Official Journal L 064 , 07/03/2002 P. 0001 - 0005
Ir-Regolament (KE) Nru 417/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Frar 2002 dwar id-dħul gradwali aċċellerat ta' ħtiġiet ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b'buq wieħed u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2978/94 IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 80(2) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3], Waqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat [4], Billi: (1) Fil-qafas ta' l-istrateġija komuni tat-trasport, aktar miżuri għandhom jittieħdu sabiex isaħħu s-sigurtà u jipprevjenu t-tniġġis fit-trasport marittimu. (2) Il-Komunità hija serjament ikkonċernata bl-inċidenti marittimi li jinvolvu tankers taż-żejt u t-tniġġis assoċjat tal-linji kostali tagħha u l-ħsara lejn il-fawna u l-flora u r-riżorsi marittimi l-oħra. (3) Fil-komunikazzjoni tagħha "strateġija komuni dwar ibħra siguri", il-Kummissjoni enfasizzat it-talba tal-Kunsill straordinarju dwar l-Ambjent u t-Trasport tal-25 ta' Jannar 1993 sabiex tappoġġja l-azzjoni fl-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO) dwar it-tnaqqis tad-differenza tas-sigurtà bejn bastimenti ġodda u dawk eżistenti billi ttejjeb u/jew tnaqqas b'mod gradwali il-bastimenti eżistenti. (4) Fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar l-istrateġija komuni dwar ibħra siguri [5], il-Parlament Ewropew laqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u għamel sejħa b'mod partikolari sabiex tittieħed azzjoni sabiex jittejbu l-livelli ta' sigurtà ta' tankers. (5) Bir-Riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 1993 dwar politika komuni dwar ibħra siguri [6], il-Kunsill appoġġja bis-sħiħ l-iskopijiet tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni. (6) Bir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-roqgħa taż-żejt barra mill-kosta Franċiża adottata fl-20 ta' Jannar 2002, il-Parlament Ewropew laqa' l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex iġib 'il quddiem id-data li fiha tankers taż-żejt ikunu obbligati li jkollhom kostruzzjoni ta' buq doppju. (7) L-Organizzazzjoni Internazzjonali Marittima (IMO) stabbiliet, fil-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti, 1973 u l-Protokoll ta' l-1978 relatat magħha (MARPOL 73/78), regoli ta' prevenzjoni ta' tniġġis mifthiema internazzjonalment li jaffettwaw id-disinn u l-operazzjoni ta' tankers taż-żejt. L-Istati Membri huma sieħba fil-MARPOL 73/78. (8) Bi qbil ma' l-Artikolu 3.3 tal-MARPOL 73/78, dik il-Konvenzjoni ma tapplikax għal bastimenti tal-gwerra, bastimenti navali awżiljarji jew bastimenti oħra li huma ta' jew operati minn Stat u użati biss għal servizzi governattivi mhux kummerċjali. (9) Paragun ta' l-età ta' bastiment u l-istatistika ta' l-inċidenti turi rati ta' inċidenti li jiżdiedu għal bastimenti aktar anzjani. Ġie mifthiem internazzjonalment li l-adozzjoni ta' l-emendi ta' l-1992 tal-MARPOL 73/78 li jeħtieġu l-applikazzjoni ta' standards ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt eżistenti b'buq wieħed meta jkollhom ċerta etàtipprovdi għal dawk il-bastimenti livell ogħla ta' protezzjoni kontra tniġġis aċċidentali ta' żejt fil-każ ta' kolliżjoni jew inkaljar. (10) Hu fl-interess tal-Komunità li tadotta miżuri sabiex tassigura li tankers taż-żejt jidħlu f'xi port u f' xi terminal 'il barra mix-xtut li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta' l-Istati Membri u li tankers taż-żejt li jtajru l-bnadar ta' l-Istati Membri jkunu konformi mar-Regolament 13G ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78 kif rivedut fl-2001 bir-Riżoluzzjoni MEPC 95(46) sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' tniġġis aċċidentali biż-żejt fl-ibħra Ewropej. (11) L-emendi għall-Konvenzjoni MARPOL 73/78 adottata mill-IMO fis-6 ta' Marzu 1992 daħħlu fis-seħħ fis-6 ta' Lulju 1993. Dawn