Official Journal L 035 , 06/02/2002 P. 0001 - 0008
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jimponi dazji definittivi anti-dumping fuq importazzjonijiet tal-ferro-molibdenu li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkonsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkonsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu, Wara li kkonsidra l-proposta mogħtija mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv, Billi: A. MIŻURI PROVIŻORJI (1) Bir-Regolament (KE) Nru 1612/2001 [2] (ir-"Regolament Proviżorju") il-Kummissjoni imponiet dazju proviżorju anti-dumping fuq importazzjonijiet tal-ferro-molibdenu ("FeMo") li jaqgħu fil-kodiċi NM 72027000 li joriġina fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (il-"PRC"). B. PROĊEDURA SUSSEGWENTI (2) Wara l-iżvelar tal-fatti essenzali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien deċiż li jkunu imposti miżuri anti-dumping proviżorji fuq importazzjonijiet tal-FeMo li joriġinaw fil-PRC, diversi partijiet interessati ssottomettew kummenti bil-miktub. Il-partijiet li talbu hekk ingħataw opportunità li jinstemgħu oralment. (3) Il-Kummissjoni kompliet tfittex li tivverifika l-informazzjoni kollha li dehrilha meħtieġa biex tasal għall-konklużjonijiet definittivi. (4) Il-partijiet kollha kienu infurmati bil-fatti essenzali u l-konsiderazzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom kien maħsub li tkun rakkomandata l-imposizzjoni ta' dazju definittiv anti-dumping fuq importazzjonijiet ta' FeMo li joriġina fil-PRC u l-ġbir definittiv ta' ammonti miġbura bħala dazju proviżorju. Ingħataw ukoll perjodu biex jagħmlu l-osservazzjonijiet wara dan l-iżvelar. (5) Il-kummenti orali u miktuba mibgħuta mill-partijiet interessati kienu kkonsidrati u, fejn xieraq, is-sejbien kien modifikat kif jixraq. Ċ PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT L-ISTESS (6) Fin-nuqqas ta' kull argument ġdid fuq il-prodott ikkonċernat u l-prodott l-istess, is-sejbien proviżorju kif deskritt fil-preamboli 13 sa 17 tar-Regolament Proviżorju huwa b'dan ikkonfermat. D. DUMPING 1. Metodoloġija Ġenerali (7) Numru ta' esportaturi Ċini sostnew li ż-żmien meta saret id-deċiżjoni tal-kampjunatura kif stipulat fl-avviż ta' bidu ħoloq inċertezza konsiderevoli fir-rigward ta' l-iskadenzi applikabbli biex jintbagħtu l-kwestjonarji rilevanti u li l-Kummissjoni messha kienet anqas severa fl-applikazzjoni ta' l-iskadenzi statutorji. (8) Fil-fatt, l-avviż standard ta' bidu applikat f'dan il-proċediment fisser biċ-ċar l-iskadenzi applikabbli u l-iskadenzi biex tintbagħat l-informazzjoni kollha meħtieġa. Barra dan, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet ikkonċernati b'kjarifiki addizzjonali dwar id-diversi stadji tal-proċediment u kienet disponibbli biex tindirizza kull dubbju ieħor jew mistoqsija jekk meħtieġ. Barra dan, ingħatat flessibbilità eċċezzjonali li xi wħud mill-produtturi esportaturi li sabu diffikultajiet f'li jibgħatu l-informazzjonijiet meħtieġa. Fl-aħħar, il-fatt li s-servizzi tal-Kummissjoni ddeċidew li ma jużawx il-kampjunatura kien biss konsegwenza tan-numru limitat ta' produtturi esportaturi li kkoperaw. Billi n-numru kien ikkonsidrat li kien maneġġevoli, is-servizzi tal-Kummissjoni ibbażaw is-sejbien tagħhom fuq informazzjoni provduta mill-produtturi esportaturi kollha li kkoperaw. Kull allegazzjoni ta' inċertezza legali f'dan il-każ għalhekk hija bla bażi u f'kull każ il-produttur esportatur jista' jingħad li kien affettwat b'mod negattiv bid-deċiżjoni biex ma jkunx hemm kampjunatura u wkoll bi żmien meta ngħata d-deċiżjoni. (9) Il-Kummissjoni irrivediet it-trattament mogħti lil esportatur Ċiniż wieħed li osserva l-iskadenza għas-sottomissjoni tal-kwestjonarju kampjun imma ma applikax għat-trattament ta' ekonomija tas-suq jew individwali. Din il-kumpannija hija issa trattata bħala parti li kkoperat u t-transazzjonijiet tagħha ta' esportazzjoni kienu inklużi ma' dawk minn esportaturi li kkoperaw oħrajn fil-kalkolazzjonijiet tad-dumping u fil-valutazzjoni tar-rata tad-dumping mal-pajjiż kollu. 