marbuta ma’ l-aċċettazzjoni. Kumpanniji fl-EPZs u EOUs jistgħu jiġu nvoluti fil-produzzjoni ta’ kwalunkwe prodott. Dan il-Ftehim huwa validu għal perjodu ta’ ħames snin u jista’ jiġi mġedded għal perjodu itwal. (27) Unitajiet EPZ/EOU huma ntitolati għall-benefiċċji li ġejjin: (i) eżenzjoni mid-dazji ta’ l-importazzjoni fuq it-tipi kollha ta’ merkanzija (inklużi merkanzija kapitali, materja prima u oġġetti tal-konsum) neċessarji għall-manifattura, produzzjoni, proċessar jew għal xi ħaġa konnnessa ma’ din l-attività, bil-kondizzjoni li ma jkunux oġġetti projbiti fil-lista negattiva ta’ l-importazzjoni; (ii) eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fuq merkanzija akkwistati minn egħjun lokali; (iii) eżenzjoni tad-dħul, li fuqu normalment tkun dovuta t-taxxa fuq id-dħul skond it-Taqsima 10A jew 10B ta’ l-Att tat-Taxxa Fuq id-Dħul, għal perjodu ta’ 10 snin; (iv) rimborż tat-taxxa fuq il-bejgħ ċentrali li titħallas fuq merkanzija akkwistati lokalment; (v) 100 % parteċipazzjoni f’kapital barrani; (vi) faċilità li parti mill-produzzjoni tiġi mqiegħda fis-suq domestiku. (28) L-importatur għandu jżomm kont sewwa, fil-format speċifikat, ta’ l-importazzjonijiet kollha konċernati u tal-konsum u l-użu tal-materjal kollu importat u ta’ l-esportazzjonijiet li jsiru. Dawn għandhom jiġu mogħtija regolarment, kif jista’ jkun il-bżonn, lill-kummissjonarju ta’ l-iżvilupp. (29) L-importatur għandu wkoll jassigura gwadann minimu nett f’munita barranija, bħala persentaġġ ta’ l-esportazzjonijiet u l-andament ta’ esportazzjoni kif stipulat fil-Politika. L-operazzjonijiet kollha ta’ EOU/EPZ għandhom isiru f’bini taħt kontroll doganali. (iv) Konklużjoni fuq EPZ/EOU (30) Fil-proċedura preżenti, l-iskema EOU kienet użata għal importazzjoni ta’ merkanzija kapitali, materja prima u oġġetti tal-konsum, kif ukoll għall-akkwist ta’ merkanzija fis-suq domestiku. Għalhekk, il-Kummissjoni eżaminat biss il-kumpensabbilità_ta’ dawn il-konċessjonijiet. (31) Inkwantu għal dan, l-iskema EOU/EPZ tinvolvi l-għotja ta’ sussidji peress li l-konċessjonijiet mogħtija taħt l-iskema tikkonsisti minn kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Gvern ta’ l-Indja, minħabba li l-introjtu tal-gvern illi altrimenti huwa dovut huma predeterminati u jingħata benefiċċju lir-reċipjent. (32) Is-sospensjoni tal-kollezzjoni ta’ dazji fuq merkanzija kapitali għandu l-istess effett bħal eżenzjoni, peress li sakemm il-bżonnijiet ta’ l-esportazzjoni jiġu aderiti, huwa biss fid-diskrezzjoni tal-kumpannija jekk u meta titħalla titneħħa mid-depost il-merkanzija kapitali. (33) Dan is-sussidju huwa kondizzjonat, fil-liġi, bl-andament ta’ l-esportazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku, peress li ma jistax jiġi miksub mingħajr li l-kumpanniji jaċċettaw obligazzjoni ta’ l-esportazzjoni, u għalhekk hu meqjus bħala speċifiku u kumpensabbli. (v) Kalkolu ta’ l-ammonu tas-sussidju Sospensjoni tad-dazju ta’ l-importazzjoni fuq xiri ta’ merkanzija kapitali: (34) Il-produttur esportatur indjan uża l-iskema EOU sabiex jikseb sospensjoni tad-dazji ta’ l-importazzjoni li normalment ikunu dovuti fuq merkanzija kapitali. (35) Il-benefiċċju għall-kumpannija ġie kkalkulat fuq bażi ta’ l-ammont tad-dazju doganali mhux imħallas fuq merkanzija kapitali importata billi dan l-ammont jinqasam fuq perjodu ta’ seba’ snin, li jirrifletti il-perjodu ta’ deprezzament għal merkanzija kapitali effettivament importati mil-kumpannija u li hu kkonsidrat li jirrifletti id-deprezzament normali ta’ assi bħal dawn fl-industrija konċernata. L-ammont hekk ikkalkulat li jista’ jkun attribwit għall-perjodu ta’ l-investigazzjoni ġie aġġustat billi ngħaddu l-interessi matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni sabiex jiġi stabbilit il-benefiċċju kollu lir-reċipjent taħt din l-iskema. Meta wieħed jikkonsidra n-natura ta’ din l-iskema, li hi ekwivalenti għal għotja ta’ darba, ir-rata ta’ l-interess kommerċjali matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni fl-Indja, i.e. 10 %, kienet ikkonsidrata approprjata. Imbagħad dan l-ammont ġie allokat fuq esportazzjonijiet totali matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni. (36) Fuq bażi ta’ dan, il-kumpannija rċeviet benefiċċji taħt din l-iskema b’rata ta’ 2,42 %. Eżenzjoni minn dazji doganali dovuti fuq importazzjoni ta’ materja prima u oġġetti tal-konsum: (37) Il-produttur esportatur indjan uża l-iskema EOU sabiex jikseb eżenzjoni mid-dazji doganali dovuti fuq importazzjonijiet ta’ materja prima u oġġetti tal-konsum. (38) Matul iż-żjara ta’ verifikazzjoni, in-natura u l-kwantitajiet ta’ dawn il-materjali importati ġew verifikati. Il-kumpannija setgħet, għall-materja prima kollha importata matul il-IP, turi konnessjoni ċara mal-kwantitajiet tal-prodotti lesti esportati u seta’ jkun stabbilit li ma kien hemm l-ebda importazzjoni aktar minn kwantitajiet importati ta’ inputs effettivament użati fil-prodotti esportati. (39) Għalhekk dawn l-importazzjoni jaqgħu taħt l-eżenzjoni ta’ oġġett (I) tal-lista illustrattiva ta’ sussidji ta’ l-esportazzjoni li tinsab fl-Anness I tar-Regolament Bażiku peress li l-merkanzija kollha li ġiet importata mingħajr dazju ġiet inkorportata fil-prodott esportat u ma seħħew l-ebda remissjonijiet żejda ta’ dazju għall-importazzjoni. Eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa fuq merkanzija akkwistata minn egħjun lokali: (40) Il-produttur esportatur indjan uża l-iskema EOU sabiex jikseb eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa fuq merkanzija akkwistata minn egħjun lokali. (41) Madankollu, it-taxxa tas-sisa fuq bejgħ domestiku. B’dan il-mod, bl-eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa fuq xiri minn unità EOU l-ebda introjtu addizzjonali ma jkun predeterminat mill-Gvern ta’ l-Indja. Konsegwentament, l-ebda benefiċċju addizzjonali ma jakkumula għall-EOU. Rimborż ta’ taxxa fuq bejgħ ċentrali mħallsa fuq merkanzija akkwistata lokali: (42) Il-produttur esportatur indjan uża l-iskema EOU sabiex jikseb ir-rimborż ta’ taxxa fuq il-bejgħ ċentrali mħallsa fuq merkanzija akkwistata lokalment. Dan ir-rimborż jinvolvi l-għotja ta’ sussidji, peress li l-introjtu tal-gvern illi huwa altrimenti dovut huwa predeterminat u jingħata benefiċċju lir-reċipjent. (43) Il-benefiċċju kien ikkalkulat fuq bażi ta’ l-ammont ta’ taxxa fuq il-bejgħ ċentrali li għandu jiġi rimborżat għal xiri lokali matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, seta’ jkun stabbilit li l-produttur esportatur indjan akkwista prattikament ix-xiri kollu lokali tiegħu fl-Istati li fih kien jinsab (Tamil Nadu) u li t-taxxa fuq il-bejgħ ċentrali tapplika biss għal operazzjonijiet bejn stati u ieħor. Għalhekk l-ammont ta’ taxxa fuq il-bejgħ ċentrali li għandu jiġi rimborżat għal din il-kumpannija kienet limitata għal 0,01 %. (ċ) Skema għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul (ITE) (i) Bażi legali (44) L-iskema għall-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul hija bbażata fuq l-Att tat-Taxxa Fuq id-Dħul 1961, li tistabbilixxi l-bażi għall-kollezzjoni ta’ taxxi kif ukoll eżenzjonijiet/deduzzjonijiet varji li jistgħu jkunu kklejmjati. Fost l-eżenzjonijiet li jistgħu jkunu kklejmjati hemm dawk koperti mit-Taqsima 10A, 10B u 80HHC ta’ l-Att, li jipprovdi eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul fuq profitti miksuba minn bejgħ ta’ esportazzjoni. (ii) Eliġibilità (45) Eżenzjoni taħt it-Taqsima 10A tista’ tkun ikklejmjata minn ditta li tinsab f’żoni ta’ kummerċ ħieles, eżenzjoni taħt it-Taqsima 10B tista’ tkun ikklejmjata minn unitajiet orjentati għall-esportazzjoni u eżenzjoni taħt it-Taqsima 80HHC tista’ tkun ikklejmjata minn kwalunkwe ditta li tesporta l-merkanzija. (iii) Implimentazzjoni prattika (46) Il-klejm għal deduzzjoni ta’ profitti mill-esportazzjoni tiġi mogħtija mad-dikjarazzjoni annwali tat-taxxa fuq id-dħul. (iv) Konklużjoni ta’ l-ITE (47) Taħt l-iskema ITE, il-Gvern ta’ l-Indja jagħti kontribuzzjoni finanzjarja lill-kumpannija permezz ta’ introjtu preċedenti tal-gvern fil-forma ta’ taxxi diretti illi kieku jkunu dovuti. Din il-kontribuzzjoni finanzjarja tagħti benefiċċju lir-reċipjent billi tnaqqas l-obbligu tat-taxxa fuq id-dħul tiegħu. (48) Din l-iskema ta’ l-eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul hija kondizzjonata, fil-liġi, bl-andament ta’ l-esportazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku, peress li profitti akkwistati minn attivitajiet ta’ l-esportazzjoni biss jistgħu jiġu mnaqqsa mid-dħul taxxabbli, u għalhekk hi kkonsidrata bħala speċifika u kumpensabbli. (v) Kalkolu ta’ l-ammont tas-sussidju (49) Il-produttur esportatur indjan, peress li hu EOU, kien eliġibbli għal eżenzjoni mit-taxxa fuq id-dħul taħt it-Taqsima 10B ta’ l-Att tat-Taxxa Fuq id-Dħul, u introduċa pretensjoni għal tnaqqis matul il-IP. Il-benefiċċju kien ikkalkulat billi ġiet applikata r-rata tat-taxxa spekulattiva, li kienet tkun applikata fuq il-profitti kieku ma kienx sar tnaqqis. (50) Fuq din il-bażi, il-kumpannija kisbet benefiċċji taħt din l-iskema b’rata ta’ 0,15 %. (d) Skemi oħra ta’ sussidju (51) L-investigazzjoni ddeterminat li l-produttur esportatur ma uża l-ebda waħda mill-iskemi l-oħra investigati. Għalhekk mhux neċessarju li ssir stima tal-kumpensabbilità tagħhom. (e) Ammont ta’ sussidji kumpensabbli (52) L-ammont ta’ sussidji kumpensabbli skond id-disposizzjonijiet tar-Regolament bażiku, espress ad valorem, għall-esportatur investigat huwa ta’ 2,5 %. Din ir-rata hija taħt il-livell de minimis, u, taħt dawn iċ-ċirkustanzi, il-marġini tas-sussidju għall-Indja għandu jkun ikkonsidrat żgħir ħafna. 