il-miżuri jimponu ħtiġiet ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt ikkonsenjati nhar is-6 ta' Lulju 1990 jew wara immirati għall-prevenzjoni tat-tniġġis miż-żejt fil-każ ta' kolliżjoni jew inkaljar. Fi ħdan dawn l-emendi, skema ta' tnaqqis b'mod gradwali tat-tankers taż-żejt b'buq wieħed, ikkonsenjati qabel dik id-data li daħlet fis-seħħfis-6 ta' Lulju 1995 teħtieġ li tankers ikkonsenjati qabel l-1 ta' Ġunju 1982 ikunu konformi ma' l-istandards ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti sa mhux aktar tard minn 25 sena u, f'ċerti każijiet, 30 sena wara d-data ta' meta jkunu ġew ikkonsenjati. Tankers taż-żejt eżistenti b'buq wieħed bħal dawn ma jitħallewx joperaw wara l-2007 u, f'ċerti każijiet, l-2012 sakemm ma jkunux konformi mal-ħtiġiet ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti tar-Regolament 13F ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78. Għal tankers taż-żejt eżistenti b'buq wieħed ikkonsenjati wara l-1 ta' Ġunju 1982 jew dawk kkonsenjati qabel l-1 ta' Ġunju 1982 u li huma kkonvertiti, u li huma konformi mal-ħtiġiet tal-MARPOL 73/78 dwar it-tankijiet tas-saborra segregati u l-lokazzjoni protettiva tagħhom, dan il-limitu ta' żmien għandu jintlaħaq sa mhux aktar tard mill-2026. (12) Emendi importanti ġodda għar-Regolament 13G ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78 kienu adottati fis-27 ta' April 2001 mis-46 sessjoni tal-Kumitat dwar il-Protezzjoni ta' l-Ambjent Marittimu ta' l-IMO (MEPC 46) bir-Resoluzzjoni MEPC 95(46), daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2002, li fihom, skema ġdida aċċellerata ta' tnaqqis b'mod gradwali għal tankers taż-żejt b'buq wieħed, kienet ġiet introdotta. Id-dati finali rispettivi li fihom tankers għandhom ikunu konformi mar-Regolament 13F ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78 jiddependu mid-daqs u l-età tal-bastiment. It-tankers taż-żejt huma għalhekk f'dik l-iskema maqsuma fi tliet kategoriji skond it-tunnellaġġ, il-kostruzzjoni u l-età tagħhom. Dawn il-kategoriji kollha, inkluż l-anqas waħda (3), huma importanti għall-kummerċ intra-Komunitarju. (13) Id-data finali li fiha t-tanker taż-żejt b'buq wieħed għandhom ikunu mneħħija b'mod gradwali hija l-anniversarju tad-data tal-konsenja tal-bastiment, skond skeda li tibda fl-2003 sa' l-2007 għat-tankers taż-żejt tal-Kategorija (1), u sa l-2015 għat-tankers taż-żejt tal-Kategorija (2) u (3). (14) Ir-Regolament irrivedut 13G ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78 iżomm il-ħtiġiet għat-tankers tal-Kategorija (1), wara 25 sena, li jkollhom tankijiet fil-ġnub jew qigħan doppji f'lokazzjonijiet protettivi li ma humiex użati għal ġarr ta' tagħbija jew sabiex joperaw biss b'tagħbija bilanċjata b'mod idrostatiku. (15) Dak l-istess Regolament jintroduċi ħtieġa li t-tankers taż-żejt tal-Kategorija (1) u (2) jistgħu jkomplu joperaw wara l-anniversarju tad-data tal-konsenja tagħhom fl-2005 u fl-2010 rispettivament biss soġġett għal konformità ma' l-Iskema ta' Assessjar tal-Kundizzjoni (CAS), adottata fis-27 ta' April 2001 mill-IMO fir-Reżoluzzjoni MEPC 94(46). Il-CAS timponi obbligu li l-amministrazzjoni ta' l-Istat tal-bandiera toħroġ Dikjarazzjoni ta' Konformità u tkun involuta fil-proċeduri ta' spezzjoni tas-CAS. (16) Il-Paragrafu 5 tar-Regolament imsemmi jippermetti eċċezzjoni għat-tankers taż-żejt tal-Kategorija (2) u (3) sabiex joperaw, taħt ċerti ċirkostanzi, lill hinn mill-limitu ta' żmien tat-tnaqqis b'mod gradwali tagħhom. Il-Paragrafu 8b ta' l-istess Regolament jagħti d-dritt lill-Partijiet tal-Konvenzjoni MARPOL 73/78 sabiex jiċħdu d-dħul fil-portijiet jew terminals 'il barra x-xtut taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom ta' tankers taż-żejt imħollija joperaw permezz ta' din l-eċċezzjoni. L-Istati Membri ddikkjaraw l-intenzjoni tagħhom li jużaw dan id-dritt. Id-Deċiżjoni ta' rikors għal dan