32002R0769



Official Journal L 123 , 09/05/2002 P. 0001 - 0009


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 769/2002

tas-7 ta’ Mejju 2002

li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping fuq l-importazzjoni ta’ coumarin li toriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjoni li tifqa’ is-suq minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ewropea [1], u partikolarment l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Wara li kkonsidra l-proposta mogħtija mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. PROĊEDURA PREĊEDENTI U MIŻURI EŻISTENTI

(1) F’Marzu 1996, bir-Regolament Nru 600/96 [2] miżuri definittivi kontra d-dumping kienu addottati fil-konfront ta’ importazzjoni ta’ coumarin li toriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina. Il-miżuri imposti kienu fil-forma ta’ dazju speċifiku ta’ ECU 3479 għal kull tunnellata.

B. INVESTIGAZZJONI PREŻENTI

1. Talba għal reviżjoni

(2) Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti [3] tal-miżuri kontra d-dumping li jinsabu fis-seħħ fuq importazzjoni ta’ coumarin li toriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ("il-pajjiż konċernat" jew "il-PRC"), il-Kummissjoni rċiviet talba għal reviżjoni skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 ("ir-Regolament Bażiku").

(3) It-talba kienet preżentata fl-4 ta’ Jannar 2001 mill-Kunsill ta’ l-Industrija Kimika Ewropew (CEFIC) ("l-applikant") f’isem il-produttur waħdieni fil-Komunità li jirrappreżenta t-totalità tal-produzzjoni tal-coumarin fil-Komunità.

(4) It-talba għal reviżjoni ta’ l-iskadenza kienet ibbażata fuq ir-raġunijiet li d-dumping ta’ importazzjoni li toriġina fil-PRC li jkun ta’ ħsara x’aktarx li jkompli jew li jirrepeti ruħu jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

2. Avviż ta’ bidu

(5) Wara li ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, illi kienet teżisti evidenza biżżejjed għall-bidu ta’ reviżjoni ta’ l-iskadenza, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej [4].

3. Perjodu ta’ investigazzjoni

(6) Il-perjodu ta’ investigazzjoni ("IP") għall-eżaminazzjoni tal-kontinwazzjoni jew ripetizzjoni ta’ dumping u ħsara kopra l-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2000 u t-31 ta’ Diċembru 2000. L-eżaminazzjoni ta’ xejriet li huma rilevanti għall-valutazzjoni tal-kontinwazzjoni jew ir-ripetizzjoni tal-ħsara kopriet il-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 1996 u l-aħħar ta’ l-IP ("perjodu li qiegħed ikun reviżjonat").

4. Il-partijiet konċernati mill-investigazzjoni

(7) Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikant produttur tal-Komunità, lill-produtturi li jesportaw fil-PRC u lir-rappreżentanti tagħhom, lill-awtoritajiet Ċiniżi u lill-importaturi, utenti u assoċjazzjonijiet li huma magħrufa li huma konċernati, dwar il-bidu tar-reviżjoni. Il-Kummissjoni batgħet kwestjonarji lill-produtturi li jesportaw, produttur fl-iStati Uniti (pajjiż analogu), lill-produttur waħdieni fil-Komunità, importaturi, utenti u assoċjazzjonijiet li huma magħrufa li huma konċernati u lil dawk il-partijiet li introduċew ruħhom fiż-żmien stipulat fl-avviż tal-bidu tar-reviżjoni.

(8) Il-produttur tal-Komunità, il-produttur tal-pajjiż analogu, assoċjazzjoni waħda ta’ l-importataturi, u ħames utenti wieġbu l-kwestjonarju. Fil-każ tal-PRC ma kien riċevut l-ebda kwestjonarju.

5. Verifikazzjoni ta’ l-informazzjoni riċevuta

(9) Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li dehrilha li hija meħtieġa għall-iskop ta’ determinazzjoni tal-kontinwazzjoni jew ripetizzjoni ta’ dumping u ħsara u ta’ l-interess tal-Komunità.. Il-Kummissjoni tat ukoll lill-partijiet li huma direttament konċernati l-opportunità li jesprimu l-ħsibijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta.

(10) Saru żjarat ta’ verifika fil-bini ta’ dawn il-kumpanniji li ġejjin:

Produttur tal-Komunità:

- Rhodia, (Lyon) Franza;

Importaturi:

- Quest International, (Ashford) ir-Renju Unit;

Produttur tal-pajjiż analogu:

- Rhodia, (Cranbury NJ) USA.

C. PRODOTT KONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1. Prodott konċernat

(11) Il-prodott konċernat huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali, jiġifieri coumarin, trab abjad kristallin bir-riħa karatteristika tal-qamħ li jkun għadu kif inħasad. L-użi prinċipali tiegħu huma bħala kimika aromatika u bħala waħħali fil-preparazzjoni ta’ komposti ta’ fwieħa, liema komposti huma wżati fil-produzzjoni ta’ diterġenti, kosmetiċi u fwejjaħ fini.

(12) Coumarin, li oriġinarjament kienet prodott naturali li kienet tinstab fil-fażola tonka, illum hija prodotta sintetikament. Tista’ tinkiseb permezz ta’ proċess sintetiku li jibda mill-phenol sabiex jinkiseb is-salicilaldehyde (reazzjoni Perkin) jew b’sintesi mill-orthocresol (reazzjoni Raschig). L-ispeċifikazzjoni ewlenija tal-coumarin hija l-purità tagħha, li hija ndikata mit-temperatura li fiha ddub. Il-coumarin ta’ kwalità standard innegozjata fil-Komunità ddub f’temperaturi li jvarjaw bejn 68 °C u 70 °C li jikkorrispondi għal purità ta’ 99 %.

(13) Il-prodott konċernat jaqa’ fl-ambitu tal-kodiċi NM ex29322100.

2. Prodott simili

(14) Bħal ma seħħ fl-investigazzjoni oriġinali, coumarin li hija prodotta u mibjugħa fis-suq domestiku fil-pajjiż analogu (USA) u dik esportata fil-Komunità mill-PRC kif ukoll coumarin prodotta u mibjugħa mill-industrija tal-Komunità fis-suq tal-Komunità instabu li għandhom karatteristi1ċi fiżiċi u użi li huma effettivament identitiċi u għalhekk huma prodotti simili fis-sens ta’ l-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

D. PROBABBILITÀ TA’ KONTINWAZZJONI TA’ DUMPING JEW RIPETIZZJONI TA’ DUMPING

(15) Skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, jeħtieġ illi jkun eżaminat jekk l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx illi kieku jwassal għal kontinwazzjoni ta’ dumping.