2. L-Indoneżja (a) Introduzzjoni (53) B’referenza għall-konsultazzjonijiet imsemmija fil-premessi 4, is-servizzi tal-Kummissjoni ddeċidew li jillimitaw l-investigazzjoni għal żewġ skemi (BKPM u Cakung EPZ). Għalhekk, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-Gvern ta’ l-Indoneżja fejn tablet għall-informazzjoni relevanti. Madankollu, il-Gvern ta’ l-Indoneżja ma bagħat l-ebda risposta għall-kwestjonarju. Għalhekk, ma saret l-ebda żjara ta’ verifikazzjoni lill-Gvern ta’ l-Indoneżja. L-uniku produttur magħruf bħala esportatur fl-Indoneżja ma rrispondiex għall-kwestjonarju, għalkemm saret estensjoni tat-terminu perentorju biex tiġi mibgħuta r-risposta. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ koperazzjoni msemmija hawn fuq, din il-kumpannija ġiet informata kif għandu jkun li konklużjonijiet definittivi għaliha sejrin ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skond l-Artikolu 28(1) tar-Regolament bażiku, bil-konsegwenza, skond l-Artikolu 28(6) tar-Regolament bażiku, li r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għaliha milli kieku kkoperat. Skond l-Artikolu 26(1) tar-Regolament bażiku, ma saret l-ebda żjara ta’ verifikazzjoni fil-bini ta’ dan il-produttur esportatur. (54) Konsegwentament, skond l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, il-prezz tas-sussidju u ta’ l-esportazzjoni għandhom jiġu determinati fuq bażi ta’ fatti disponibbli. Il-Kummissjoni kkonsidrat approprjat li tibbaża l-konklużjonijiet tagħha fuq l-informazzjoni mogħtija fl-ilment kif ukoll fuq informazzjoni disponibbli minn proċedura anti-sussidjarja li saret qabel li tikkonċerna l-Indoneżja [4]. Skond l-Artikolu 28(5), din l-informazzjoni kienet ukoll iċċekkjata, fejn kien possibbli, ma’ egħjun indipendenti. (b) Skemi BKPM (55) Mill-ilment jidher li l-produttur esportatur inqeda mill-benefiċċji disponibbli mill-Bord ta’ Kordinazzjoni għall-Investiment (BKPM), li hija aġenzija tal-gvern responsabbli għall-ippjanar u l-promozzjoni ta’ l-investiment. (56) L-investigazzjoni preċedenti msemmija hawn fuq uriet li l-BKPM jista’ japprova kemm investiment barrani (PMA) kif ukoll domestiku (PMDN). Kumpanniji li huma approvati bħala kumpanniji PMA jew PMDN għandhom jiġu mogħtija eżenzjoni totali jew parzjali mid-dazju fuq l-importazzjoni u mill-imposti fuq l-importazzjoni ta’ merkanzija kapitali, partikolarment makkinarju, apparat, spare parts u apparat awżiljaru, kif ukoll fuq l-importazzjoni ta’ materja prima. (57) L-iskemi BKPM jikkonsistu minn sussidju peress li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern ta’ l-Indoneżja fil-forma ta’ dazji mhux imħallsa tagħti benefiċċju dirett lir-reċipjent. (58) L-iskemi ma jikkwalifikawx bħala skemi ta’ żvantaġġ skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Annessi I sa III tar-Regolament bażiku, peress li merkanzija kapitali ma tiġix ikkonsmata fil-proċess tal-produzzjoni u m’hemm l-ebda obligazzjoni biex jiġi esportat il-prodott lest li jkun fih il-materja prima. (59) L-iskemi BKPM m’humiex kondizzjonati, fil-liġi, bl-andament ta’ l-esportazzjoni jew l-użu ta’ merkanzija domestika fuq merkanzija importata. (60) Il-kriterji għall-eliġibilità huma stabbiliti mill-BKPM u jidhru li jiġu aġġornati spiss. L-iskemi BKPM jillimitaw espliċitament aċċess għas-sussidju lil ċerti impriżi li ma joperawx f’ċerti setturi. Barra dan, l-awtoritajiet li jagħtu s-sussidju jistgħu jeserċitaw ċertu diskrezzjoni matul il-proċess t’approvazzjoni, u l-eliġibilità ma tkunx awtomatika. (61) Għalhekk l-iskemi BKPM m’humiex konformi ma’ l-Artikolu 3(2)(b) tar-Regolament bażiku, li jistipula li l-awtorità li tagħti s-sussidju għandha tistabbilixxi kriterji oġġettivi li huma newtrali, ma jiffavorixxux ċerti impriżi iktar minn oħrajn, u li huma ta’ natura ekonomika u ta’ applikazzjoni orizzontali. Għalhekk, dawn il-programmi huma kkonsidrati bħala speċifiċi skond l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament bażiku peress li jillimitaw espliċitament aċċess għas-sussidju lil ċerti impriżi. Il-fatt li l-produttur esportatur u l-Gvern ta’ l-Indoneżja ma kkoperawx għamlitha impossibbli li jiġi stabbilit eżatt b’liema miżura dan il-produttur inqeda mill-iskema. (ċ) Żoni indoneżjani fid-depost-EPZ ta’ Cakung (62) L-indirizz tal-produttur esportatur li ma kkoperax jindika li l-faċilitajiet tiegħu jinsabu fiż-żona ta’ l-ipproċessar għall-esportazzjoni ta’ Cakung, li hija żona nominata bħala "Nusantara bonded zone". Il-kumpannija kkonfermat din l-informazzjoni. Kumpanniji li jinsabu f’żona bħal din huma eliġibbli għal ċerti benefiċċji li normalment ma jkunux disponibbli għal kumpanniji li jinsabu barra dawn iż-żoni, partikolarment l-eżenzjoni mid-dazju għall-importazzjoni fuq merkanzija għall-użu fil-produzzjoni ta’ prodotti lesti esportati. (63) Il-produttur esportatur, meta għażel li ma jikkoperax, ma pprovda l-ebda prova li ma użax il-benefiċċji disponibbli għal żona bħal din. Sabiex ma tiġix ippremjata in-nuqqas ta’ koperazzjoni, u meta wieħed jikkonsidra li ġie stabbilit li l-produttur esportatur jinsab verament f’EPZ, il-Kunsill huwa awtorizzat li jassumi li dawn il-benefiċċji ġew użati. (64) Skond dak li nstab f’investigazzjonijiet preċedenti, skema ta’ żvantaġġ tad-dazju applikabbli għal żoni bħal dawn tikkonsisti minn kontribuzzjoni finanzjarja mill-Gvern, peress li l-introjtu illi altrimenti huwa dovut huwa predeterminat u jingħata benefiċċju lir-reċipjent. (65) Skema ta’ żvantaġġ bħal din tikkonsisti minn sussidju li huwa kondizzjonat fil-liġi bl-andament ta’ l-esportazzjoni fis-sens ta’ l-Artikolu 3(4)(a) tar-Regolament bażiku, peress li ma tistax tiġi miksuba mingħajr ma l-kumpannija taċċetta obligazzjoni ta’ l-esportazzjoni, u għalhekk hija kkonsidrata bħala speċifika u kumpensabbli. (66) Il-fatt li l-produttur esportatur ma kkoperax għamlitha impossibbli biex jiġi stabbilit jekk l-importazzjoni taħt din l-iskema tkunx tikkwalifika għal xi eċċezzjoni kif speċifikata fl-Anness tar-Regolament bażiku, peress li ma setax ikun stabbilit li l-merkanzija importata hija verament inkorporata fil-prodott esportat u li ma saret l-ebda remissjoni żejda. (d) Konklużjoni fuq is-sussidji (67) Fuq bażi tal-fatti disponibbli skond l-Artikolu 28 tar-Regolament bażiku, hemm prova ta’ l-eżistenza ta’ sussidji tas-sisa protettivi li huma disponibbli għall-produttur esportatur li ma kkoperax, u indikazzjoni raġonevoli li ntużaw sussidji bħal dawn. Għall-iskop ta’ miżuri u skond l-investigazzjoni preċedenti, se tiġi assumata li parti waħda (50 %) hija sussidji domestiċi u l-parti l-oħra (50 %) tikkonsisti minn sussidji għall-esportazzjoni, peress li skema waħda biss miż-żewġ skemi, l-EPZ, kienet ikkonsidrata bħala sussidju għall-esportazzjoni. (68) Hija kkonsidrata li l-assenza ta’ koperazzjoni hija riżultat ta’ l-użu li dan il-produttur għamel mis-sussidji kumpensabbli u l-benefiċċju li rċieva f’livell iktar minn dak de minimis għall-Indoneżja. Għal din ir-raġuni, u sabiex jiġi evitat li tiġi ppremjata n-nuqqas ta’ koperazzjoni, minħabba l-informazzjoni li tinsab fl-ilment kif ukoll dak li nstab fl-investigazzjoni preċedenti, il-marġini tas-sussidju definittiv applikabbli għall-produtturi esportaturi indoneżjani, espress bħala persentaġġ tal-prezz għall-importazzjoni cif fil-fruntiera tal-Komunità, dazju mhux imħallas, huwa kif ġej: l-esportaturi kollha: 10,0 %. D. ĦSARA 1. Osservazzjoni preliminarja (69) Meta wieħed jikkonsidra li produttur esportatur indjan wieħed biss ikkopera fl-investigazzjoni u l-industrija tal-Komunità hija ffurmata minn kumpannija waħda biss, data speċifika dwar dawn il-kumpanniji ġiet elenkata fl-indiċi jew impoġġija fi klassifikazzjoni sabiex tiġi ppriservata l-kunfidenzalità tad-data mogħtija skond l-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku. 2. Produzzjoni tal-Komunità (70) Ġie stabbilit li, barra l-produzzjoni taż-żewġ produtturi tal-Komunità li lmentaw, kienet qed issir ukoll produzzjoni fl-Italja u fi Spanja. Għalkemm il-kumpannija taljana involuta ma fornietx data kompluta lill-Kummissjoni, l-informazzjoni rċevuta kkonfermat li, matul il-IP, kienet tirrappreżenta sehem ta’ madwar 10 % tal-produzzjoni totali tal-Komunità. Inkwantu għall-kumpannija spanjola, li ma fornietx data kompluta lill-Kummissjoni, instab li fis-sena 2001 ipproduċiet volumi żgħar ħafna tal-prodott konċernat, filwaqt li importat l-parti l-kbira tal-bejgħ tagħha minn wieħed mill-pajjiżi konċernati. Għalhekk ġie konkluż li din il-kumpannija