id-dritt trid tiġi komunikata lill-IMO. (17) Huwa importanti li jkun assigurat li d-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament ma jipperikolawx is-sigurtà ta' l-ekwipaġġ jew tat-tankers taż-żejt fit-tfittix għal post tal-kenn jew post ta' refuġju. (18) Sabiex it-tarznari fl-Istati Membri jitħallew isewwu tankers taż-żejt b'buq wieħed, l-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjonijiet sabiex jippermettu d-dħul fil-portijiet tagħhom ta' bastimenti bħal dawn, basta li ma jkunux iġorru xi tagħbija. (19) Għandu jkun possibbli li jiġu emendati ċerti dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament sabiex jiġu konformi ma' strumenti internazzjonali adottati, emendati jew imdaħħla fis-seħħ wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament mingħajr ma jwessgħu l-iskop tiegħu. Dawn l-emendi għandhom jiġu adottati bi qbil mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li jistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċitar tal-poteri ta' l-implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [7]. (20) Invista tad-data finali li qiegħeda toqrob għat-tankers taż-żejt b'buq wieħed li ma humiex konformi mal-ħtiġiet tal-MARPOL 73/78 dwar tankijiet tas-saborra segregati u l-lokazzjoni protettiva tagħhom, u meqjus li dan hu aktar relevanti għal tankers tal-Kategorija (1), ma hemm l-ebda raġuni sabiex tinżamm fis-seħħ is-sistema ta' imposti differenzjali prevista mir-Regolament (KE) Nru 2978/94 [8] bejn it- tankers taż-żejt bħal dawn u t-tankers taż-żejt li huma konformi mal-ħtiġiet imsemmija wara l-2007, u għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 2978/94 għandu jkun imħassar, ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT: L-Artikolu 1 Skop L-iskop ta' dan ir-Regolament hu li jistabbilixxi skema aċċellerata ta' dħul għall-applikazzjoni tal-ħtiġiet ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti tal-Konvenzjoni MARPOL 73/78 għat-tankers taż-żejt b'buq wieħed. L-Artikolu 2 Kamp ta' applikazzjoni 1. Dan ir-Regolament japplika għat-tankers taż-żejt ta' 5000 tunnellata piż nett u iżjed: - li jidħlu f'port jew terminal 'il barra mix-xtut taħt il-ġurisdizzjoni ta' Stat Membru, irrispettivament mill-bandiera tagħhom, jew - li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru. 2. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal xi bastiment tal-gwerra, bastiment navali awziljarju jew bastiment ieħor, tal-proprjeta jew operat minn Stat u użat, għall-mument ta', biss fuq servizz mhux kummerċjali tal-gvern. L-Istati Membri għandhom, sa fejn hu raġonevoli u prattikabbli, iħabirku sabiex jirrispettaw dan ir-Regolament għall-bastimenti li hemm referenza dwarhom f'dan il-paragrafu. L-Artikolu 3 Definizzjonijiet Għall-iskop ta' dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet segwenti għandhom japplikaw: (1) "MARPOL 73/78" tfisser il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Bastimenti, 1973, kif emendata bil-Protokoll ta' l-1978 relatat magħha flimkien ma' l-emendi għalih, fis-seħħfit-18 ta' Frar 2002; (2) "Regolament rivedut 13G ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78" tfisser l-emendi tar-Regolament 13G ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78 u għas-Suppliment taċ-Ċertifikat IOPP, kif adottat bir-Riżoluzzjoni MEPC 94(46) tas-27 ta' April 2001 li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2002; (3) "tanker taż-żejt" tfisser tanker taż-żejt kif definit fir-Regolament 1(4) ta' l-Anness 1 tal-MARPOL 73/78; (4) "piż nett" tfisser piż nett kif definita fir-Regolament 1(22) ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78; (5) "tanker taż-żejt ġdid" tfisser tanker ġdid taż-żejt kif definit fir-Regolament 1(26) ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78; (6) "tanker taż-żejt tal-kategorija (1)" tfisser tanker taż-żejt ta' 20000 tunnellata piż nett u aktar