(16) Fl-eżaminazzjoni ta’ jekk teżistix probabbilità ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping, jeħtieġ illi jkun verifikat jekk dumping jeżistix fil-preżent u jekk huwiex probabbli li tali dumping ikompli.

1. Rimarki preliminari

(17) It-tisjib dwar dumping imniżżla hawn isfel għandhom jitqiesu fid-dawl tal-fatt li l-produtturi Ċiniżi li jesportaw ma kkoperawx fl-investigazzjoni u li għalhekk it-tisjib kellu jkun ibbażat fuq il-fatti disponibbli, jiġifiieri informazzjoni tal-Eurostat, informazzjoni tan-negozzju ta’ l-esportazzjoni taċ-Ċina u informazzjoni mniżżla fl-ilment.

2. Il-livell preżenti ta’ dumping

(a) Pajjiż analogu

(18) Il-miżuri eżistenti jipprovdu għal dazju wieħed għal madwar il-pajjiż kollu fuq l-importazzjoni kollha fil-Komunità tal-coumarin mill-PRC. Skond l-Artikolu 11(9) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni wżat l-istess metodoloġija bħal ma ntużat fl-investigazzjoni oriġinali. Għalhekk, il-valur normali kien determinat fuq il-bażi ta’ informazzjoni miksuba f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq (il-"pajjiż analogu").

(19) L-iStatuniti kienu servew bħala pajjiż analogu fl-investigazzjoni oriġinali. Fl-avviż tal-bidu ta’ din ir-reviżjoni ta’ l-iskadenza għalhekk kien deċież li jergħu jingħażlu l-iStati Uniti bħala pajjiż analogu għall-iskop li jkun stabbilit il-valur normali. Billi kien ukoll instab illi r-raġunijiet oriġinali li minħabba fihom kienu magħżula l-iStati Uniti, jiġifieri d-daqs tas-suq domestiku tagħhom, il-ftuħ tas-suq tagħhom u l-grad ta’ aċċess li għandhom għal materjal bażiku, kienu għadhom validi, l-iStati Uniti kienu konsidrati li huma xierqa u għażla mhux irraġonevoli ta’ pajjiż analogu. Kienet biss parti interessata waħda li oġġezzjonat għal din l-għażla ta’ pajjiż analogu, partikolarment fil-konfront tad-differenza fil-manifattura tal-prodott, madankollu ma tawx għażla alternattiva fi żmien xieraq. Għalhekk, minħabba li l-produttur ta’ l-Istati Uniti li kien ikkuntatjat qabel li jikkopera b’mod sħiħ, u kellu bejgħ domestiku rappresentattiv biżżejjed, l-iStati Uniti kienu, skond l-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, kunsidrati li huma għażla xierqa u mhux irraġonevoli ta’ pajjiż analogu sabiex ikun stabbilit il-valur normali fir-rigward tal-PRC għall-prodott konċernat.

(b) Valur normali

(20) Wara kien eżaminat jekk il-bejgħ domestiku tal-produttur koperanti ta’ l-iStati Uniti lil konsumaturi indipendenti setgħax ikun kunsidrat li kien magħmul fil-kors ordinarju tan-negozju, skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament bażiku. Instab illi l-prezz tal-bejgħ mgħobbi medju tal-bejgħ kollu matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni kien ogħla mill-ispiża mgħobbija ta’ produzzjoni medja għal kull unità, u li l-volum ta’ transazzjonijiet ta’ bejgħ individwali ’l isfel mill-ispiża ta’ produzzjoni għal kull unità kien iktar minn 20 % iżda inqas minn 90 % tal-bejgħ li kien qiegħed ikun wżat sabiex ikun determinat il-valur normali; għalhekk il-bejgħ domestiku bi profitt kollu biss kien meqjus li kien sar fil-kors ordinarju tan-negozju, u wżat għal tqabbil. Għalhekk il-valur normali kien determinat, skond l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, fuq il-bażi tal-prezz imħallas jew pagabbli, fil-kors ordinarju tan-negozju, minn klienti domestiċi indipendenti tal-produttur koperanti ta’ l-iStati Uniti matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni.

(ċ) Prezz ta’ l-esportazzjoni

(21) Inkwantu għall-esportazzjoni fil-Komunità, li għaliha ma kien hemm l-ebda koperazzjoni mill-produtturi Ċiniżi li jesportaw, it-tisjib kellu jkun bażat fuq l-informazzjoni disponibbli, skond l-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku. Prezz ta’ l-esportazzjoni medju għat-transazzjonijiet kollha kien għalhekk determinat fuq il-bażi ta’ informazzjoni tan-negozzju ta’ l-esportazzjoni Ċiniża.

(d) Tqabbil

(22) Għall-iskop ta’ tqabbil xieraq, u skond l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti kienet magħmula għal differenzi fil-konfront ta’ trasport intern ta’ merkanzija, immaniġjar u tgħabija, trasport u spejjeż ta’ kreditu, li affetwaw l-prezzijiet u l-possibilità ta’ tqabbil tal-prezzijiet.

(23) Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ trasport intern, l-aġġustamenti rilevanti kienu bbażati fuq l-ispejjeż tal-pajjiż analogu.

(e) Marġini ta’ dumping

(24) Skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-valur normali mgħobbi medju, fuq il-bażi ta’ ex-xogħlijiet, kien imqabbel mal-prezz ta’ l-esportazzjoni mgħobbi medju fuq il-bażi ta’ ex-xogħlijiet Ċiniżi, fuq l-istess livell ta’ negozju.

(25) It-tqabbil imsemmi hawn fuq wera l-eżistenza ta’ dumping sinjifikanti ħafna. Il-marġini ta’ dumping li nstab kien sostanzjali u eżattament ’l isfel mil-livell misjub fl-investigazzjoni oriġinali (madwar 50 %).

(26) L-investigazzjoni ma kixfet l-ebda raġuni għaliex dan id-dumping għandu jisparixxi jekk il-miżuri jkollhom ikunu revokati. Ghalhekk kien konkluż li hemm probabbilità ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping. Madankollu, minħabba l-livell baxx ta’ importazzjoni li toriġina fil-PRC matul il-IP, kien meqjus xieraq li jkun eżaminat jekk ikunx hemm ripetizzjoni ta’ dumping f’volum ta’ esportazzjoni li jikber jekk il-miżuri eżawrjenti kellhom ikunu revokati.