spanjola għandha tiġi kkonsidrata bħala importatur iktar milli produttur. (71) Instab ukoll li kumpannija li tinsab fir-Renju Unit fil-passat kienet involuta fil-produzzjoni ta’ tip partikolari ta’ RBM. Din il-kumpannija kkonfermat bil-kitba li l-produzzjoni tagħha tal-prodott konċernat waqfet xi snin ilu. Il-Kummissjoni ma taf bl-ebda produttur ieħor fil-Komunità. (72) Fuq bażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-produzzjoni tal-produtturi li lmentaw u il-produttur l-ieħor tal-Komunità li jinsab fl-Italja jiffurmaw il-produzzjoni totali tal-Komunità fis-sens ta’ l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku. 3. Definizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità (a) Industrija tal-Komunità (73) Miż-żewġ produtturi li lmentaw, wieħed ma rrispondiex il-kwestjonarju (Krause) u kien ikkonsidrat li ma kkoperax. Għalhekk dan il-produttur, għalkemm appoġġa l-ilment, ma ġiex ikkonsidrat bħala parti mill-industrija tal-Komunità. Dwar il-produttur l-ieħor (Koloman), instab li matul il-IP din il-kumpannija ma pproduċietx biss il-prodott simili fil-Komunità, imma pproduċiet ukoll partijiet minnu fl-Ungerija. Barra l-produzzjoni fil-Komunità, Koloman ikkummerċja l-prodotti ungeriżi fil-Komunità u uża wkoll partijiet prodotti fl-Ungerija għall-produzzjoni tiegħu fil-Komunità. Barra dan, parti mill-produzzjoni tal-produttur tal-Komunità li kkopera kienet trasferita għall-bidu tas-sena 2000 permezz ta’ trasferiment ta’ ċertu makkinarju mill-Awstrija għall-Ungerija. Madankollu, minkejja dak li ntqal qabel, l-attività prinċipali ta’ din il-kumpannija baqgħet fil-Komunità, i.e. l-uffiċċju ċentrali, magazzinaġġ, l-uffiċċju tal-bejgħ, il-produzzjoni ta’ ammont sinifikanti tal-gamma tal-prodotti, kif ukoll know-how konsiderevoli, kemm tekniku kif ukoll kummerċjali. Il-bejgħ importat ikkompleta l-gamma tal-prodotti simili għal ta’ Koloman u għalhekk ma affettwatx l-istatus tiegħu bħala produttur tal-Komunità. Dwar il-produzzjoni ta’ partijiet mill-prodott fl-Ungerija u l-fatt li mbagħad ġew inkorporati fil-prodott lest, l-investigazzjoni stabbiliet li l-partijiet inkorporati kienu jirrappreżentaw biss perċentwal żgħir ta’ l-ispiża tal-produzzjoni tal-prodotti lesti, u b’dan il-mod, tal-valur miżjud. Konsegwentament, dawn l-importazzjonijiet msemmija ma affettwawx l-istatus tal-produttur bħala produttur tal-Komunità. (74) L-investigazzjoni kkonfermat li l-uniku produttur tal-Komunità li kkopera rrappreżenta iktar minn 25 % tal-produzzjoni tal-Komunità ta’ RBMs, u għalhekk jaderixxi għall-ħtiġijiet ta’ l-Artikolu 10(8) tar-Regolament bażiku. Għalhekk ġie kkonsidrat li jifforma l-industrija tal-Komunità fis-sens ta’ l-Artikolu 9(1) ta’ l-istess Regolament u sejjer ikun imsejjaħ hawnhekk iżjed "il quddiem bħala" l-industrija tal-Komunità. (b) Każi li seħħew wara l-perjodu ta’ investigazzjoni (75) F’Novembru 2001, i.e. wara li spiċċa l-IP, il-produttur tal-Komunità li kkopera (Koloman) mar f’idejn riċevitur u b’riżultat ta’ proċedura ta’ likwidazzjoni, il-kumpannija nxtrat minn kumpannija awstrijakka, li l-kumpannija omm tagħha li tinsab fir-Renju Unit akkwistat ukoll l-ungeriż affiljat ma’ Koloman. (76) Dawk li għamlu l-akkwist ikkonfermaw lill-Kummissjoni l-appoġġ kontinwu ta’ l-ilment. (ċ) Il-konsum tal-Komunità (77) Il-konsum apparenti tal-Komunità kien stabbilit fuq bażi tal-volumi tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità fis-suq tal-Komunità, il-bejgħ tal-produtturi l-oħra tal-Komunità fis-suq tal-Komunità kif irrapportati fl-ilment, aġġustat kif għandu jkun fejn jikkonċerna l-IP, informazzjoni fornita mill-produttur esportatur li kkopera u d-data tal-Eurostat fuq l-importazzjoni. Ittieħed in konsiderazzjoni il-fatt li l-kodiċi NM 83051000 ikopri wkoll prodotti mhux inklużi fl-iskop ta’ din il-proċedura. Madankollu, dwar l-Indoneżja, meta wieħed jikkonsidra li kien hemm nuqqas ta’ koperazzjoni minn esportaturi indoneżjani, ġew użati l-aħjar fatti li kien hemm disponibbli, i.e. data tal-Eurostat. F’dan ir-rigward, fuq bażi ta’ l-ilment bħala l-aħjar prova disponibbli, l-importazzjoni kollha taħt il-kodiċi NM imsemmija hawn fuq ġiet ikkonsidrata li tifforma l-prodott konċernat. L-esportatur indoneżjan li ma kkoperax afferma li l-esportazzjoni tiegħu lejn is-suq tal-Komunità kienet madwar 15 % iktar baxxa mill-volumi ta’ importazzjoni użati. Madankollu, din l-affermazzjoni ma setgħetx tiġi verifikata u d-differenza kienet b’mod li ma setgħetx tiġi spjegata bil-proporzjon użat biex jikkonverti statistiċi tal-Eurostat, li huma f’tunellati, f’unitajiet. Fuq bażi ta’ dan, il-konsum tal-Komunità żdied b’5 % bejn l-1998 u l-IP. F’iktar dettall, baqa’ relattivament stabbli bejn l-1998 u l-1999 u mbagħad żdied b’mod stabbli sa l-aħħar tal-IP meta nstab li kien madwar 348 miljun unità. 4. Importazzjonijiet mill-pajjiż konċernat (78) Huwa miftakar li l-proċedura kontra l-Indja ntemmet. Għalhekk, importazzjonijiet mill-Indoneżja biss qegħdin jiġu analizzati bħala importazzjonijiet mill-pajjiż konċernat li fadal. (a) Volum ta’ importazzjonijiet sussidjati (79) Anke jekk il-volum ta’ l-importazzjoni oriġinata fl-Indoneżja naqas bejn l-1998 u l-2000 u mbagħad reġa’ żdied ftit bejn l-2000 u l-IP, għandu jiġi osservat li filwaqt li l-importazzjonijiet mill-pajjiż konċernat bdew biss fl-1997, kienu digà sinifikanti fl-1998 u kienu f’livell ta’ 32 miljun biċċa fil-IP. (b) Sehem tas-suq ta’ l-importazzjonijiet sussidjati (80) L-ishma tas-suq ta’ l-importazzjonijiet indoneżjana nstabu li kienu bejn 8 % u 13 %, peress li kienu naqsu b’madwar żewġ punti perċentwali mill-1998. (ċ) Prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet sussidjati (i) Żvilupp tal-prezzijiet (81) Il-medja peżata tal-prezzijiet ta’ l-importazzjoni oriġinata fl-Indoneżja naqset b’ - 5 % bejn l-1998 u l-IP, i.e. minn 105 ECU għal elf unità għal 99 EUR għal elf unità. It-tnaqqis seħħ partikolarment bejn l-1998 u l-1999 meta l-prezzijiet naqsu bi 3 %, u bejn l-2000 u l-IP meta naqsu bi 2 %. (ii) Bejgħ taħt il-prezz (82) Meta wieħed jikkonsidra n-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-esportaturi indoneżjani, it-tqabbil tal-prezzijiet sar fuq bażi tad-data tal-Eurostat aġġustat kif għandu jkun għal dazji doganali u għall-ispejjeż ta’ importazzjoni suċċessiva, u tqabblu, fuq l-istess livell ta’ kummerċ, mal-prezzijiet ta’ qabel jiġu fabbrikati tal-produtturi tal-Komunità. (83) Fuq bażi ta’ dak, il-bejgħ taħt il-prezz reġa’ ġie eżaminat u emendat meta neċessarju fuq bażi ta’ l-informazzjoni provduta matul iż-żjajjar ta’ verifikazzjoni addizzjonali. Importazzjonijiet mill-Indoneżja nstabu li kienu taħt il-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità b’marġini ta’ bejn 30 % u 40 %. Għandu jiġi osservat ukoll li kien hemm trażżin tal-prezzijiet minn meta l-industrija tal-Komunità ma rreġistratx profitti. 5. Sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità (a) Produzzjoni (84) Il-produzzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità rreġistrat tendenza ‘l isfel matul il-perjodu, bi tnaqqis ta’ 25 % bejn l-1998 u l-IP. Kien hemm tnaqqis sinifikanti bejn l-1998 u l-1999 (- 15 %). Tnaqqis ieħor sinifikanti seħħ ukoll bejn l-1999 u l-2000 u sussegwentament il-volum tal-produzzjoni baqa’ stabbli sa l-aħħar tal-IP. (b) Kapacità u rati ta’ l-użu tal-kapaċità (85) Il-kapaċità tal-produzzjoni segwiet l-istess andament tal-produzzjoni u naqset b’26 % bejn l-1998 u l-IP. (86) Fuq bażi ta’ dan, ir-rata ta’ l-użu tal-kapaċità baqgħet stabbli matul il-perjodu konċernat. (ċ) Ħażniet (87) Il-ħażniet finali ta’ l-industrija tal-Komunità naqsu bi 12 % bejn l-1998 u l-IP. (d) Bejgħ fil-Komunità (88) Minkejja żieda fil-konsum tal-Komunità, il-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità kellu tnaqqis sinifikanti bejn l-1998 u l-IP, b’25 %. Kien hemm tnaqqis bejn l-1998 u l-1999 (- 10 %), u tnaqqis ieħor iktar qawwi bejn l-1999 u l-2000, (- 15 %). (e) Sehem tas-suq (89) Is-sehem tas-suq ta’ l-industrija tal-Komunità naqas b’iktar minn erba’ punti perċentwali bejn l-1998 u l-IP, għalhekk segwiet l-istess andament tal-volum mibjugħ. (f) Prezzijiet (90) Il-prezz nett medju tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità naqas b’4 % bejn l-1998 u l-IP. Dan it-tnaqqis kien partikolarment irreġistrat bejn l-1998 u l-1999 (- 6 %), i.e. meta l-prezzijiet ta’ l-importazzjoni tal-pajjiż konċernat naqsu b’mod sinifikanti, kif spjegat fil-premessa 81. (g) Profitt (91) Il-profitt medju peżat ta’ l-industrija tal-Komunità naqset b’10 punti perċentwali bejn l-1998 u l-IP u saret telf mill-2000. B’riżultat ta’ dan l-iżvilupp negattiv u kif imsemmi fil-premessa 75, l-industrija tal-Komunità kellha tmur f’idejn riċevitur. (h) Cash flow u abilità biex iżżid il-kapital (92) L-iżvilupp tal-cash flow ġenerat mill-industrija tal-Komunità b’relazzjoni għal bejgħ ta’ RBMs huwa simili ħafna ta’ dak tal-profitt, i.e. tnaqqis sinifikanti bejn l-1998 u l-IP. (93) L-investigazzjoni stabbiliet li l-abilità ta’ l-industrija tal-Komunità biex