li jġorr żejt mhux maħdum, żejt għall-karburanti, żejt diesel tat-tip oħxon jew żejt lubrifikanti bħala tagħbija, u ta' 30000 tunnellata piż nett u aktar li jġorr żejt apparti minn dawk ta' hawn fuq, li ma hux konformi mal-ħtiġiet għat-tankers ġodda taż-żejt kif definit fir-Regolament 1(26) ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78; (7) "tanker taż-żejt tal-kategorija (2)" tfisser tanker taż-żejt ta' 20000 tunnellata piż nett u aktar li jġorr żejt mhux maħdum, żejt karburanti, zejt diesel tat-tip oħxon jew żejt lubrifikanti bħala tagħbija, u ta' 30000 tunnellata piż nett u aktar li jġorr żejt apparti minn dak ta' hawn fuq, li ma hux konformi mal-ħtiġiet għat-tankers ġodda taż-żejt kif definit fir-Regolament 1(26) ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78; (8) "tanker taż-żejt tal-kategorija (3)" tfisser tanker taż-żejt ta' 5000 tunnellata piż nett u aktar imma anqas minn dak speċifikat fid-definizjonijiet 6 u 7; (9) "tanker taż-żejt b'buq wieħed" tfisser xi tanker taż-żejt li ma jilħaqx il-ħtiġiet ta' buq doppju jew ta'disinn ekwivalenti tar-Regolament 13F ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78; (10) "tanker taż-żejt ta' buq doppju" tfisser xi tanker taż-żejt li jilħaq il-ħtiġiet ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti tar-Regolament 13F ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78; (11) "età" tfisser l-età tal-bastiment, espressa f'numru ta' snin wara d-data tal-konsenja tiegħu; (12) "żejt diesel tat-tip oħxon" tfisser żejt diesel kif definit fir-Regolament 13G rivedut ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78; (13) "żejt karburanti" tfisser distillati ħoxnin jew residwi minn żejt mhux maħdum jew taħlit ta' materjali bħal dawn kif definit fir-Regolament 13G rivedut ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78. L-Artikolu 4 Konformità mal-ħtiġiet ta' buq doppju jew ta' disinn ekwivalenti minn tankers taż-żejt ta' buq wieħed 1. L-ebda tanker taż-żejt ma għandu jitħalla jopera taħt il-bandiera ta' Stat Membru, lanqas l-ebda tanker taż-żejt, irrispettivament mill-bandiera tiegħu, ma għandu jitħalla jidħol fil-portijiet jew terminals 'il barra mix-xtut taħt il-ġurisdizzjoni ta' xi Stat Membru wara l-anniversarju tad-data tal-konsenja tal-bastiment fis-sena speċifikata minn hawn 'il quddiem, sakemm dak it-tanker ma jkunx tanker taż-żejt ta' buq doppju: (a) għal tankers taż-żejt tal-kategorija (1): - 2003 għal bastimenti kkonsenjati fl-1973 jew aktar kmieni, - 2004 għal bastimenti kkonsenjati fl-1974 u 1975, - 2005 għal bastimenti kkonsenjati fl-1976 u 1977, - 2006 għal bastimenti kkonsenjati fl-1978, 1979 u 1980, - 2007 għal bastimenti kkonsenjati fl-1981 jew aktar tard; (b) għal tankers taż-żejt tal-kategorija (2): - 2003 għal bastimenti kkonsenjati fl-1973 jew aktar kmieni, - 2004 għal bastimenti kkonsenjati fl-1974 u 1975, - 2005 għal bastimenti kkonsenjati fl-1976 u 1977, - 2006 għal bastimenti kkonsenjati fl-1978 u 1979, - 2007 għal bastimenti kkonsenjati fl-1980 u fl-1981, - 2008 għal bastimenti kkonsenjati fl-1982, - 2009 għal bastimenti kkonsenjati fl-1983, - 2010 għal bastimenti kkonsenjati fl-1984, - 2011 għal bastimenti kkonsenjati fl-1985, - 2012 għal bastimenti kkonsenjati fl-1986, - 2013 għal bastimenti kkonsenjati fl-1987, - 2014 għal bastimenti kkonsenjati fl-1988, - 2015 għal bastimenti kkonsenjati fl-1989 jew aktar tard; (ċ) għal tankers taż-żejt tal-kategorija (3): - 2003 għal bastimenti kkonsenjati fl-1973 jew aktar kmieni, - 2004 għal bastimenti kkonsenjati fl-1974 u 1975, - 2005 għal bastimenti kkonsenjati fl-1976 u 1977, - 2006 għal bastimenti kkonsenjati fl-1978 u 1979, - 2007 għal bastimenti kkonsenjati fl-1980 u fl-1981, - 2008 għal bastimenti kkonsenjati fl-1982, - 2009 għal bastimenti kkonsenjati fl-1983, - 2010 għal bastimenti kkonsenjati fl-1984, - 2011 għal bastimenti kkonsenjati