3. Żvilupp ta’ importazzjoni mill-PRC

(27) Għall-eżaminazzjoni ta’ probabbilità ta’ ripetizzjoni ta’ dumping il-fatturi segwenti kienu eżaminati: eżistenza ta’ dumping, l-evoluzzjoni tal-produzzjoni u kapaċità ta’ użu fil-PRC, u l-evoluzzjoni ta’ l-esportazzjoni Ċiniża tal-coumarin madwar id-dinja.

(a) Eżistenza ta’ dumping

(28) Il-marġini ta’ dumping stabbilit fl-investigazzjoni tal-bidu kien għoli (iktar minn 50 %, li jwassal għal dazju ta’ ECU 3479 għal kull tunnellata). L-investigazzjoni li saret matul ir-reviżjoni preżenti tindika li d-dumping kompla xorta waħda u kien viċin il-livell misjub fl-investigazzjoni tal-bidu.

(b) Evoluzzjoni tal-produzzjoni u kapaċità ta’ użu fil-PRC

(29) Skond l-informazzjoni disponibbli, il-kapaċità ta’ produzzjoni fil-PRC hija għolja, u tista’ saħansitra titkabbar fi żmien qasir minħabba n-natura tal-prodott u l-proċess ta’ produzzjoni. L-informazzjoni turi li l-kapaċità ta’ produzzjoni Ċiniża hija ta’ madwar 1900 tunnellata (li tirrappreżenta 40 % tal-kapaċità dinjija b’seba’ produtturi, u 18 –il produttur potenzali li huma lesti biex jerġgħu jidħlu fis-swieq). Dan huwa wisq akbar mill-konsum kollu tal-KE ta’ 700 tunnellata.

(30) Għalhekk, d-disponibiltà enormi ta’ kapaċità ta’ produzzjoni mhux użata (bejn 50 % u 60 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni) jagħti lill-produtturi Ċiniżi li jesportaw grad għoli ħafna ta’ flessibilità fil-proċess ta’ produzzjoni. Dawn il-produtturi għalhekk huma kapaċi li jkabbru l-produzzjoni malajr u li jindirizzawha lejn kwalunkwe suq ta’ l-esportazzjoni, inkluż, kemm il-darba l-miżuri jkunu revokati, is-suq tal-Komunità.

(ċ) Evoluzzjoni ta’ l-esportazzjoni Ċiniża lejn pajjiżi terzi

1. Tendenza ġenerali ta’ l-esportazzjoni

(31) Fuq il-bażi ta’ statistiċi dwar l-esportazzjoni Ċiniża, l-imġieba tal-prezzijiet Ċiniżi fuq is-swieq ta’ l-esportazzjoni l-oħra tagħhom turi li l-prezzijiet ta’ l-esportaturi Ċiniżi f’dawk is-swieq huma fil-medja 11 % ’l isfel mill-prezzijiet offruti fil-Komunità, u saħansitra 16 % fis-swieq ta’ ċerti pajjiżi terzi, bħal Hong Kong u l-Indja.

2. Possibilità ta’ liwja fl-esportazzjoni Ċiniża minħabba l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet f’pajjiżi terzi

(32) L-Istati Uniti imponew dazji kontra d-dumping fuq l-importazzjoni tal-coumarin mill-PRC fl-1995 u żammew id-dazji f’Mejju 2000 skond reviżjoni ta’ l-iskadenza. Id-dazji ta’ l-USA jvarjaw minn 31,02 % sa 160,80 %.

(33) Dan juri li hemm pressjoni fuq il-produtturi Ċiniżi li jesportaw sabiex isibu swieq għall-esportazzjoni alternattivi. Kemm il-darba l-Komunità tirrevoka il-miżuri preżenti kontra d-dumping, l-esportazzjoni lejn is-suq tal-Komunità tkun għażla attraenti għall-produtturi Ċiniżi li jesportaw.

3. Esportazzjoni Ċiniża lejn swieq ta’ l-esportazzjoni rappresentativi

(34) Huwa importanti li jkun innotat illi, wara li l-Kunsill impona dazji kontra d-dumping fl-1995, produtturi li jesportaw fil-PRC ma kienux kapaċi jippenetraw swieq ta’ l-esportazzjoni oħra jew jespandu l-esportazzjoni fis-swieq eżistenti l-oħra.

(d) Konklużjoni

(35) L-investigazzjoni wriet li l-kwantitajiet importati fil-Komunità mill-PRC matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni faqgħu s-suq.

(36) L-investigazzjoni kienet uriet ukoll li l-volum ta’ coumarin Ċiniża li kienet esportata fil-Komunità aktarx li kieku jilħqu livelli sostanzjali jekk il-miżuri eżistenti jkunu revokati. Din il-konklużjoni nġibdet fid-dawl tal-kapaċità sper sostanzjali disponibbli fil-PRC, u fid-dawl tal-pressjoni fuq il-produtturi Ċiniżi li jesportaw sabiex isibu swieq ta’ l-esportazzjoni alternattivi għall-USA u għal swieq ta’ l-esportazzjoni oħra. Dan kollu juri l-interess qawwi kontinwu min-naħa tal-produtturi Ċiniżi li jesportaw fil-bejgħ lill-Komunità.

(37) Kien ukoll konkluż illi tali esportazzjoni li żdiedet sostanzjalment lejn il-Komunità x’aktarx illi tkun magħmula bi prezzijiet li jifqgħu s-suq. Dan huwa pruvat mill-prezzijiet baxxi ta’ l-esportazzjoni Ċiniża lejn swieq ta’ pajjiżi terzi ewlwnin oħra.

(38) Fil-qosor, x’aktarx illi importazzjoni fil-Komunità mill-PRC terġa’ tibda fi kwantitajiet sinjifikanti u bi prezzijiet li jifqgħu s-suq sostanzjalment, jekk il-miżuri jkunu revokati.

E. DEFINIZZJONI TA’ L-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ

(39) Il-kumpannija rappreżentata mill-applikant kienet l-unika produttur tal-coumarin fil-Komunità matul il-perjodu ta’ l-investigazzjoni.