iżżid il-kapital saret iktar diffiċli f’dan iż-żmien minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja u partikolarment minħabba t-tnaqqis fil-profitt. (i) Impieg, pagi, u produttività (94) Impieg ta’ l-industrija tal-Komunità relatata mal-produzzjoni ta’ RBMs naqas bi 30 % bejn l-1998 u l-IP. L-ammont totali tal-pagi b’mod ġenerali segwa andament simili, billi naqas b’27 % matul l-istess perjodu, għalhekk wassal għal żieda ta’ 5 % fil-paga medja bejn l-1998 u l-IP. Il-produttività tan-nies impjegati fl-industrija tal-Komunità, imkejla bħala volum tal-produzzjoni għal kull persuna mpjegata, żdiedet bi 8 % bejn l-1998 u l-IP. (j) Investiment u profitt mill-investment (95) Il-livell ta’ l-investimenti naqas b’39 % bejn l-1998 u l-IP. It-tnaqqis kien reġistrat partikolarment bejn l-1999 u l-2000. L-investigazzjoni wriet li l-maġġoranza ta’ dawn l-ispejjeż tal-kapital kienu relatati mal-bdil jew il-manutenzjoni tal-faċilitajiet eżistenti. (96) Il-profitt mill-investiment, espress bħala r-relazzjoni bejn il-profitti netti ta’ l-industrija tal-Komunità u l-valur kontabbli nett ta’ l-investimenti tagħha, segwa andament identiku għal dak tal-profitt u sar negattiv fl-2000. (k) Żieda (97) Filwaqt li l-konsum tal-Komunità żdied b’5 % bejn l-1998 u l-IP, il-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità naqas b’madwar 25 % u l-volum ta’ l-importazzjonijijet konċernati baqa’ sinifikanti. Għalhekk l-industrija tal-Komunità ma setgħetx tibbenefika miż-żieda żgħira fid-domanda fis-suq tal-Komunità. 6. Rilokazzjoni ta’ parti mill-produzzjoni (98) Sabiex jiġi vverifikat li d-deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità ma kinitx dovuta għal bidla fl-andament tal-produzzjoni tal-Komunità, ġie eżaminat jekk ir-rilokazzjoni ta’ parti mill-produzzjoni msemmija fil-premessa 73 (permezz ta’ trasferiment ta’ makkinarju mill-Awstrija għall-Ungerija), li seħħet fil-bidu tas-sena, kellhiex effett fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità. Ġara li t-tendenza ta’ tnaqqis ta’ ċerti indikaturi tal-ħsara ġiet aggravata b’din ir-rilokazzjoni (i.e. produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u volum tal-bejgħ), it-tendenza ta’ l-użu tal-kapaċità u l-prezzijiet medji tal-bejgħ tjiebet, u dan wassal għal limitazzjoni tat-telf. Per eżempju, kien stmat li madwar 60 % tat-tnaqqis fil-produzzjoni kien konness mar-rilokazzjoni, u madwar 80 % tat-tnaqqis fil-volum tal-bejgħ, filwaqt li mingħajr din ir-rilokazzjoni, it-tnaqqis fil-prezz kien ikun ta’ tliet darbiet iktar u l-profitt kien ikun tilef seba’ punti perċentwali addizzjonali. Meta wieħed jikkonsidra dan ta’ fuq, ġie konkluż li d-deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità ma kinitx dovuta għal bidla fl-andament tal-produzzjoni tal-Komunità. (99) Kien sostnut li l-attività prinċipali ta’ l-industrija tal-Komunità m’għadhiex fil-Komunità peress li r-rilokazzjoni għall-Ungerija allegatament involviet tnaqqis ta’ 60 % fil-produzzjoni tagħha fil-Komunità u tnaqqis ta’ 80 % fil-bejgħ tagħha prodott fil-Komunità. (100) Kif diġà ġie spjegat fil-premessa 98, ir-rilokazzjoni ma nvolvietx tnaqqis bħal dan fil-produzzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, imma tnaqqis biss ta’ 15 % tal-produzzjoni tagħħa fil-Komunità u 20 % tal-bejgħ tagħha prodott fil-Komunità. Għalhekk, il-konklużjoni mniżżla fil-premessa 73 dwar l-attività prinċipali ta’ l-industrija tal-Komunità hija kkonfermata. 7. Konklużjoni fuq il-ħsara (101) B’referenza għall-perjodu kkonsidrat, instabet deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità (wara li tqieset ir-rilokazzjoni kif deskritti fil-premessa 98). (102) Filwaqt li l-miżuri ta’ l-anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ RBMs oriġinati fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ("ir-PRC") u l-Malasja wasslu għal tnaqqis sostanzjali ta’ importazzjonijiet oriġinati f’dawn il-pajjiżi wara l-1998, l-industrija tal-Komunità ma setgħetx tibbenefika kompletament minn dan l-iżvilupp. Mis-sena 1998, il-maġġoranza tal-indikaturi tal-ħsara, i.e. produzzjoni, volumi tal-bejgħ, prezzijiet, sehem tas-suq, profitt, profitt mill-investment, cash flow u mpieg, żviluppaw negattivament. Partikolarment it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità kellu effett negattiv fuq il-profitt tagħha. (103) Barra dan, filwaqt li l-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità naqas bejn l-1998 u l-IP, importazzjonijiet oriġinati fl-Indoneżja kienu sostanzjali. L-investigazzjoni wriet li matul il-IP l-importazzjonijiet indoneżjani ġew magħmula bi prezzijiet li kienu taħt il-prezz ta’ dawk fl-industrija tal-Komunità b’marġini ta’ bejn it-30 % u l-40 %. Barra dan, kien hemm trażżin tal-prezzijiet. (104) Għalhekk instab li s-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità iddeterjorat sal-punt li ġie konkluż li l-industrija tal-Komunità sofriet ħsara materjali. (105) Huwa miftakar li wara l-IP, is-sitwazzjoni finanzjarja kritika wasslet l-industrija tal-Komunità biex tmur f’idejn riċevitur. E. KAWŻA 1. Introduzzjoni (106) Skond l-Artikolu 8(6) u (7) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk l-importazzjonijiet oriġinati fl-Indoneżja minħabba l-volum tagħhom u l-effett tagħhom fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Komunità ta’ l-RBM, ikkawżawx ħsara lill-industrija tal-Komunità tant li tista’ tiġi klassifikata bħala materjali. Ġew eżaminati wkoll fatturi magħrufa barra l-importazzjonijiet sussidjati, li fl-istess ħin setgħu jkunu qegħdin jagħmlu ħsara lill-industrija tal-Komunità, sabiex jiġi assigurat li ħsara possibbli kkawżata minn dawn il-fatturi l-oħra ma ġietx attribwita għall-importazzjonijiet sussidjati mill-Indoneżja. 2. Effett ta’ l-importazzjonijiet sussidjati (107) Il-volum ta’ l-importazzjonijiet sussidjati naqas b’14 % bejn l-1998 u l-IP, u s-sehem korrispondenti tiegħu tas-suq tal-Komunità naqas b’żewġ punti perċentwali matul l-istess perjodu. Madankollu, baqgħu sinifikanti u dejjem ireġistraw sehem tas-suq li varja bejn it-8 % u t-13 % bejn l-1998 u l-IP. Dawn l-importazzjonijiet kienu wkoll b’mod sinifikattiv mibjugħa bi prezzijiet inqas minn dawk ta’ l-industrija tal-Komunità. Is-sehem tas-suq ta’ l-industrija tal-Komunità naqas b’iktar minn erbgħa punti perċentwali. Fl-istess ħin, il-prezzijiet medji tal-Komunità naqsu b’4 %. It-tnaqqis attwali fil-prezzijiet kien fil-fatt ogħla minn dak deskritt fil-premessa 98. (108) Matul l-istess perjodu, bejn l-1998 u l-IP, is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità dditerjorat kif muri bit-tnaqqis tal-volum tal-bejgħ u s-sehem tas-suq, it-tnaqqis tal-prezzijiet u d- deterjorament sostanzjali tal-profitt tagħha, li sar telf. Għalhekk, l-industrija tal-Komunità ma setgħetx tibbenefika b’mod sinifikanti mill-imposizzjoni tal-miżuri msemmija hawn fuq kontra r-PRC u l- Malasja. (109) Esportatur indoneżjan sostna li l-esportazzjonijiet indoneżjani ma setgħux ikkawżaw ħsara peress li naqsu bejn l-1999 u l-2000 u s-sehem tas-suq tagħhom kien f’livell de minimis. L-istess kumpannija allegat li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja ma seta’ jkollhom l-ebda impatt veru fuq l-industrija tal-Komunità peress li l-produzzjoni tal-Komunità kienet ħames jew sitt darbiet ogħla mill-volum ta’ importazzjonijiet indoneżjani. (110) Madankollu huwa miftakar li għalkemm l-importazzjoni indoneżjana naqset bejn l-1998 u l-2000, żdiedet ftit bejn l-2000 u l-IP mingħajr ma laħqet il-livell ta’ l-1998. Barra dan, kif kien diġà spjegat fil-premessi 80, bejn l-1998 u l-IP, l-importazzjoni indoneżjana kellha sehem tas-suq ta’ bejn it-8 % u t-13 % li huwa sostanzjali u b’mod ċar superjuri għal-livell de minimis. Finalment huwa wkoll miftakar li l-industrija tal-Komunità hija b’mod ċar definita fil-premessa 74 u li l-livell tal-produzzjoni tagħha huwa ħafna iktar inferjuri għal dak li kien allegat mill-kumpanija indoneżjana. (111) Għalhekk jista’ jiġi konkluż li l-importazzjoni sussidjata oriġinata mill-Indoneżja dgħajfu l-effetti tal-miżuri ta’ l-anti-dumping addottati fl-1997 kontra r-PRC u l-Malasja u emendati fl-2000 inkwantu għar-PRC, u li kienu kawża sostantiva ta’ l-iżviluppi negattivi kif spjegat fil-qosor fil-paragrafi preċedenti. 