fl-1985, - 2012 għal bastimenti kkonsenjati fl-1986, - 2013 għal bastimenti kkonsenjati fl-1987, - 2014 għal bastimenti kkonsenjati fl-1988, - 2015 għal bastimenti kkonsenjati fl-1989 jew aktar tard. 2. Tanker taż-żejt tal-Kategorija (1) ta' 25 sena u aktar wara d-data tal-konsenja tiegħu għandu jkun konformi ma' xi waħda mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: (a) għandu jkollu tankijiet fil-ġnub jew qigħan ta' spazju doppju, mhux użati għall-ġarr ta' żejt u li jilħqu l-ħtiġiet tal-wisa' u l-għoli tar-Regolament 13E(4) ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78, ikopri minn ta' l-anqas 30 % ta' Lt, għall-impixkar kollu tal-bastimenti fuq kull naħa jew minn ta' l-anqas 30 % jew l-area tal-qoxra tal-qiegħipproġettata fil-Lt kif definit fir-Regolament 13E(2) ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78, jew (b) għandu jopera b'tagħbija bilanċjata b'mod idrostatiku, billi jittieħed kont tal-linjigwida żviluppati bir-Riżoluzzjoni ta' l-IMO, MEPC 64(36). L-Artikolu 5 Il-konformità ma' l-Iskema ta' Assessjar tal-Kundizzjoni għal bastimenti tal-Kategorija (1) u tal-Kategorija (2) 1. Tanker taż-żejt ma għandux jitħalla jidħol fil-portijiet jew fit-terminals li huma 'l barra mix-xtut taħt il-ġurisdizzjoni ta' xi Stat Membru aktar tard mill-anniversarju tad-data tal-kunsinnja tal-bastiment, fl-2005 għal bastimenti tal-Kategorija (1), u fl-2010 għall-bastimenti tal-Kategorija (2), sakemm ma jkunux konformi ma' l-Iskema ta' l-Assessjar tal-Kundizzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 6. 2. L-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru jistgħu jippermettu lil xi tanker taż-żejt li jtajjar l-bandiera ta' dak l-Istat Membri li jkompli jopera wara l-anniversarju tad-data tal-kunsinnja tal-bastiment fl-2005 għal bastimenti tal-Kategorija (1) u fl-2010 għall-bastimenti tal-Kategorija (2), imma biss meta soġġetti għal konformità ma' l-Iskema ta' l-Assessjar tal-Kundizzjoni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 6. L-Artikolu 6 Skema ta' l-Assessjar tal-Kundizzjoni Għall-iskopjijet ta' l-Artikolu 5, l-Iskema ta' l-Assessjar tal-Kundizzjoni adottata mir-Riżoluzzjoni MEPC 94 (46) tas-27 ta' April 2001 għandha tapplika. L-Artikolu 7 Data finali Wara l-anniversarju tad-data tal-kunsinnja tal-bastiment fl-2015: - it-tkomplija ta' l-operazzjoni, bi qbil mal-paragrafu 5 tar-Regolament 13G revedut ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78, għat-tankers taż-żejt tal-Kategorija (2) u tal-Kategorija (3) taħt il-bandiera ta' Stat Membru, u - id-dħul fil-portijiet jew fit-terminals li huma 'l barra mix-xtut taħt il-ġurisdizzjoni ta' xi Stat Membru ta' tankers taż-żejt oħra tal-Kategorija (2) u tal-Kategorija (3), irrispettivament mill-fatt li jkomplu joperaw taħt il-bandiera ta' Stat terz bi qbil mal-paragrafu 5 tar-Regolament 13G revedut ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78, ma għandhomx jitħallew aktar. L-Artikolu 8 Eżenzjonijiet għal bastimenti f'diffikultà jew għal bastimenti li għandhom jissewwew 1. B'deroga minn l-Artikoli 4, 5 u 7, l-awtorità kompetenti ta' xi Stat Membru tista, soġġetta għad-dispożizzjonijiet nazzjonali, tħalli, taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, bastiment individwali jidħol fil-portijiet jew fit-terminals 'il barra mix-xtut taħt il-ġurisdizzjoni ta' dak l-Istat Membru, meta: - tanker taż-żejt ikun f'diffikultà u qiegħed ifittex post ta' refuġju, - tanker taż-żejt mhux mgħobbi qiegħed jipproċedi lejn xi port għat-tiswija. 2. L-Istati Membri għandhom, fi żmien xieraq, imma qabel l-1 ta' Settembru 2002, jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li huma japplikaw fiċ-ċirkostanzi li hemm referenza għalihom fil-paragrafu 1. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra b'dan. L-Artikolu 9 Notifika lill-IMO 1. Il-Presidenza tal-Kunsill, waqt li taġixxi f'isem l-Istati Membri, u l-Kummissjoni għandhom flimkien jinfurmaw lill-IMO bl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament, fejn għandha ssir referenza għall-Artikolu 211, il-paragrafu 3 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar. 2. Kull Stat Membru għandu jinforma lill-IMO bid-deċiżjoni tiegħu li jiċħad id-dħul lit-tankers taż-żejt, skond l-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament, li jopera bi qbil mad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 5 tar-Regolament 13G revedut ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78 fil-portijiet jew fit-terminals 'il barra mix-xtut taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu, abbażi tal-paragrafu 8(b) tar-Regolament 13 G revedut ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78. 3. Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-IMO jekk jippermetti, jissosspendi, jirtira jew jirrifjuta l-operazzjoni ta' tanker taż-żejt tal-Kategorija (1) jew tal-Kategorija (2) intitolat li jtajjar il-bandiera tiegħu, bi qbil ma' l-Artikolu 5, abbażi tal-paragrafu 8(a) tar-Regolament 13 G rivedut ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78. L-Artikolu 10 Proċedura tal-Kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-kumitat stabbilit permezz ta' l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE [9], minn hawn il-quddiem irreferut bħala "il-Kumitat". 2. Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw, tenut kont tad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 8 tagħha. Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu. L-Artikolu 11 Proċedura ta' Emenda Ir-referenzi fl-Artikoli ta' dan ir-Regolament għar-regolamenti ta' l-Anness I tal-MARPOL 73/78 u għar-Riżoluzzjonijiet MEPC 94(46) u 95(46) għandhom, jekk ikun xieraq, ikunu emendati bi qbil mal-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 10(2), sabiex ir-referenzi jsiru jaqblu ma' l-emendi għal dawn ir-regolamenti u r-riżoluzzjonijiet adottati mill-IMO, safejn l-emendi bħal dawn ma jwessgħux il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Regolament. L-Artikolu 12 Imħassar Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2978/94 huwa hawnhekk imħassar mill-31 ta' Diċembru 2007. L-Artikolu 13 Dħul fis-seħħ Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin ġurnata wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu japplika mill-1 ta' Settembru 2002. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fit-18 ta' Frar 2002. Għall-Parlament Ewropew Il-President P. Cox Għall-Kunsill Il-President J. Piqué i Camps [1] ĠU C 212 E, tal-25.7.2000, p. 121 u ĠU C 154 E, tad-29.5.2001, p. 41. [2] ĠU C 14, tas-16.1.2001, p. 22. [3] ĠU C 22, ta' l-24.1.2001, p. 19. [4] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-30 ta' Novembru 2000 (ĠU C 228, tat-13.8.2001, p. 140), Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tas-7 ta' Awissu 2001 (ĠU C 307, tal-31.10.2001, p. 41) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Diċembru 2001. [5] ĠU C 91, tat-28.3.1994, p. 301. [6] ĠU C 271, tas-7.10.1993, p. 1. [7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. [8] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2978/94 tal-21 ta' Novembru 1994 dwar l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni ta' l-IMO A.747(18) dwar l-applikazzjoni ta' kejl ta' tunnellaġġ fl-ispazji għas-saborra ta' tankers taż-żejt bis-saborra segregata (ĠU L 319, 12.12.1994, p. 1). [9] Id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE tat-13 ta' Settembru 1993 li tikkonċerna l-ħtiġiet minimi għal bastimenti fi triqithom lejn jew li jħallu portijiet Komunitarji u li jġorru merkanzija perikoluża jew li tniġġes (ĠU L 247, tal-5.10.1993, p. 19). Id-Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 98/74/KE (ĠU L 276, tat-13.10.1998, p. 7). --------------------------------------------------