(40) Matul l-IP, il-produttur tal-Komunità importa l-coumarin minn pajjiż barra il-PRC. L-iskop ta’ tali esportazzjoni kien li jikkompensa nuqqassijiet tal-prodott konċernat mill-produzzjoni tal-produttur fil-Komunità minħabba raġunijet tekniċi. Din l-importazzjoni rrappreżentat parti minuri tal-volum tal-bejgħ totaliv mill-produttur fil-Komunità. Għalhekk, minkejja dan il-bejgħ tal-coumarin importata, l-attività primarja tal-kumpannija baqgħat fil-Komunità u l-importazzjoni ta’ dan il-produttur ma affetwax l-istatus tagħha bħala produttur tal-Komunità. Dan il-produttur tal-Komunità huwa għalhekk meqjus li jikkostitwixxi l-industrija tal-Komunità fis-sens ta’ l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku.

F. ANALIŻI TAS-SITWAZZJONI FIS-SUQ TAL-KOMUNITÀ

1. Konsum mill-Komunita [5]

(41) Il-konsum tal-Komunità kien stabbilit fuq il-bażi tal-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità fuq is-suq tal-Komunità kif rapportat fir-risposta għall-kwestjonarju, il-volumi ta’ l-importazzjoni fil-Komunità mill-pajjiż konċernat u l-pajjiżi terzi l-oħra kollha, fuq il-bażi tal-Eurostat.

(42) Fuq din il-bażi, il-konsum apparenti tal-coumarin żdied b’92 % matul il-perjodu eżaminat. Iż-żieda l-iktar sinjifikanti seħħet bejn l-1996 u l-1997, jiġifieri + 82 %. Madankollu, dan għandu jitqies fid-dawl ta’ volumi kbar ta’ coumarin li kienu importati, prinċiparjament mill-PRC, fl-1994 u l-1995, jiġifieri qabel l-imposizzjoni tal-miżuri kontra d-dumping. Dawn il-volumi kbar li kienu importati kienu maħżuna u mbagħad mibjugħa/użati fl-1996 u b’hekk naqqsu artifiċjalment it-talba għal coumarin din is-sena u konsegwentament il-konsum apparenti. Fl-1997, il-volumi ta’ importanzzjoni totali marru lura għal livell komparabbli ma’ dak fl-1993.

2. Importazzjoni mill-pajjiż konċernat

(a) Sehem fil-volum u fis-suq

(43) Il-volum ta’ l-importazzjoni Ċiniża naqas drastikament fil-perjodu li qiegħed ikun eżaminat, jiġifieri - 89 %, partikolarment bejn l-1996 u l-1998, jiġifieri - 87 %. Dan ikoinċida ma’ l-imposizzjoni mal-miżuri kontra d-dumping u mal-ħruġ ta’ pajjiżi oħra li żiedu l-esportazzjoni tagħhom fil-Komunità. F’dan ir-rigward, jidher li ċerta importazzjoni mill-Ġappun kienet fil-fatt ta’ oriġini Ċiniża u b’hekk ħarbet mill-miżuri. Dan jista’ ikun innotat partikolarment sa mill-1997 meta l-importazzjoni mill-Ġappun żdiedet għal għarrieda. Wara, meta wieħed jikkonsidra li l-USA ħadu azzjoni sabiex ma jippermettux tali tidwir mal-miżuri fuq is-suq tal-US, l-esportatur Ġappuniż konċernat ukoll waqqaf l-esportazzjoni fil-KE u l-importazzjoni mill-Ġappun kif rapportat mill-Eurostat fuq is-suq tal-Komunità naqset regolarment sa l-aħħar ta’ l-IP.

(44) Is-sehem fis-suq ta’ l-esportazzjoni mill-PRC naqas b’25 punti perċentwali matul il-perjodu li qiegħed ikun reviżjonat u kien jinsab bejn 1,5 u 3 %.

(b) Prezzijiet

(45) Wara l-imposizzjoni tal-miżuri fl-1995, il-medja tal-prezzijiet cif ta’ l-importazzjoni konċernata, kif rapportat mill-Eurostat, żdiedet b’23 %, bejn l-1996 u l-IP, iżda baqgħat ‘l isfel mill-medja tal-prezzijiet cif ta’ l-importazzjoni l-oħra kollha matul il-perjodu li qiegħed ikun reviżjonat, u anka l isfel mill-prezzijiet ta’ l-industrija tal-Komunità.

3. Is-sitwazzjoni ekonomika ta’ l-industrija tal-Komunità

(a) Produzzjoni

(46) Il-produzzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità rduppjat bejn l-1996 u l-IP. Żieda sinjifikanti seħħet bejn l-1996 u l-1997. Wara, il-produzzjoni żdiedet kemmxejn sa l-1999 u reġgħet żdiedat bejn l-1999 u l-IP.

(b) Kapaċità u utilizzazzjoni tal-kapacità

(47) Il-kapaċità tal-produzzjoni totali tal-Komunità żdiedet b’29 % fil-perjodu li qiegħed ikun reviżjonat. Iż-żieda hija dovuta għal titjib fl-istallazzjoni eżistenti li saret fl-1999.

(48) L-utilizzazzjoni tal-kapaċità żdiedet b’56 % bejn l-1996 u l-IP. Iż-żieda kienet partikolarment markata bejn l-1996 u l-1997 kif ukoll bejn l-1999 u l-IP.

(ċ) Bejgħ fil-Komunità

(49) Il-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità żdiedet sinjifikattivament matul il-perjodu li qiegħed ikun reviżjonat. Tripplikat bejn l-1996 u l-IP. Dan l-iżvilupp seta’ iseħħ fi żmien meta l-produzzjoni rduppjat, minħabba li l-esportazzjoni naqset fl-istess waqt. Iż-żieda fil-bejgħ kienet l-aktar eċċezzjonali bejn l-1996 u l-1997 anka jekk il-bejgħ żdied regolarment bejn l-1997 u l-IP. Madankollu, kif diġà kien spjegat fil-premessa 42, it-talba fuq is-suq tal-Komunità kienet partikolarment baxxa fl-1996, u b’hekk tgħawweġ it-tqabbil. Jekk wieħed jieħu l-1997 bħala bażi għal tqabbil, iż-żieda tal-volum tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità bejn l-1997 u l-IP hija 41 %. Diversi raġunijiet jispjegaw din l-evoluzzjoni, bħal l-imposizzjoni ta’ miżuri kontra d-dumping fl-1995 u t-tnaqqis ta’ l-importazzjoni minn ċerti pajjiżi terzi kif diġà msemmi fil-premessa 43.