3. Effetti ta’ fatturi oħra (a) Importazzjoni minn pajjiżi terzi oħra (112) Ġie wkoll ikkonsidrat jekk fatturi oħra barra l-importazzjoni sussidjata mill-Indoneżja setgħux wasslu jew ikkontribwew għall-ħsara li sofriet l-industrija tal-Komunità u speċjalment jekk importazzjoni minn pajjiżi barra l-Indoneżja setgħux ikkontribwew għal din is-sitwazzjoni. (113) Il-volum ta’ l-importazzjoni minn pajjiżi terzi oħra żdied bi 17 % bejn l-1998 u l-IP filwaqt li s-sehem tas-suq tagħhom żdied b’iktar minn ħames punti perċentwali matul l-istess perjodu. Din iż-żieda hija dovuta bil-bosta għaż-żieda fl-importazzjoni oriġinata mill-Indja, l-Ungerija u t-Tajlandja, filwaqt li sadanittant, importazzjoni oriġinata fir-PRC u l-Malasja naqset b’mod sinifikanti b’konsegwenza tal-miżuri ta’ l-anti-dumping imposti fl-1997. (114) Il-prezz medju ta’ l-unità ta’ importazzjoni minn pajjiżi terzi naqas b’16 % bejn l-1998 u l-IP. Prezzijiet minn kważi l-pajjiżi terzi kollha naqsu matul dan il-perjodu minbarra prezzijiet ta’ l-importazzjoni mir-PRC, li minħabba l-effett tal-miżuri ta’ l-anti-dumping irreġistraw żieda sostanzjali għalkemm laħqu l-istess livell tal-prezzijiet ungeriżi matul il-IP biss. (i) L-Indja (115) L-ewwel ġie eżaminat jekk l-importazzjoni oriġinata mill-Indja setgħetx ikkontribwiet għall-ħsara li sofriet l-industrija tal-Komunità. Madankollu, għalkemm l-importazzjoni mill-Indja żdiedet b’mod sinifikanti bejn l-1998 u l-IP, instab li l-prezzijiet tagħhom kienu superjuri għal dawk ta’ l-importazzjoni mill-Indoneżja, li l-prezzijiet tagħha nstabu li kienu jvarjaw bejn 2 % u 30 % taħt il-prezzijiet ta’ l-importazzjoni indjana bejn l-1998 u l-IP. Barra dan, għandu jkun innotat li meta l-importazzjoni bdiet fl-1998, il-prezzijiet ta’ l-importazzjoni indjana, għal volum komparabbli ta’ RBMs, rriżultaw li kienu iktar minn 40 % ogħla mill-prezzijiet indoneżjani. Minn dak iż-żmien, il-prezzijiet ta’ l-importazzjoni indjani naqsu b’mod stabbli imma dejjem kienu iktar mill-prezzijiet indoneżjani u xorta nstabu li kienu iktar minn 5 % ogħla mill-prezzijiet indoneżjani matul il-IP. Għalhekk huwa konkluż li, għalkemm l-importazzjoni indjana kellha impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, l-impatt negattiv ta’ l-importazzjoni sussidjata mill-Indoneżja, ikkonsidrata waħidha, xorta kienet sostanzjali. Tabilħaqq, l-Indoneżja lagħbet parti importanti u influwenti fil-Komunità. Il-volum ta’ l-esportazzjoni indoneżjana lejn il-Komunità kien inqas minn dak ta’ l-esportazzjoni indjana imma xorta kien sostanzjali. Il-prezzijiet ta’ l-esportazzjoni indoneżjana huma inferjuri għal dawk ta’ l-industrija tal-Komunità iktar milli huma għall-esportazzjoni indjana. Huwa osservat ukoll li l-analiżi msemmija iktar qabel kienet ostakolata serjament mill-fatt li l-Indoneżja ma kkoperatx, u għalhekk, ma kienx hemm informazzjoni disponibbli dwar it-tipi tal-prodotti u s-segmenti tas-suq rappreżentati mill-esportazzjoni mill-Indoneżja. (ii) Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (116) Ġie wkoll ikkonsidrat jekk l-assorbiment tal-miżuri ta’ l-anti-dumping imposti fl-1997 fuq l-importazzjoni mir-PRC setgħux wasslu jew ikkontribwew għall-ħsara li sofriet l-industrija tal-Komunità. F’dan ir-rigward għandu jkun osservat li għalkemm l-assorbiment tad-dazju fuq l-importazzjoni mir-PRC dgħajjef l-effett tal-miżuri imposti fl-1997 fuq il-prezzijiet tal-bejgħ, dawk il-miżuri xorta wasslu għal tnaqqis sinifikanti tal-volumi importati mir-PRC mill-1998. Barra dan, għandu jkun osservat li filwaqt li l-importazzjoni mill-Indoneżja bdiet biss fl-1997, fl-1998 kienet diġà kważi leħqet l-istess livell ta’ l-importazzjoni mir-PRC. Minn dak iż-żmien, l-importazzjoni mir-PRC naqset drastikament filwaqt li l-importazzjoni indoneżjana naqset b’miżura iżgħar sal-IP meta l-importazzjoni indoneżjana kienet xorta iktar minn tliet darbiet ogħla mill-importazzjoni mir-PRC. Għalhekk, meta wieħed jikkonsidra li l-volumi ta’ l-importazzjoni mir-PRC kienu ħafna inqas mill-volumi ta’ l-importazzjoni mill-Indoneżja matul il-IP, ġie konkluż li dawn l-importazzjonijiet ma kellhomx impatt daqshekk kbir fuq l-industrija tal-Komunità meta mqabbel ma’ l-effett ta’ l-importazzjonijiet sussidjati mill-Indoneżja. (iii) L-Ungerija (117) Sabiex jiġi stabbilit jekk l-importazzjonijiet mill-Ungerija, waħidhom, ikkawżawx ħsara lill-industrija tal-Komunità, ġie eżaminat il-livell ta’ l-importazzjonijiet u l-prezzijiet fis-suq tal-Komunità. (118) L-analiżi inkwantu għall-importazzjonijiet ungeriżi bejn l-1998 u l-IP kienet ibbażata fuq data pprovduta fir-risposta tal-kwestjonarju tal-produttur tal-Komunità, li l-fabbrika tiegħu fl-Ungerija tirrappreżenta l-uniku produttur ungeriż. (119) Matul il-perjodu kkonsidrat, importazzjonijiet ta’ RBMs oriġinati mill-Ungerija żdiedu fil-volum. Inkwantu għall-prezzijiet tagħhom iċċarġjati mill-industrija tal-Komunità fis-suq tal-Komunità għall-prodotti tagħha importati mill-Ungerija, filwaqt li dawn naqsu matul il-perjodu kkonsidrat, baqgħu l-ogħla fost il-prezzijiet ta’ l-importazzjoni minn pajjiżi terzi u kienu anke ogħla mill-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet mill-Indoneżja. (120) Il-produzzjoni ungeriża ta’ l-RBMs ta’ l-industrija tal-Komunità kienet analizzata u mqabbla mal-produzzjoni ta’ l-Awstrija. Instab li, kważi fil-każi kollha, il-mudelli prodotti fl-Awstrija u dawk fl-Ungerija ma kinux simili. (121) Meta wieħed jikkonsidra l-persentaġġ żgħir ta’ mudelli manifatturati kemm fl-Awstrija kif ukoll fl-Ungerija, ġie konkluż li l-prodotti ungeriżi kkompleta l-gamma tal-prodotti ta’ l-industrija tal-Komunità, u b’hekk ippermettew li tiġi offruta għażla iktar wiesgħa ta’ mudelli lill-klijenti, u ma affettwawx negattivament lis-sitwazzjoni ta’ l-istess industrija. (122) Fuq bażi ta’ dak imsemmi hawn fuq, ġie konkluż li l-importazzjonijiet mill-Ungerija ma kkontribwewx materjalment għad-deterjorament tas-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità. (iv) It-Tajlandja (123) Meta wieħed jikkonsidra li, kif diġà ssemma fir-Regolament (KE) Nru 2100/2000 [5], "uħud mill-merkanzija ta’ oriġini ċiniża ġew iddikkjarati lill-awtoritajiet doganali nazzjonali bħala ta’ oriġini tajlandiża u għalhekk evitaw il-ħlas tat-taxxi ta’ l-anti-dumping li huma normalment dovuti", ġie wkoll ikkonsidrat xieraq li jiġi evalwat l-impatt ta’ l-importazzjoni kunsinnata mit-Tajlandja. (124) F’dan ir-rigward, importazzjonijiet mit-Tajlandja żdiedu b’mod sinifikanti matul il-perjodu kkonsidrat minn meta bdew fl-1998 b’madwar miljun unità u żdiedu għal iktar minn 23 miljun unità fil-IP. Barra dan, ġie stabbilit fuq bażi tad-data ta’ l-Eurostat, li l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ importazzjonijiet tajlandiżi kienu ġeneralment inqas mill-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet indoneżjani. (125) Madankollu, għalkemm il-prezzijiet tajlandiżi nstabu li kienu madwar 20 % iktar baxxi mill-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet indoneżjani, għandu jiġi osservat li dawn ta’ l-aħħar huma iktar minn terz ogħla mill-volumi ta’ l-importazzjoni mit-Tajlandja. Għalhekk, meta wieħed iqis li l-volumi importati mit-Tajlandja huma xorta sostanzjalment inqas mill-volumi importati mill-Indoneżja, ġie konkluż li dawn l-importazzjonijiet ma setax kellhom impatt sinifikanti meta mqabbel ma’ l-effett ta’ l-importazzjonijiet sussidjata mill-Indoneżja. (126) L-analiżi dwar it-Tajlandja ġiet ikkontestata minn esportatur indoneżjan, li ma kkoperax. Dan l-esportatur sostna li l-livell ta’ l-importazzjonijiet mill-Indoneżja huwa iktar baxx u l-prezzijiet huma ogħla meta mqabbla ma’ importazzjonijiet tajlandiżi. Madankollu huwa miftakar li għalkemm il-prezzijiet tajlandiżi kienu iktar baxxi mill-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet mill-Indoneżja, il-volumi importati mill-Indoneżja kienu iktar minn 30 % ogħla mill-importazzjonijiet mit-Tajlandja. Għalhekk, il-konklużjoni li ġiet meħuda fil-premessa 125 ġiet ikkonfermata. (b) Fatturi oħra (127) Ġie eżaminat ukoll jekk fatturi oħra barra dawk imsemmija hawn fuq setgħux ikkontribwew għall-ħsara li sofriet l-industrija tal-Komunità. (128) L-importaturi li kienu qed jikkoperaw sostnew li l-kummerċ ta’ l-RBM huwa sensittiv ħafna fil-prezz u għalhekk il-produtturi jkollhom ibiegħu volumi kbar sabiex ikunu kompetittivi. L-istess importaturi sostnew ukoll li l-industrija tal-Komunità tiddependi biss fis-suq tal-Komunità minflok fis-suq dinji, ħaġa li kieku tippermetti li tkun iktar cost-efficient. Fuq dan is-suġġett, huwa miftakar li l-proporzjon ta’ bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità ġewwa u barra mill-Komunità ma kellux tibdil sostanzjali bejn l-1998 u l-IP. Madankollu, għalkemm l-industrija tal-Komunità kienet orjentata ħafna lejn is-suq tal-Komunità, il-bejgħ tagħha għall-esportazzjoni ppermetta li l-industrija tal-Komunità tirreġistra profitti fl-1998 fi żmien meta l-importazzjonijiet mill-Indoneżja kienu f’livell sinifikanti. (129) Utent partikolari sostna li l-ħsara kienet ikkawżata mill-kompetizzjoni qawwija fl-industrija tal-provvisti għall-uffiċċju. Din il-kompetizzjoni allegatament wasslet lill-utenti/distributuri tal-prodotti konċernati biex jeserċitaw pressjoni fuq il-prezzijiet fl-industrija tal-Komunità, pressjoni li wasslet għal tnaqqis fil-prezzijiet. F’dan ir-rigward, huwa emfasizza li l-importazzjonijiet sussidjati ċertament aggravaw b’mod sinifikanti l-pressjoni fuq il-prezzijiet eserċitati mill-utenti fil-Komunità, u b’hekk ikkawżaw ħsara lill-industrija tal-Komunità. (130) Barra dan, ġie eżaminat ukoll jekk it-tnaqqis fil-prezzijiet setax ikun attribwit għall-andament normali tal-kummerċ tal-RBM, peress li l-prezzijiet minn kważi l-egħjun kollha tal-provvisti naqsu bejn l-1998 u l-IP. (131) F’dan