32002R0419



Official Journal L 064 , 07/03/2002 P. 0008 - 0009


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 419/2002

tas-6 ta’ Marzu 2002

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2390/1999 li jistabbilixxi modalitajiet dettaljati ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1663/95 li jikkonċernaw il-forma u l-kontenut ta’ informazzjoni dwar kontijiet li l-Istati Membri għandhom iżommu għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas ta’ l-issetiljar ta’ kontijiet tal-FAEGG, Sezzjoni Garanzija

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni [1] u b’mod partikolari l-Artikolu 4(8) tiegħu,

Wara li ġie kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1766/92 tat-30 ta’ Ġunju 1992 li jwassal għal organizzazzjoni komuni ta’ swieq fis-settur taċ-ċereali [2], kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1666/2000 [3], u b’mod partikolari l-Artikolu 21 tiegħu, u d-disposizzjonijiet korrispondenti ta’ Regolamenti oħra li jwasslu għall-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur tal-prodotti agrikoli,

Billi:

(1) L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1663/95 tal-Kummissjoni tas-7 ta’ Lulju 1995 li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 729/70 tal-Kunsill rigward il-proċedura ta’ l-issetiljar ta’ kontijiet tal-FAEGG, Sezzjoni Garanzija [4], kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2025/2001 [5], li jirrikjedi li l-informazzjoni dwar kontijiet li tissemma fl-Artikolu 4(1)(ċ), għandha titressaq quddiem il-Kummissjoni sa l-10 ta’ Frar ta’ wara t-tmiem tas-sena finanzjarja kkonċernata. Ir-Regolament (KE) Nru 2390/1999 [6], kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 1863/2001 [7], jagħti definizzjoni tal-forma u l-kontenut ta’ informazzjoni dwar kontijiet li l-Istati Membri għandhom iżommu għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni fil-qafas ta’ l-issetiljar ta’ kontijiet tal-FAEGG, Sezzjoni Garanzija. Huwa neċessarju li jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 2390/1999 b’tali mod li jsir jaqbel mar-Regolament (KE) Nru 1663/95.

(2) Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha fil-qafas tal-Politika Agrikola Komuni, il-Kummissjoni għandha tkun kapaċi ssegwi l-evoluzzjoni tas-swieq tal-prodotti agrikoli u li tistabbilixxi previżjonijiet finanzjarji f’dan il-qasam. L-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq fis-settur tal-prodotti agrikoli jimponu lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-obbligazzjoni ġenerali li jpartu bejniethom informazzjoni neċessarja għall-funzjonament tajjeb ta’ dawn l-organizzazzjonijiet. Bl-għan li jkun possibli li ssir il-ħidma ta’ monitoraġġ u previżjonijiet, jabqel li jkun possibli li tintuża l-informazzjoni dwar kontijiet mogħtija lill-Kummissjoni mill-Istati Membri skond l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1663/95. Jaqbel għalhekk, u mingħajr preġudizzju għall-obbligazzjonijiet relattivi għat-tpartit ta’ informazzjoni fil-qafas ta’ l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq, ir-Regolament (KE) Nru 2390/1999 għandu jiġi emendat sabiex ikun jista’ jsir użu minn din l-informazzjoni dwar il-kontijiet.

(3) Il-protezzjoni ta’ persuni rigward trattament ta’ informazzjoni ta’ natura personali hi tutelata mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 relattiv mal-protezzjoni ta’ individwi rigward it-trattament ta’ informazzjoni ta’ natura personali mill-istituzzjonijiet u l-organi komunitarji u għaċ-ċirkolazzjoni libera ta’ din l-informazzjoni [8]. L-imsemmi Regolament hu applikabbli bis-sħiħ fil-kuntest tar-Regolament (KE) Nru 2390/1999. Għaldaqstant, meta jsir użu mill-informazzjoni dwar il-kontijiet li tissemma fl-Artikolu 4(1)(ċ), tar-Regolament (KE) Nru 1663/95 bl-għan li jsir monitoraġġ u previżjonijiet fis-settur agrikolu, il-Kummissjoni tistabbilixxi salvagwardji adekwati kif rikjesti mir-Regolament (KE) Nru 45/2001, u b’mod partikolari li hi tippreżenta din l-informazzjoni taħt forma aggregata u li żżommha anonima.

(4) Id-disposizzjonijiet provduti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tal-Fondi kif ukoll ma’ dawk tal-kumitati ta’ ġestjoni konċernati,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2390/1999 hu emendat kif ġej:

1. It-titolu hu mibdul b’li ġej:

"Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2390/1999 tal-25 ta’ Ottubru 1999 li jagħti definizzjoni tal-forma u l-kontenut ta’ l-informazzjoni dwar kontijiet li għandha tintbagħat lill-Kummissjoni fil-qafas ta’ l-issetiljar ta’ kontijiet tal-FAEGG, Sezzjoni Garanzija, kif ukoll għall-fini ta’ monitoraġġ u previżjonijiet"

.

2. Fl-Artikolu 1, it-test "l-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 1663/95" hu mibdul mat-test li ġej: "l-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru1663/95".

3. L-Artikolu 2 hu mibdul mis-segwenti:

"L-Artikolu 2

1. L-informazzjoni dwar il-kontijiet li tissemma fl-Artikolu 4(1)(ċ) tar-Regolament (KE) 1663/95 għandha tintuża mill-Kummissjoni biss sabiex:

(a) taqdi d-dmirijiet tagħha fil-qafas ta’ l-issetiljar ta’ kontijiet tal-FAEGG, Sezzjoni Garanzija, skond ir-Regolament (KE) Nru 1258/1999;

(b) issegwi l-iżviluppi u tipprovdi l-previżjonijiet fis-settur agrikolu.

2. Jekk l-informazzjoni dwar il-kontijiet li tissemma fil-paragrafu 1 ikun fiha informazzjoni ta’ natura personali protetta mir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [9], il-Kummissjoni għandha tadotta l-garanziji neċessarji previsti minn dan ir-Regolament. B’mod partikolari, jekk informazzjoni dwar il-kontijiet hi wżata mill-Kummissjoni għall-fini msemmija fil-paragrafu 1(b), il-Kummissjoni għandha taċċerta ruħha li din l-informazzjoni tibqa’ anonima u tiġi ttrattata biss taħt forma aggregata.

3. Il-Kummissjoni għandha tassigura l-kunfidenzjalità u s-sigurtà ta’ l-informazzjoni li tissemma fil-paragrafu 1."

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-6 ta’ Marzu 2002.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 160 tas-26.6.1999, p. 103.

[2] ĠU L 181 ta’ l-1.7.1992, p. 21.

[3] ĠU L 193 tad-29.7.2000, p. 1.

[4] ĠU L 158 tat-8.7.1995, p. 6.

[5] ĠU L 274 tas-17.10.2001, p. 3.

[6] ĠU L 295 tas-16.11.1999, p. 1.

[7] ĠU L 259 tas-27.9.2001, p. 1.

[8] ĠU L 8 tat-12.1.2001, p. 1.

[9] ĠU L 8 tat-12.1.2001, p. 1.

--------------------------------------------------