(d) Ħażniet

(50) Il-ħażniet ta’ l-aħħar tas-sena ta’ l-indutrija tal-Komunità naqsu bi 8 % matul il-perjodu li qiegħed ikun reviżjonat. Huma l-ewwel żdiedu bejn l-1996 u l-1997, u mbagħad naqsu sa l-1999 qabel reġgħu żdiedu bejn l-1999 u l-IP.

(e) Sehem fis-suq

(51) Is-sehem fis-suq ta’ l-inustrija tal-Komunità żdied b’27 punti perċentwali matul il-perjodu li qigħed ikun reviżjonat. Din iż-żieda kienet partikolarment immarkata bejn l-1996 u l-1998 meta s-sehem fis-suq żdied b’20 punt perċentwali. Wara, is-sehem fis-suq naqas kemmxejn fl-1999 u reġa’ kiseb madwar 12 -il punt perċentwali bejn l-1999 u l-IP.

(f) Prezzijiet

(52) Il-prezz nett medju tal-produttur tal-Komunità naqas b’14 % bejn l-1996 u l-IP. It-tnaqqis kien partikolarment immarkat bejn l-1996 u l-1997 u wara bejn l-1999 u l-IP.

(53) Dan jista’ ikun spegat parzjalment mil-livell ta’ prezzijiet tal-prodotti Ċiniżi li, kif diġà msemmi fil-premessa 45, baqa’ taħt il-medja tal-prezzzijiet cif ta’ l-importazzjoni l-oħra kollha matul il-perjodu li qiegħed ikun reviżjonat. Anka jekk il-volum ta’ l-importazzjoni baqa’ relattivament baxx matul l-IP, l-investigazzjoni wriet li l-offerti ta’ prezzijiet mill-esportaturi Ċiniżi baqgħu jkunu magħmula bi prezzijiet baxxi. Barra minnhekk, il-pressjoni tal-prezz ta’ l-importazzjoni mill-Ġappun ma tistgħax tkun konsidrata bħala negliġibli matul il-perjodu li qiegħed ikun reviżjonat, anka jekk il-volumi naqsu sa mill-1997. Madankollu, din l-evoluzzjoni trid tkun konsidrata ukoll fid-dawl ta’ l-isforzi magħmula mill-produttur tal-Komunità sabiex itejjeb l-effiċjenza tal-proċess ta’ produzzjoni. Iż-żieda tal-kapaċità ta’ produzzjoni, flimkien ma’ l-effett tal-miżuri kontra d-dumping, ippermettew lill-produttur tal-Komunità li jkabbar il-volum mibjugħ u b’hekk li jnaqqas l-ispiża għal kull unità ta’ l-oġġetti mibjugħa.

(g) Profitabilità

(54) Il-profitabilità mgħobbija medja ta’ l-industrija tal-Komunità tjiebet b’mod ċar matul il-perjodu li qiegħed ikun reviżjonat minħabba li għaddiet minn telf sostanzjali fl-1996 għal profitt li varja bejn 5 % u 10 % fl-IP. Din iż-żieda, li kienet l-aktar ċara bejn l-1998 u l-IP, għandha titqies fid-dawl tat-titjib tal-kapaċità li diġà ssemma fil-premessa 47, li ppermettiet lill-industrija tal-Komunità sabiex tnaqqas b’mod sinjifikanti il-prezz tal-produzzjoni tagħha.

(h) Dħul u ħruġ tal-flus u abilità li jinġabar il-kapital

(55) L-iżvilupp tad-dħul u l-ħruġ tal-flus iġġenerat mill-industrija tal-Komunità fil-konfront tal-bejgħ tal-coumarin jixbaħ ħafna lil dak tal-profitabilità minħabba li għadda minn figura negattiva għal waħda posittiva sa mill-1999.

(56) L-investigazzjoni stabbilit li l-industrija tal-Komunità ma kienitx qiegħda ġġarrab diffikultajiet fil-kapaċità tagħha li tiġbor il-kapital. Madankollu, dan mhux konsidrat bħala indikatur sinjifikanti minħabba li l-industrija tal-Komunità huwa grupp kbir li l-produzzjoni tal-coumarin tiegħu tirrappreżenta parti relattivament żgħira mill-produzzjoni totali, u li l-abilità li jinġabar il-kapital hu marbut mill-qrib ma’ l-imġieba tal-grupp kollu.

(i) Impiegi, produttività u pagi

(57) L-impiegi ta’ l-industrija tal-Komunità żdiedu kemmxejn matul il-perjodu li qiegħed ikun reviżjonat u żdied 9 % bejn l-1996 u l-IP. Il-produttività tal-ħaddiema ta’ l-industrija tal-Komunità, imkejla bħala volum tal-produzzjoni għal kull persuna impjegata, żdiedet b’mod ċar matul l-istess perjodu, u tjiebet b’iktar minn 80 %. Il-pagi fl-intier żdiedu b’27 % bejn l-1996 u l-IP, u b’hekk waslu għal żieda fil-paga medja għal kull impjegat b’16 % bejn l-1996 u l-IP.

(j) Investiment u profitt mill-investiment

(58) Il-livell ta’ l-investiment żdied sinjifikattivament bejn l-1996 u l-1999 u reġa’ naqas fl-IP. L-investigazzjoni wriet illi l-parti l-kbira tan-nefqa kapitali kienet relatata mat-titjib tal-kapaċità li ssemmiet diġà fl-premessa 47, kif ukoll mal-manutenzjoni tat-tagħmir.

(59) Il-profitt mill-investiment, espress bħala r-relazzjoni bejn il-profitti netti ta’ l-industrija tal-Komunità u l-valur nett fuq il-ktieb ta’ l-investimenti tagħha, segwew mill-qrib ħafna t-tendenza tal-profittabilità minħabba li kienet posittiva sa mill-1999 u gwadanjat 23 punt perċentwali bejn l-1996 u l-IP.

(k) Tkabbir

(60) Kif issemma’ hawn fuq, filwaqt illi l-konsum tal-Komunità kważi rdoppja matul il-perjodu li qiegħed ikun reviżjonat, il-volum tal-bejgħ u s-sehem fis-suq ta’ l-industrija tal-Komunità segwew tendenza li kienet saħansitra iktar ċara. L-industrija tal-Komunità setgħet għalhekk tibbenefika bis-sħiħ mit-tkabbir tas-suq.