ir-rigward, huwa miftakar li t-tnaqqis ġenerali fil-prezzijiet għandu jiġi kkonsidrat fid-dawl ta’ prattiċi inġusti l-ħin kollu, l-ewwelnett mir-PRC u l-Malasja u t-tieni nett mill-Indoneżja, prattiċi li affettwaw lis-suq tal-Komunità. (132) Barra dan, kif imsemmi fil-premessa 128, is-suq tal-RBM huwa sensittiv ħafna fil-prezz. Għalhekk, meta wieħed jikkonsidra li l-prezzijiet ta’ l-importazzjonijiet indoneżjani nstabu li kienu sussidjati u iktar baxxi mill-prezz medju ta’ l-unità ta’ l-importazzjonijiet l-oħra kollha ta’ RBMs bejn l-1998 u l-IP, għandu jiġi konkluż li importazzjonijiet mill-Indoneżja, li kienu jirrappreżentaw bejn 8 % u 13 % tas-suq tal-Komunità matul il-IP, kellhom impatt ta’ tnaqqis fil-prezzijiet fuq dan is-suq. (133) Finalment ġie analizzat jekk l-andament tal-prezzijiet ta’ Krause, il-produttur tal-Komunità li ma kkoperax, setax ikkontribwixxa għall-ħsara li sofriet l-industrija tal-Komunità. L-analiżi addizzjonali ta’ data li tirreferi għal Krause uriet li dan il-produttur tal-Komunità stess sofra deterjorament fis-sitwazzjoni tiegħu matul il-perjodu kkonsidrat, partikolarment fejn jikkonċerna l-prezz tal-bejgħ u l-livell ta’ profitt. Għalhekk jidher li Krause ma kkontribwixxiex għall-ħsara li sofriet l-industrija tal-Komunità, u li l-importazzjonijiet mill-Indoneżja affettwaw negattivament anke lil dan il-produttur, li kien kostrett ibaxxi l-prezzijiet tiegħu, bħall-industrija tal-Komunità. (134) Għar-raġunijiet kollha msemmija hawn fuq, ġie konkluż li t-tnaqqis fil-prezz fis-suq tal-Komunità m’għandux jiġi kkonsidrat li qed jirrappreżenta żvilupp normali tal-kummerċ, imma iktar bħala konsegwenza ta’ prattiċi kummerċjali inġusti ta’ l-Indoneżja. (135) L-awtoritajiet indoneżjani sostnew li l-esportaturi indoneżjani kienu limitati għall-provvista ta’ produttur taljan ta’ ring-binders sabiex jikkumplimentaw il-gamma tal-prodotti tiegħu. (136) Madankollu, din l-affermazzjoni nstabet li kienet kontradittorja meta mqabbla mal-prospett li għamel l-esportatur indoneżjan li ma kkoperax, li sostna li l-uniku suq li fih il-produttur indoneżjan kellu sehem sinifikanti tas-suq kien ir-Renju Unit. Dan huwa ikkonfermat ukoll mill-Eurostat. (137) Dan il-produttur imsemmi hawn fuq allega li dawn l-esportaturi indoneżjani ma setgħux ikkawżaw ħsara peress li s-suq prinċipali huwa r-Renju Unit fejn l-industrija tal-Komunità m’għandhiex attivitajiet sinifikanti. Madankollu, barra l-fatt li din l-ipotesi tikkontradixxi l-allegazzjoni li għamlu l-awtoritajiet indoneżjani, huwa miftakar li l-analiżi tal-ħsara ssir fuq bażi ta’ Komunità u mhux fuq bażi reġjonali. 4. Konklużjoni fuq il-kawża (138) Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, huwa konkluż li l-ħsara materjali li sofriet l-industrija tal-Komunità, li hija kkaratterizzata minn żvilupp negattiv tal-produzzjoni, tal-volumi tal-bejgħ, tal-prezzijiet, tas-sehem tas-suq, tal-profitt, tal-profitt mill-investment, tal-cash flow u ta’ l-impieg, aġġustat kif għandu jkun biex iqis ir-rilokazzjoni ta’ parti mill-produzzjoni fl-Ungerija, kienet ikkawżata mill-importazzjonijiet sussidjati konċernati. Tabilħaqq, l-effett kombinat fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija ta’ l-importazzjonijiet mill-Indja, it-Tajlandja u r-PRC kif ukoll tar-rilokazzjoni parzjali ta’ parti mill-produzzjoni tal-Komunità kien biss limitat. (139) Esportatur indoneżjan li ma kkoperax sostna li hemm kontradizzjoni bejn il-konklużjoni mniżżla fil-premessa 138 u l-fatt li hemm prova suffiċjenti biex tinfetaħ reviżjoni ta’ l-iskadenza fuq ir-PRC. (140) F’dan ir-rigward, għandu jiġi miftakar li l-iskop ta’ reviżjoni ta’ l-iskadenza huwa li tiġi analizzata s-sitwazzjoni tas-suq tal-Komunità fil-perspettiva tar-riskju ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u ħsara jekk il-miżuri fis-seħħ jiġu mneħħija. Konsegwentament, il-fatt li d-deterjorament ta’ l-industrija tal-Komunità ġiet attribwita għall-Indoneżja matul dan il-perjodu ta’ l-investigazzjoni ma jaffettwax l-analiżi ta’ l-andament futur fis-suq tal-Komunità ta’ esportaturi Ċiniżi u l-effett li x’aktarx ikollu fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità. Huwa miftakar ukoll li s-sehem tas-suq ċiniż kien f’livell baxx ħafna matul l-aħħar sentejn tal-perjodu kkonsidrat. (141) Meta wieħed jikkonsidra l-analiżi, li għamlet distinzjoni u separazzjoni sewwa ta’ l-effetti tal-fatturi kollha magħrufa fuq is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità mill-effetti inġurjużi ta’ l-importazzjonijiet sussidjati, hawnhekk jiġi konkluż li dawn il-fatturi l-oħra fihom infushom ma jbiddlux il-fatt li l-ħsara materjali li nstabet għandha tkun attribwita għall-importazzjonijiet sussidjati. F. INTERESS TAL-KOMUNITÀ 1. Osservazzjoni preliminarja (142) Ġie eżaminat jekk jeżistux raġunijiet validi li jistgħu jwasslu għall-konklużjoni li mhuwiex fl-interess tal-Komunità li jiġu addottati miżuri f’dan il-każ partikolari. Għal dan l-iskop, u skond l-Artikolu 31(1) tar-Regolament bażiku, ġew ikkonsidrati, fuq bażi tal-prova kollha ppreżentata, l-impatt ta’ miżuri possibbli fuq il-partijiet kollha involuti f’din il-proċedura kif ukoll il-konsegwenzi tad-deċiżjoni li ma jittiħdux miżuri. (143) Sabiex tittieħed stima ta’ l-impatt probabbli ta’ l-imposizzjoni jew nuqqas ta’ imposizzjoni ta’ miżuri, ġiet mitluba informazzjoni mill-partijiet kollha interessati. Ġew mibgħuta kwestjonarji liż-żewġ produtturi tal-Komunità li lmentaw, lil żewġ produtturi oħra magħrufa bħala produtturi fil-Komunità, lil disa’ importaturi independenti, lil 49 utent u lil assoċċjazzjoni ta’ utenti. Wieħed miż-żewġ produtturi tal-Komunità li kienu ilmentaw (Koloman), żewġ importaturi indipendenti kif ukoll utent konness ma’ dawk l-importaturi rrispondew il-kwestjonarju. Utent ieħor għamel sottomissjoni mingħajr ma rrisponda l-kwestjonarju. (144) L-analiżi ta’ l-interess tal-Komunità ġiet ibbażata fuq dawn ir-risposti u sottomissjonijiet. 2. Interess ta’ l-industrija tal-Komunità (a) Osservazzjoni preliminarja (145) Diversi produtturi ta’ RBMs fil-Komunità waqqfu l-produzzjoni tal-prodott konċernat f’dawn l-aħħar ftit snin. Inkwantu għall-kumpanniji li fadal, l-investigazzjoni stabbiliet li, kif imsemmi fil-premessa 71, kumpannija li tinsab fir-Renju Unit ukoll waqqfet il-produzzjoni tagħha ftit snin ilu. Inkwantu għall-kumpannija li tinsab l-Italja, instab li ma kinitx tirrappreżenta perċentwal sinifikattiv tal-produtturi ta’ RBMs fil-Komunità u li importat parti sostanzjali tal-bejgħ tagħha. Inkwantu għall-kumpannija spanjola, instab li għandha tiġi kkonsidrata bħala importatur iktar minn produttur peress li l-volumi tal-prodott konċernat li pproduċiet kienu żgħar ħafna, filwaqt li importat iktar minn 90 % tal-bejgħ tagħha mill-Indoneżja. Għalhekk huwa konkluż li ż-żewġ produtturi li lmentaw huma l-uniċi produtturi tal-Komunità li fadal bi produzzjoni sinifikanti ta’ RBMs. (146) Għandu jiġi miftakar li ż-żewġ produtturi tal-Komunità li lmentaw kien diġà kellhom inġurja kbira fil-passat minn importazzjonijiet ta’ oriġinati fir-PRC u l-Malasja li, kif deskritt fir-Regolament (KE) Nru 119/97 [6], wassal, inter alia, għal tnaqqis ta’ 28 % ta’ l-impjegati tagħhom bejn l-1992 u Ottubru 1995. Kif diġà ġie spjegat fil-premessa 94, ġie rreġistrat iktar tnaqqis ta’ 30 % ta’ l-impjegati fl-industrija tal-Komunità bejn l-1998 u l-IP. (147) Fid-dawl tal-ħsara materjali li sofriet l-industrija tal-Komunità, huwa konkluż li, jekk l-industrija tal-Komunità ma tirkuprax mill-prattiċi inġusti tas-sussidju, aktarx li l-produzzjoni fil-Komunità tieqaf kompletament u l-utenti tal-prodott konċernat ikollhom jiddependu b’mod sinifikanti fuq l-importazzjonjiet. (b) Sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-industrija tal-Komunità (148) Is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-industrija tal-Komunità żviluppat b’mod tant negattiv matul il-perjodu kkonsidrat li wara l-IP l-industrija tal-Komunità marret f’idejn riċevitur, kif ġie msemmi fil-premessa 75. Għandu jiġi nnotat li s-sitwazzjoni ta’ telf li qiegħda fiha l-industrija tal-Komunità rriżultat mid-diffikultà tagħha sabiex tikkompeti ma’ l-importazzjonijiet sussidjati bi prezz baxx. Madankollu, il-fatt li l-produttur tal-Komunità li kkopera inxtara minn kumpannija oħra juri li l-produzzjoni ta’ RBMs fil-Komunità qiegħda fi proċess ta’ ristritturar u li qed isir sforz kbir biex din l-industrija tinżamm vijabbli u biex tħalli l-qligħ. (ċ) Effetti possibbli ta’ l-imposizzjoni/nuqqas ta’ imposizzjoni ta’ miżuri fuq l-industrija tal-Komunità (149) Wara l-imposizzjoni ta’ miżuri, it-treġġigħ lura ta’ kondizzjonijiet imparzjali tas-suq għandhom jagħmluha possibbli li l-industrija tal-Komunità tirkupra is-sehem tas-suq mitluf u, billi żżid l-użu tal-kapaċità, tnaqqas l-ispejjeż unitarji tal-produzzjoni u żżid il-profitt. Barra dan, il-miżuri huma mistennija li jkollhom effett pożittiv fuq il-livell tal-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità. Bħala konklużjoni, huwa mistenni li ż-żieda fil-produzzjoni