(l) Id-daqs tal-marġini tad-dumping

(61) Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impatt fuq l-industrija tal-Komunità tad-daqs tal-marġini tad-dumping li nstab (ara l-premessa 28), minħabba l-volum baxx ta’ importazzjoni matul l-IP, dan ma jistax ikollu impatt.

4. Konklużjoni

(62) L-imposizzjoni ta’ miżuri kontra d-dumping fuq l-importazzjoni tal-coumarin li toriġina mill-PRC kellha impatt pożittiv fuq l-industrija tal-Komunità, li tista’ tirkupra mis-sitwazzjoni ekonomika batuta tagħha. L-indikaturi kollha tal-ħsara minbarra l-prezzijiet tal-bejgħ żviluppaw pożittivament. Madankollu, din it-tendenza għandha wkoll tkun meqjusa fid-dawl ta’ l-sforzi magħmula mill-industrija tal-Komunità sabiex ittejjeb l-effiċjenza tagħha u sabiex tnaqqas il-prezz tal-produzzjoni tagħha. Fl-aħħar, jeħtieġ illi jkun innotat li tali titjib ippermetta biss lill-industrija tal-Komunità sabiex terġa’ lura għas-sitwazzjoni prevalenti eżatt qabel ma bdiet il-prattika tad-dumping.

G. PROBABBILITÀ TA’ RIPETIZZJONI TAL-ĦSARA

1. Probabbilità ta’ ripetizzjoni tal-ħsara

(63) Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-effett probabbli fuq l-industrija tal-Komunità ta’ l-iskadenza tal-miżuri li qiegħdin fis-seħħ, il-fatturi li ġejjin kienu konsidrati, skond l-elementi msemmija fil-qosor fil-premessi 35 sa 38.

(64) Hemm indikazzjonijiet ċari li l-importazzjoni li toriġina fil-PRC sejra tkompli bi prezzijiet li jifqgħu s-suq. Barra dan, teżisti l-probabbilità li l-volumi ta’ l-importazzjoni jiżdiedu konsiderevolment minħabba li l-produtturi Ċiniżi li jesportaw għandhom il-potenzal li jkabbru l-potenzal tagħhom u l-volum ta’ l-esportazzjoni minħabba l-kapaċità ta’ produzzjoni inutilizzata kbira li għandom. Barra dan, minkejja li l-konsum dinji tal-coumarin huwa mistenni li jikber kemmxejn fit-tlett snin li ġejjin, huwa improbabbli li tkun assorbita l-kapaċità Ċiniża li hi inutilizzata.

(65) Meta wieħed jikkonsidra l-imġieba tal-prezz ta’ l-esportazzjoni ta’ l-esportaturi Ċiniżi fuq is-swieq ta’ pajjiżi terzi li huma wadwar 10 % inqas milli huma fuq is-suq tal-Komunità, jiġifieri Hong Kong, l-Indja, il-Ġappun u Singapor, huwa probabbli li l-produtturi Ċiniżi li jesportaw sejrin jaddottaw imġieba ta’ prezzijiet aggressiva fil-Komunità sabiex jerġgħu jakkwistaw l-ishma fis-suq tagħhom. Tassew, dawn il-prezzijiet baxxi fuq is-swieq ta’ pajjiżi terzi juru li l-esportaturi Ċiniżi jaħsbu li hu fl-interess tagħhom li jbiegħu b’tali prezzijiet. Dan min-naħa tiegħu kieku jwassal għal ripetizzjoni tal-ħsara f’terminu ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-bejgħ ta’ l-industrija tal-Komunità u tnaqqais fil-volumi tal-bejgħ kif ukoll ta’ l-impatt negativ fuq il-profittabilità li jsegwi.

(66) Is-suq tal-Komunità x’aktarx illi jkun ukoll attraenti għall-esportaturi Ċiniżi. Min-naħa l-oħra, wieħed jiftakar li s-suq tal-Komunità assorba 46 % ta’ l-esportazzjoni Ċiniża fl-1995, jiġifieri qabel l-imposizzjoni tal-miżuri li fil-preżent qiegħdin fis-seħħ, imqabbel ma’ l-10 % fl-1999.

(67) Min-naħa l-oħra, it-tqabbil bejn l-esportazzjoni Ċiniża totali fis-suq dinji, u l-esportazzjoni Ċiniża fis-suq tal-Komunità matul l-istess perjodu, juri li l-esportaturi Ċiniżi ma rnexxilhomx isibu swieq ġodda li x’aktarx jieħdu post il-bejgħ tagħhom fil-KE. Tassew, it-tnaqqis qawwi fl-esportazzjoni Ċiniża lejn is-suq tal-Komunità bejn l-1995 u l-1999 (363 -il tunnellata) kien kompensat biss b’żieda fl-esportazzjoni Ċiniża lejn pajjiżi terzi oħra ta’ madwar 100 tunnellata.

(68) Barra minn dan, filwaqt li s-suq tal-Komunità u s-suq ta’ l-US jammontaw għal madwar 50 % tal-konsum dinji tal-coumarin u minħabba li l-USA imponew miżuri kontra d-dumping fuq l-importazzjoni tal-coumarin mill-PRC, wiswq probabbli, jekk il-miżuri jkunu revokati, is-suq tal-Komunità jkun attraenti għall-esportaturi mill-PRC.

(69) Assoċjazzjoni ta’ l-importaturi waħda argomentat li l-eżistenza ta’ kapaċità fil-PRC waħidha ma jfissirx li jkun hemm ripetizzjoni tal-ħsara.

(70) B’relazzjoni għal dan il-punt partikolari, wieħed jiftakar li din l-investigazzjoni għandha tevalwa l-probabbilità ta’ ripetizzjoni tad-dumping u tal-ħsara fil-każ li l-miżuri jkunu revokati. Anka jekk l-eżistenza ta’ kapaċità ta’ produzzjoni kbira fil-PRC waħidha ma tfissirx li dumping li jagħmel il-ħsara sejjer jirrepeti ruħu, madanakollu dan hu indikatur sinjifikanti li għandu jkun ikkonsidrat. Dan l-indikatur, meta jingħaqad ma’ l-analiżi ta’ l-imġiba ta’ l-esportaturi Ċiniżi fuq swieq terzi oħra u d-dumping ma jaqtax li nstab, jikkostitwixxi indikatur ta’ l-imġieba probabbli ta’ l-esportaturi fil-każ li l-miżuri jkunu revokati u għalhekk l-effett probabbli tiegħu.

(71) Fuq il-bażi ta’ dak li ssemma’ hawn fuq, huwa konkluż li, jekk il-miżuri jkunu revokati, teżisti l-probabbilità ta’ ripetizzjoni tal-ħsara mill-importazzjoni tal-coumarin mill-PRC.

H. INTERESS TAL-KOMUNITÀ

1. Dħul

(72) Skond l-Artikolu 21 tar-Regolamnt bżiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk titwil tal-miżuri kontra d-dumping eżistenti jmurx kontra l-interess tal-Komunità fl-intier. Id-determinazzjoni ta’ l-interess tal-Komunità kien bażat fuq apprezzamnt ta’ l-interessi diversi kollha involuti, jiġifieri dawk ta’ l-industrija tal-Komunità, l-importaturi/negozjanti kif ukoll l-utenti tal-prodott li qiegħed ikun konsiderat. Sabiex ikun stmat l-impatt probabbli taż-żamma jew it-tneħħija tal-miżuri, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mill-partijiet interessati kollha li ssemmew hawn fuq.

(73) Wieħed għandu jiftakar li, fl-investigazzjoni ta’ qabel, l-addozzjoni tal-miżuri kienet konsidrata li mhix kontra l-interess tal-Komunità. Barra minn dan, il-fatt li l-investigazzjoni preżenti hija reviżjoni, u għalhekk teżamina sitwazzjoni fejn miżuri kontra d-dumping kienu diġà fis-seħħ, tagħmilha possibbli li jkun stmat kwalunkwe impatt negattiv li ma għandux ikun ikkawżat fuq il-partijiet konċernati mill-miżuri preżenti kontra d-dumping.

(74) Fuq din il-bażi kien eżaminat jekk, minkejja l-konklużjonijiet fuq il-probabbilità ta’ ripetizzjoni ta’ dumping li jagħmel il-ħsara, kienux jeżistu raġunijiet qawwija li jwasslu għall-konklużjoni li mhux fl-interess tal-Komunità li jinżammu il-miżuri f’dan il-każ partikolari.

2. Interess ta’ l-industrija tal-Komunità

(75) Huwa konsidrat li, jekk il-miżuri kontra d-dumping li kienu imponuti fl-investigazzjoni ta’ qabel ikunu revokati, id-dumping li jikkawża l-ħsara x’aktarx li jirrepeti ruħu u li s-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità, li tjiebet matul il-perjodu li qiegħed ikun reviżjonat, tiddeterjora.

3. Interess ta’ l-importaturi

(76) Mis-26 kwestjonarju li ntbagħtu, kienet riċevuta riposta waħda biss mis-servizzi tal-Kummissjoni minn assoċjazzjoni ta’ importaturi.

(77) Din l-assoċjazzjoni argomentat li l-miżuri kontra d-dumping wasslu għall-esklużjoni tal-produtturi kemm taċ-Ċina kif ukoll ta’ pajjiżi terzi oħra mis-suq tal-Komunità.

(78) L-ewwelnett wieħed irid jiftakar illi s-suq dinji tal-coumarin huwa konċentrat ħafna bi ftit produtturi biss, li minn fosthom dawk li huma l-aktar importanti, f’terminu ta’ kapaċità, jinsabu fiċ-Ċina u fil-Komunità. Għalhekk, kwalunkwe sehem fis-suq li ntilef mill-produttur ta’ wieħed minn dawn iż-żewġ pajjiżi x’aktarx illi jjun irkuprat mill-ieħor. Madankollu, wieħed jiftakar illi l-iskop tal-miżuri kontra d-dumping m’huwiex li jillimita l-provvista, iżda li jerġa’ jistabbilixxi kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Komunità u li l-coumarin li toriġina fil-PRC tkun tista’ tibqa’ tkun importata fis-suq tal-Komunità. Barra dan, wieħed irid jinnota li, matul l-IP, madwar 25 % ta’ l-importazzjoni kollha tal-coumarin kienet ġejja minn pajjiżi barra ċ-Ċina, partikolarment mill-Ġappun u l-Indja, u dan juri li sorsi alternattivi ta’ provvista għadhom jeżistu. Barra minn dan, minħabba l-livell baxx ta’ koperazzjoni u l-fatt li l-importaturi ġeneralment jkollhom x’jaqsmu ma’ diversità kbira ta’ prodotti kimiċi, li minn fosthom il-coumarin hija wieħed biss, kien konkluż illi kwalunkwe impatt negattiv tal-kontinwazzjoni tal-miżuri fuq l-importaturi ma jkunx raġuni b’saħħitha biżżejjed sabiex ma tkunx imponuta l-kontinwazzjoni tal-miżuri.

4. Interess ta’ l-utenti

(79) Kwestjonarji u/jew informazzjoni kienu riċevuti minn ħames utenti (minn fost it-23 kwestjonarju li ntbagħtu).

(80) Waħda minn dawn il-kumpanniji hija favur il-kontinwazzjoni tal-miżuri b’mod ċar filwaqt illi oħra ma tistennix tibdil għan-negozju tagħha jekk il-miżuri jkunu revokati jew miżmuma. Din il-kumpannija ta’ l-aħħar enfasizzat ukoll il-fatt li ma jkunx fl-interess ta’ l-industrija li l-produttur tal-Komunità twaqqaf il-produzzjoni fil-każ illi jerġa’ ikun hemm importazzjoni li tifqa’ is-suq.

(81) Żewġ utenti, li minn fosthom kien wieħed biss li importa l-prodott konċernat mill-pajjiż konċernat matul il-perjodu li qiegħed ikun reviżjonat, kienu kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri, iżda t-tnejn stqarrew fir-risposti tagħhom għall-kwestjonarju li t-tnejn li huma ma jistennew l-ebda effett fuq in-negozju tagħhom, jekk il-miżuri jkunu revokati jew miżmuma.

(82) Utent ieħor kien ukoll kontra t-titwil tal-miżuri. Dan l-utent argomenta li l-kompetizzjoni mill-esportaturi Ċiniżi hija indispensabbli sabiex tkun garantita ċ-ċertezza tal-provvista bi prezzijiet kompetittivi. Jekk il-prezzijiet kompetittivi ma jkunux garantiti, dan l-utent jista’ jikkonsidra li jċaqlaq parti mit-taħlit tal-fwieħa lejn il-PRC u b’hekk dan iwassal għal telf ta’ impjiegi fil-Komunità. Madankollu, minħabba li l-coumarin tirrapreżenta madwar 1,5 % ta’ l-ispiża totali tal-produzzjoni ta’ dan l-utent, huwa konsidrat illi t-trasferiment tal-produzzjoni ta’ ċerta taħlit barra l-Komunità jiġri sempliċement bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-miżuri kontra d-dumping eżistenti, speċjalment minħabba li tali trasferiment ma seħħx matul il-ħames snin li matulhom il-miżuri kienu fis-seħħ.