u l-volum tal-bejgħ, minn naħa, u iktar tnaqqis fl-ispejjeż unitarji, min-naħa l-oħra, eventwalment ikkombinati ma’ żieda moderata tal-prezzijiet, għandhom jippermettu lill-industrija tal-Komunità ttejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. (150) Għall-kuntrarju, jekk il-miżuri tas-sisa protettivi ma jiġux imposti, x’aktarx li l-industrija tal-Komunità jkollha tbaxxi iktar il-prezzijiet tagħha u/jew tkompli titlef is-sehem tas-suq. Fiż-żewġ każi, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-industrija tal-Komunità x’aktarx li teħżien. Bħala konsegwenza oħra, huwa wkoll probabbli li l-produzzjoni tal-Komunità tieqaf definittivament f’qasir żmien. (151) Barra dan, jekk wieħed jikkonsidra li l-industrija tal-Komunità ma tipproduċix biss il-prodott konċernat imma wkoll prodotti oħra li jammontaw għal madwar terz tal-valur tal-bejgħ tagħha, huwa probabbli ħafna li l-għeluq tal-linji tal-produzzjoni li jimmanifatturaw l-RBMs jaffettwa l-vijabilità tal-fabbrika sħiħa u jwassal għall-għeluq tal-linji kollha tal-produzzjoni bil-konsegwenza ta’ effett negattiv usa fuq l-impieg u l-investment. (d) Rilokazzjoni possibbli tal-produzzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità (152) Ġie eżaminat jekk kienx hemm xi miżuri li setgħu jkunu kkonsidrati bħala li mhumiex fl-interess tal-Komunità meta wieħed iqis it-rilokazzjoni ta’ parti mill-produzzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità għal pajjiż terz. Ġiet eżaminata wkoll il-possibiltà ta’ rilokazzjoni oħra. (153) L-ewwelnett, kif spjegat fil-premessa 98, huwa miftakar li r-rilokazzjoni, li seħħet fl-2000, ippermettiet lill-industrija tal-Komunità li tillimita t-telf tagħha. F’dan ir-rigward, kienet deċiżjoni strateġika meħuda sabiex tfixkel l-effett tal-prattiċi sussidjati. Barra dan, x’aktarx li din ir-rilokazzjoni, billi tejbet is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-industrija tal-Komunità, kellha l-effett indirett li tagħmilha iktar attraenti għall-investitur il-ġdid li riċentament xtara l-kumpannija. (154) Inkwantu għar-riskju ta’ xi rilokazzjoni oħra, il-Kummissjoni rċeviet konfermazzjoni suffiċjenti li rilokazzjoni bħal din m’hix prevista mill-industrija tal-Komunità. Barra dan, m’hemmx raġuni li tikkonsidra li mossa bħal din hija probabbli peress li l-isforz tar-ristrutturar ikkombinat ma’ l-imposizzjoni ta’ dazju tas-sisa protettiv għandhom jagħmluha possibli li l-industrija tal-Komunità terġa’ tibda tgawdi minn sitwazzjoni vantaġġuża. 3. Interess ta’ l-importaturi (155) Ċerti importaturi, li madankollu ma xtrawx l-RBMs mill-Indoneżja, issottomettew li bdil ta’ l-egħjun tal-provvista seta’ jinvolvi spejjeż addizzjonali jew problemi transitorji. Preċiżament, l-importaturi emfasizzaw li minħabba l-miżuri ta’ l-anti-dumping imposti fl-1997, huma kienu diġà sfurzati li jbiddlu l-egħjun tal-provvista. (156) Madankollu, huwa miftakar li l-iskop tal-miżuri tas-sisa protettivi mhuwiex li jisforza lill-importaturi jew lill-utenti biex ibiddlu l-egħjun tal-provvista tagħhom imma li jżommu kompetizzjoni imparzjali fis-suq tal-Komunità. Barra dan, dawn l-importaturi rrikonoxxew ukoll li numru ta’ pajjiżi terzi oħra setgħu faċilment jipproduċu RBMs u ma pprevedewx diffikultajiet f’li jiġu fornuti minn pajjiż li m’hux kopert minn miżuri tas-sisa protettivi. Barra dan, huma setgħu wkoll jagħmlu kummerċ bi prodotti ta’ produtturi tal-Komunità. Għalhekk kull problema li tirriżulta minn bdil possibbli ta’ l-egħjun tal-provvista x’aktarx li tkun temporarja u huwa improbabbli li tpatti għall-effett pożittiv ta’ miżuri tas-sisa protettivi fuq l-industrija tal-Komunità fil-konfront ta’ sussidji inġurjużi. 4. Interessi ta’ utenti u konsumaturi (a) Utenti (157) Ġie allegat kemm mill-importaturi independenti kif ukoll mill-utent (produttur tar-ring-binder) li l-imposizzjoni ta’ miżuri tas-sisa protettivi kien ikollhom impatt kbir negattiv fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-utenti. (158) F’dan ir-rigward, ġie stmat l-effett probabbli tal-miżuri tas-sisa protettivi imposti fuq l-Indoneżja fuq il-kost tal-produzzjoni ta’ l-utenti. F’dan ir-rigward saret stima ta’ x’sejjer (would) ikun l-impatt tal-miżuri fil-konfront ta’ l-Indoneżja fuq utent li l-uniku għajn ta’ provvista tiegħu huma l-importazzjonijiet mill-Indoneżja (l-ipostesi l-iktar negattiva). Fuq bażi ta’ dan l-impatt tal-miżuri proposti fil-konfront ta’ l-Indoneżja ikun jiġi stmat bħala żieda fil-kost tal-produzzjoni ta’ madwar 1,3 %. Kif diġà ġie spjegat, dan huwa xenarju purament ipotetiku peress li ma kkopera l-ebda utent li kien jiġi fornut mill-prodott konċernat mill-Indoneżja biss. (159) Fid-dawl tar-riżultati msemmija hawn fuq, ġie konkluż li l-impatt tad-dazji tas-sisa protettivi fuq utenti jkun żgħir ħafna. B’mod iktar ġenerali, meta wieħed iqis in-nuqqas ta’ koperazzjoni minn utenti oħra, x’aktarx li l-impatt ta’ l-ispejjeż fuq l-utenti l-oħra kollha jkun żgħir ħafna wkoll. (160) L-utent li kkopera afferma li, kif ġara fl-aħħar tliet snin, meta kellu jittrasferixxi parti mill-produzzjoni tiegħu barra mill-Komunità u jagħlaq tliet fabbriki wara l-imposizzjoni ta’ miżuri ta’ l-anti-dumping fuq RBMs oriġinati mir-PRC u l-Malasja, il-miżuri tas-sisa protettivi fuq importazzjonijiet oriġinati fl-Indoneżja, billi żied il-prezzijiet ta’ wieħed mill-oġġetti tal-kost tal-produzzjoni tiegħu, setgħu jitolbu trasferiment ġdid tal-produzzjoni tiegħu ta’ ring-binders barra mill-Komunità u/jew l-għeluq tal-fabbriki rilevanti. B’dan il-mod ikun hemm riskju li tiġi affettwata l-attività sħiħa tiegħu, i.e. anke l-iffabbrikar ta’ prodotti oħra, li l-fabbriki tagħhom ikollhom jiġu trasferiti ukoll, b’telf sinifikanti ta’ impiegi fil-Komunità. (161) B’mod ġenerali, għandu jiġi osservat li r-riskju tar-rilokazzjoni ta’ l-industrija downstream minħabba l-miżuri tas-sisa protettivi huwa mnaqqas bil-fatt li parti mis-suq tar-ring-binders huwa orjentat għall-kumpanniji (business-to-business) u huwa fondamentali li l-utenti jkunu viċin tal-klijenti tagħhom, ikollhom produzzjoni flessibbli lesta li tissodisfa d-domanda u jkollhom tagħrif tajjeb tas-suq. Fil-fatt l-investigazzjoni wriet li l-kriterji prinċipali li l-klijenti tal-produttur tar-ring-binder jikkonsidraw fl-għażla tagħhom huma l-prezz, il-kwalità u s-servizz, kif ukoll il-velocità fit-tqassim tal-prodotti. Barra dan, kif digà ġie spjegat fil-premessi 157 u 158, l-impatt finanzjarju tal-miżuri tas-sisa protettivi fuq l-industrija downstream instab li kien żgħir ħafna. Finalment il-fatt li produttur wieħed biss tar-ring-binders ikkopera bis-sħiħ fl-investigazzjoni, għandu t-tendenza li jikkonferma l-konklużjoni li l-miżuri tas-sisa protettivi mhux se jkollhom impatt deċisiv fuq l-utenti. (162) Barra dan, ċerti partijiet interessati wrew li r-rilokazzjoni ta’ diversi utenti li seħħet fis-snin li għaddew kienet dovuta għall-kost tal-produzzjoni għolja fil-Komunità. Dan jikkonferma li kull rilokazzjoni għandha tidher fil-kuntest usa ta’ l-istruttura sħiħa ta’ l-ispejjeż li fiha, kif digà ġie spjegat, miżuri tas-sisa protettivi jirrappreżentaw parti żgħira ħafna. (163) Inkwantu għas-sitwazzjoni speċifika ta’ l-utent li kkopera, l-investigazzjoni wriet li, għalkemm dan l-utent ittrasferixxa parti mill-produzzjoni tiegħu barra mill-Komunità bejn l-1998 u l-IP, i.e. wara l-imposizzjoni ta’ miżuri anti-dumping fil-konfront tar-PRC u l-Malasja, dan l-utent fil-fatt bidel l-egħjun ta’ provvista tiegħu wara l-imposizzjoni ta’ miżuri anti-dumping fil-konfront tar-PRC u l-Malasja, filwaqt li xtara RBMs mill-importaturi li kkoperaw li min-naħa tagħhom, mill-1998, bdew jimpurtaw mill-Indja għad-detriment tar-PRC. Għalhekk jidher diffiċli li tiġi stabbilita għaqda bejn it-trasferiment tal-produzzjoni tar-ring-binders ta’ dak l-utent barra mill-Komunità u l-imposizzjoni ta’ taxxi ta’ l-anti-dumping fuq importazzjonijiet mir-PRC u l-Malasja. Barra dan, kif diġà ntwera fil-premessa 159, dazji tas-sisa protettivi għandhom impatt żgħir ħafna fuq il-kost tal-produzzjoni ta’ l-utenti. (164) Instab li r-rilokazzjoni deskritta hawn fuq għandha tiġi meqjusa pjuttost bħala l-konsegwenza ta’ l-istrateġija ta’ espansjoni addottata minn dan l-utent li matul dawn l-aħħar snin akkwista numru ta’ kumpanniji. Eventwalment din l-istrateġija wasslet għal konsolidazzjoni u ristritturar ta’ l-entitajiet differenti tal-grupp, li uħud minnhom ġew magħluqa. Ir-rilokazzjoni ta’ xi fabbriki barra mill-Komunità għandha tiġi meqjusa bħala parti minn din l-istrateġija, li l-iskop tagħha hu li ssaħħaħ il-posizzjoni ta’ dak l-utent fis-suq tal-Komunità u li tiżviluppa l-preżenza tagħha fl-Ewropa tal-Lvant. (165) Quddiem dan li ntqal hawn fuq, u fid-dawl ta’ l-impatt żgħir ħafna li l-livell tat-taxxi imposti x’aktarx li se jkollhom fuq l-utent konċernat, jidher li huwa improbabbli li l-miżuri tas-sisa protettivi fil-konfront ta’ l-Indoneżja jkunu jitolbu, fihom innifishom, trasferiment ieħor tal-produzzjoni tiegħu ta’ ring-binders barra mill-Komunità. (166) Inkwantu għall-għeluq