(83) L-istess utent semma’ ukoll id-diffikultajiet fil-produzzjoni mġarrba mill-produttur tal-Komunità li rriżultaw f’dewmien sinjifikanti fil-kunsinna. Għalkemm il-produttur tal-Komunità ġarrab diffikultajiet fil-produzzjoni matul il-perjodu li qiegħed ikun reviżjonat, dawn kienu kkawżati minn ċirkostanzi partikolari li x’aktarx ma jirrepetux ruħhom regolarment, fosthom, it-titjib ta’ l-istallazzjoni eżistenti msemmija fil-premessa 47. Barra dan, l-impatt tal-problemi ta’ l-ikkonsinjar fuq l-utenti nstab illi kien minuri minħabba li, kif issemma’ fil-premessi 40, il-produttur tal-Komunità kien kapaċi jimporta prodott simili biex jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ produzzjoni tal-prodott konċernat li kellu.

(84) Fuq il-bażi ta’ dak li ssemma’ hawn fuq, u minħabba l-livell baxx ta’ koperazzjoni, li minnha nnifisha tidher li tikkonferma li l-utenti ma soffrew l-ebda effett negattiv sostanzjali fuq is-sitwazzjoni ekonomika tagħhom bħala riżultat tal-miżuri li fil-preżent qiegħdin fis-seħħ, l-impatt fuq l-utenti kien konsidrat li ma jikkostitwix raġuni b’saħħitha biżżejjed kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri, minħabba li effett negattiv li jista’ jirriżulta x’aktarx illi ma jibbilanċjax l-effett posittiv fuq is-suq tal-Komunità.

5. Aspetti tal-kompetizzjoni

(85) Diversi partijiet interessati argomentaw li l-miżuri preżenti wasslu għall-eleminazzjoni tal-coumarin Ċiniża mis-suq tal-Komunità, li wassal għal posizzjoni ta’ monopolju min-naħa ta’ l-industrija tal-Komunità. Għalhekk it-titwil tal-miżuri jkun kontra l-interess ta’ l-industrija tal-Komunità.

(86) Kif diġà ssemma’ fil-premessa 51, l-industrija tal-Komunità żiedet is-sehem tagħha fis-suq u għalhekk tista’ tibbenefika minn posizzjoni b’saħħitha fis-suq tal-Komunità. Madankollu, l-investigazzjoni preżenti stabbilit ukoll li l-effett tal-miżuri kien li jippermetti lill-industrija tal-Komunità li tirkupra dak is-sehem fis-suq tal-Komunità li kellha qabel ma bdew il-prattiċi Ċiniżi ta’ dumping.

(87) Barra dan, wieħed irid jinnota li s-suq dinji tal-coumarin huwa kkaraterizzat mill-operazzjoni ta’ ftit produtturi biss. F’tali sitwazzjoni, l-aspetti tal-kompetizzjoni jeħtieġ illi jkunu segwiti b’attenzjoni partikolari, minħabba li l-effett tal-miżuri fuq dawn il-fornituri jista’ ikollu importanza konsiderevoli. Madankollu, l-investigazzjoni ma sabet l-ebda indikazzjoni ta’ xi prattiċi kontra l-kompetizzjoni min-naħa tal-produttur tal-Komunità. F’dan il-kontest, wieħed irid jenfasizza li l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha naqsu matul il-perjodu li qiegħed ikun reviżjonat. Barra dan, diversi għejjun alternattivi ta’ kunsinna għadhom jeżistu minħabba li l-coumarin hija jew jista’ tkun importata minn diversi pajjiżi fosthom il-Ġappun u l-Indja li għad għandhom ishma mhux negliġibli fis-suq tal-Komunità.

(88) Fuq il-bażi ta’ dak li ssemma’ hawn fuq, kien konkluż li kwalunkwe tħassib dwar il-kompetizzjoni ma jikkostitwix raġuni b’saħħitha biżżejjed kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri.

6. Konklużjoni dwar l-interess tal-Komunità

(89) Minħabba dak li ssemma’ hawn fuq, kien konkluż li ma jeżistux raġunijiet ta’ interess għall-Komunità b’saħħithom biżżejjed kontra l-kontinwazzjoni tal-miżuri.

I. MIŻURI KONTRA D-DUMPING

(90) Il-partjiet konċernati kollha kienu informati dwar il-fatti u konsiderazzjonijiet essenzali li fuqhom kien hemm il-ħsieb li tkun rakkomandata ż-żamma tad-dazju kontra d-dumping eżistenti fil-konfront ta’ l-importazzjoni tal-coumarin li toriġina fil-PRC. Ingħataw ukoll perjodu li matulu jkunu jistgħu jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet wara li dan ikun żvelat. Ma kienu riċevuti l-ebda kommenti ta’ natura tali li setgħu jbiddlu l-konklużjonijiet hawn fuq imsemmija.

(91) Minn dak li ssemma’ hawn fuq jirriżulta li l-miżuri kontra d-dumping li fil-preżent qiegħdin fis-seħħ fil-konfront ta’ l-importazzjoni tal-coumarin li toriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għandhom jinżammu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dazju definittiv kontra d-dumping huwa b’dan impost fuq l-importazzjoni tal-coumarin li taqa’ fl-ambitu tal-kodiċi NM ex29322100 (Kodiċi TARIC 2932210010) li toriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

2. Ir-rata ta’ dazju hija ffissata f’EUR 3479 għal kull tunnellata.

Artikolu 2

Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-disposizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-7 ta’ Mejju 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

R. De Rato y Figaredo

[1] ĠU L 56, tas-6.3.1996, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2238/2000, ĠU L 257, tal-11.10.2000, p. 2

[2] ĠU L 86, 04.04.1996, p. 1.

[3] ĠU C 271, 22.09.2000, p. 3.

[4] ĠU C 104, 04.04.2001, p. 5.

[5] Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, minħabba li produttur wieħed tal-Komunità jikkostitwixxi l-industrija tal-Komunità, il-figuri li jinsabu f’dan ir-Regolament ser ikunu skedati jew mogħtija biss approssimattivament.

--------------------------------------------------