ta’ fabbriki u r-riskju ta’ għeluq ta’ iktar fabbriki b’konnessjoni ma’ l-imposizzjoni ta’ miżuri tas-sisa protettivi fil-konfront ta’ l-Indoneżja, instab li l-utent li kkopera għalaq tliet fabbriki fit-tliet snin li għaddew, meta kienu fis-seħħ miżuri fuq ir-PRC u l-Malasja. Fid-dawl ta’ l-impatt żgħir ħafna li l-miżuri jkun ikollhom fuq il-kost tal-produzzjoni u fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ l-utent in kwistjoni, kif spjegat fil-premessa 164, huwa improbabbli li l-miżuri fuq ir-PRC u l-Malasja wasslu, waħidhom, għall-għeluq ta’ dawn il-fabbriki u li l-miżuri tas-sisa protettivi fuq l-importazzjonijiet mill-Indoneżja jkunu jikkawżaw għeluq ta’ fabbriki oħra. (b) Konsumaturi (167) Għandu jiġi msemmi li l-prodott konċernat ma jinbiegħx bl-imnut u li l-ebda assoċjazzjoni tal-konsumaturi ma mmanifestaw ruħhom u pparteċipaw f’din l-investigazzjoni. (168) L-utent li kkopera sostna wkoll li l-miżuri tas-sisa protettivi jkunu jżidu l-prezz mħallas mill-klijent finali tar-ring-binders, i.e. konsumaturi. Madankollu, fid-dawl ta’ dak li ġie spjegat hawn fuq dwar l-impatt fuq il-produtturi tar-ring-binders, kull żieda fil-prezz tal-bejgħ finali lill-konsumaturi ta’ ring-binders x’aktarx li ma tkunx sinifikanti. (169) Barra dan, l-investigazzjoni wriet li l-utent li kkopera jbiegħ il-prodotti tiegħu prinċiparjament lid-distribututri. Fl-agħar każ li jista’ jseħħ, jekk iż-żieda fil-prezzijiet li l-utenti jista’ jkun li jsofru tiġi mgħoddija kollha sal-klijent finali, dan ikun jitlob żieda fil-prezz ta’ massimu ta’ 4 % għall-klijent finali. Madankollu, huwa improbabbli li dan iseħħ peress li l-esperjenza ġenerali turi li huwa iktar probabbli li kull parti tal-katina tad-distribuzzjoni ssostni parti miż-żieda fl-ispejjeż sabiex tibqa’ kompetittiva fis-suq tagħha. (170) Fuq bażi ta’ dan li ntqal hawn fuq, l-impatt fuq utenti ta’ RBMs u klijenti ta’ ring-binders kien ikkonsidrat li ma jistabbilixxix raġuni valida kontra l-imposizzjoni ta’ miżuri tas-sisa protettivi, minħabba li hu improbabbli li l-effett negattiv li hu possibbli ipatti għall-effett posittiv fuq l-industrija tal-Komunitàja ta’ miżuri kompensatorji kontra sussidji inġurjużi. (ċ) Impatt fuq il-kompetizzjoni (171) Ġie eżaminat ukoll jekk l-imposizzjoni ta’ miżuri tas-sisa protettivi fuq importazzjonijiet mill-Indoneżja setgħux iwasslu għal sitwazzjoni fejn l-industrija tal-Komunità setgħet tibbenefika minn posizzjoni dominanti fis-suq tal-Komunità, partikolarment fid-dawl tal-miżuri ta’ l-anti-dumping imposti fl-1997 fuq importazzjonijiet mir-PRC u l-Malasja u fid-dawl tar-ristritturar ta’ l-industrija tal-Komunità. (172) L-ewwelnett, huwa miftakar li matul il-IP l-industrija tal-Komunità kellha biss bejn 10 % u 15 % tas-sehem tas-suq. Matul il-IP iż-żewġ produtturi tal-Komunità li lmentaw, flimkien, kien ikollhom bejn 32 % u 37 % tas-sehem tas-suq. Anke jekk l-importazzjonijiet ta’ Koloman jiġu inklużi fis-sehem tas-suq li għandhom flimkien iż-żewġ persuni li lmentaw, dan is-sehem tas-suq kien ikun bejn 47 % u 52 % tas-suq tal-Komunità fil-IP. Barra dan, huwa miftakar li għalkemm il-Kummissjoni bdiet reviżjoni tal-miżuri kontra r-PRC, din ir-reviżjoni ma tikkonċernax importazzjonijiet mill-Malasja. RBMs jistgħu jibqgħu jiġu importati wkoll mill-Indja. Għalhekk huwa improbabbli ħafna li l-imposizzjoni ta’ miżuri tas-sisa protettivi fil-konfront ta’ l-Indoneżja jkunu jwasslu għal xi effett negattiv fuq il-kompetizzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità fis-suq tal-Komunità. Finalment huwa miftakar li, bl-istess mod, l-imposizzjoni ta’ miżuri ta’ anti-dumping fuq importazzjonijiet mir-PRC kif ukoll mill-Malasja ma wasslu għall-ebda tip ta’ dominanza għall-industrija tal-Komunità, anke jekk dak iż-żmien ma kienu jeżistu l-ebda egħjun oħra ta’ provvista barra dawn iż-żewġ pajjiżi. (173) Min-naħa l-oħra, kif diġà ġie spjegat fil-premessa 150, x’aktarx li mingħajr miżuri biex jirrimedjaw għall-effetti ta’ importazzjonijiet sussidjati, f’qasir żmien il-produzzjoni tal-Komunità ma tibqax vijabbli u għalhekk tieqaf. Ċertament ma jkunx fl-interess ta’ l-utenti li l-industrija tal-Komunità jkollha twaqqaf il-produzzjoni tagħha tal-prodott konċernat. Tabilħaqq, minn naħa, l-uniku utent li kkopera xtara bejn 20 % u 50 % ta’ l-RBMs tiegħu mill-industrija tal-Komunità bejn l-1998 u l-IP. Min-naħa l-oħra, jekk l-industrija tal-Komunità twaqqaf definittivament il-produzzjoni ta’ RBMs, l-utenti jkunu jiddependu b’mod sinifikanti fuq importazzjonijiet. (174) Jekk jiġu mposti miżuri, xorta jeżistu diversi egħjun alternattivi ta’ provvista. RBMs qed jiġu jew jistgħu jiġu mixtrija mill-industrija tal-Komunità, il-produtturi l-oħra tal-Komunità, l-Indja u Hong Kong. Barra dan, importazzjonijiet mill-Malasja x’aktarx li jerġgħu jibdew peress li riċentament il-miżuri fil-konfront ta’ dan il-pajjiż skadew. Barra dan, l-investigazzjoni wriet li l-imposizzjoni ta’ miżuri ta’ l-anti-dumping fuq importazzjonijiet mir-PRC u l-Malasja ma tinvolvix xi nuqqas fil-prodott konċernat. Finalment huwa miftakar li l-impatt tal-miżuri fuq l-utenti nstab li kien żgħir ħafna, u li għalhekk x’aktarx il-prodott konċernat sejjer jibqa’ jkun importat mill-Indoneżja. 5. Konklużjoni fuq interessi tal-Komunità (175) Meta wieħed jikkonsidra r-raġunijiet imsemmija hawn fuq, huwa konkluż li m’hemmx raġunijiet validi u konvinċenti kontra l-imposizzjoni ta’ dazji tas-sisa protettivi. G. MIŻURI DEFINITTIVI 1. Livell ta’ eliminazzjoni tal-ħsara (176) Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa dwar is-sussidju, l-ħsara, il-kawża u l-interessi tal-Komunità, miżuri tas-sisa protettivi definittivi għandhom jiġu imposti f’livell suffiċjenti sabiex tiġi eliminata l-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Komunità mill-importaturi sussidjati. (177) Skond l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat x’livell ta’ dazju jkun adegwat biex titneħħa l-ħsara lill-industrija tal-Komunità kkawżata mis-sussidju. Għal dak l-iskop, ġie kkonsidrat li għandu jiġi kkalkulat livell tal-prezz ibbażat fuq l-ispiża tal-produzzjoni tal-produtturi tal-Komunità flimkien ma’ marġini xierqa tal-profitt. (178) Hawnhekk instab li l-marġini tal-profitt ta’ 5 % tal-valur tal-bejgħ jista’ jiġi kkonsidrat bħala minimu xieraq, wara li ġie kkonsidrat il-bżonn ta’ investiment għal terminu twil, u partikolament, l-ammont li l-industrija tal-Komunità setgħet kienet mistennija li tikseb fl-assenza ta’ sussidji inġurjużi. (179) Meta wieħed iqis in-nuqqas ta’ koperazzjoni, ġie kkonsidrat li l-eliminazzjoni tal-ħsara għandha tkopri d-differenza bejn il-prezz kalkulat u l-prezzijiet cif aġġustati kif spjegat fil-premessa 82. (180) Il-livelli ta’ l-eliminazzjoni tal-ħsara li nstabu kienu 42,30 % għal importazzjonijiet mill-Indoneżja. 2. Miżuri tas-sisa protettivi definittivi (181) Fid-dawl ta’ dak imsemmi hawn fuq iktar qabel u skond l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, ir-rata tad-dazju tas-sisa protettiv għandha tikkorrispondi mal-marġini tas-sussidju, li kien iktar baxx mill-marġini tal-ħsara. Għalhekk ir-rati ta’ dazju li ġejjin japplikaw: L-Indoneżja (il-kumpanniji kollha): 10,0 % (182) Sabiex jintlaħaq it-terminu perentorju stabbilit fl-Artikolu 11(9) tar-Regulament bażiku, ir-Regolament preżenti għandu jidħol fis-seħħ fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tiegħu, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. Dazju tas-sisa protettiv definittiv huwa hawnhekk impost fuq importazzjoni ta’ ċerti mekkaniżmi ring-binder, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex830510 00 (kodiċi TARIC 8305100010 u 8305100020) u oriġinati fl-Indoneżja. Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, mekkaniżmi ring-binder għandhom jikkonsistu f’żewġ folji rettangolari ta’ l-azzar jew wajers li fuqhom hemm mill-inqas erba’ nofsijiet ta’ anelli magħmula mill-wajer ta’ l-azzar u li huma miżmuma flimkien permezz ta’ kopertura ta’ l-azzar. Dawn jistgħu jinfetħu jew billi jinġibdu n-nofsijiet ta’ anelli jew permezz ta’ molla żgħira ta’ l-azzar imwaħħla mal-RBM. 2. Ir-rata tad-dazju tas-sisa protettiv definittiv applikabbli għall-prezz nett, bla ħlas fil-fruntieri tal-Komunità, qabel id-dazju, għandu jkun kif ġej għall-prodotti oriġinati fil-: Pajjiż | Dazju definittiv (%) | L-Indoneżja | 10,0 | 3. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-disposizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali għandhom japplikaw. 4. Il-proċedura li tikkonċerna importazzjonijiet ta’ ċerti mekkaniżmi ring-binder oriġinati fl-Indja hija hawnhekk mitmuma. Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fil-Lussemburgu, fl-4 ta’ Ġunju 2002. Għall-Kunsill Il-President R. De Rato Y Figaredo [1] ĠU L 288, 21.10.97, pġ 1. [2] ĠU C 147, 18.05.01, pġ 4. [3] ĠU C 147, 18.05.01, pġ 2. [4] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 978/2000 (ĠU L 113, tat-12.5.2000, pġ 1). [5] ĠU L 250, 05.10.00, pġ 1. [6] ĠU L 22, 24.01.97, pġ 1. --------------------------------------------------