2. Irtirar ta' l-Ekonomija tas-Suq u Trattament Individwali (MET/IT) (10) Huwa mfakkar li fl-istadju proviżorju esportatur ngħata l-MET u tliet esportaturi ngħataw l-IT. Minn dakinhar tfaċċat informazzjoni sinifikanti li jfisser li rati individwali ta'dazju m'humiex aktar ġġustifikati fl-istadju definittiv. (11) Kien stabbilit li l-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża tal-Minerali u l-Metalli (CCCMC) għamlet laqgħa ftit wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament Proviżorju, li waqqfet grupp ta' produtturi Ċniżi FeMo (hekk imsejħa Grupp ta' Kordinazzjoni tal-Molibdenu u l-Prodotti tal-Molibdenu tal-Kamra tal-Kummerċ Ċiniża tal-minerali u l-metalli u tal-kimiċi), li jirrappreżentaw 70 % tal-produzzjoni FeMo taċ-Ċina, ftehmu li japplikaw restrizzjonijiet fuq il-prezz u restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-esportazzjonijiet tal-FeMo lejn il-Komunità. Dan il-grupp jiġbor 25 produttur, li ħafna minnhom ma kkoperawx fil-proċedment u għalhekk l-anqas biss ma ppruvaw juru li joperaw skond il-prinċipji ta' l-ekonomija tas-suq u mingħajr l-interferenza ta' l-Istat. Il-President ta' dan il-grupp huwa impjegat ta' impriża propjetà ta' l-Istat li hija l-akbar produttriċi FeMo fiċ-Ċina u li ma kkoperatx fl-investigazzjoni anti-dumping. Il-Viċi-President fil-frattemp inġieb mill-kumpannija li ngħatat MET fl-istadju provżorju ta' l-investigazzjoni. Il-produtturi kkonċernati ngħataw allokazzjonijiet speċifiċi ta' esportazzjoni li jidhru li kienu determinati billi tqies il-livell tad-dazji proviżorji tagħhom anti-dumping. Għalhekk, kumpanniji b'livelli baxxi ta' dazju kienu allokati kwoti għolja b'mod spropozjonat. Il-kumpannja li ngħatat il-MET u kellha d-dazju l-aktar baxx (3,6 %) kienet allokata kwota ta' esportazzjoni akbar mill-kapaċità ta' esportazzjoni tagħha li kkorrispondiet għal aktar minn terz tal-kwantità sħiħa li l-grupp ħaseb li jesporta lejn il-Komuntà. Barra dan, il-grupp inkluda bħala mira dikjarata li jkunu evitati d-dazji anti-dumping. (12) Il-partijiet kollha kkonċernati, inkluż il-kumpanniji kollha li kkoperaw u l-Kamra tal-Kummerċ rilevanti, kienu infurmati bit-tħassib tal-Kummissjoni fuq din il-kwistjoni u ngħataw l-opportunità li jirrispondu għal dan is-sejbien. Kienu riċevuti wara risposti mill-partijiet kollha bl-eċċezzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ. Dawn ir-risposti kkonfermaw it-twaqqif ta' assoċjazzjoni ta' produtturi tal-FeMo b'uħud minnhom jgħidu li ma jkunx raġonevoli li wieħed jiddeduċi li hemm interferenza statali jew li jitneħħa s-sejbien MET/IT fuq il-bażi tad-deċiżjonijiet awto-regolatorji ta' dan il-grupp. Numru ta' partijiet sostnew ukoll li l-Ministeru tal-Kummerċ Ċiniż, MOFTEC, ma kienx involut fil-kwistjoni u li r-reżoluzzjonijiet tal-Grupp ma ntbagħtux lill-MOFTEC għall-approvazzjoni. (13) Iżda, dan l-arranġament huwa b'mod ċar inkompatibbli mal-kriterju tad-determinazzjoni libera ta' prezzijiet ta' esportazzjoni u kwantitajiet li jenħtieġ li jkun sodisfatt jekk għandu jingħata l-IT jew jekk jinżammx. Barra dan, dawn ir-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni li kienu adottati taħt l-awspiċi tal-Kamra tal-Kummerċ, bi ftehim ma' diversi kumpanniji propjetà ta' l-Istat, jissuġġerixxi b'mod ċar l-influwenza sinifikanti ta' l-Istat, u riskju serju ta' evitar tad-dmirijiet. Barra dan, patt bħal dan huwa tentattiv ċar u deliberat biex ikunu kanalizzati l-esportazzjonijiet ta' kumpannija waħda permezz ta' kumpannija oħra b'dażju aktar baxx ta' anti-dumping għall-finijiet li dawn id-dazji jkunu evitati. Għandu jkun innutat li jekk dan l-arranġament instab li jeżisti fi stadu ulterjuri fl-investigazzjoni la l-IT u lanqas l-MET ma kienu jingħataw lill-kumpanniji kkonċernati. (14) Waqt li l-informazzjoni dwar il-perjodu wara l-IP m'għandux normalment jitqies, f'dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, huwa xieraq li jitqiesu dawn l-iżviluppi ġodda li għandhom l-effett li jirrendu il-konklużjonijiet ta' qabel manifestament bla bażi. Fid-dawl ta' din l-informazzjoni ġdida għalhekk, huwa konkluż li hemm biżżejjed evidenza li biex tirrendi invalidu s-sejbien proviżorju ta' l-IT u huwa b'dan irtirat l-IT mogħti lill-kumpanniji kkonċernati fir-Regolament Proviżorju. Dawn il-kumpanniji jkunu minn issa ‘l quddiem soġġetti għall-marġini tal-pajjiż kollu għaċ-Ċina. (15) Fir-rigward tal-MET mogħti lil kumpannija waħda li kkoperat, jitfakkar li l-kumpannija ddikjarat fir-risposta tagħha għall-kwestjonarju li d-deċiżjonijiet tagħha dwar inter alia l-prezzijiet, il-produzzjoni u l-bejgħ saru b'risposta għas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provista u d-domanda u mingħajr interferenza sinifikanti ta' l-Istat. Ikun enfasizzat li l-għoti tal-MET għandu, skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku, ikun ibbażat fuq evidenza ċara li l-produttur jopera skond kondizzjonijiet ta' l-ekonomija tas-suq. Iżda, f'dan il-każ il-kumpannija tidher li qed tallinja l-operazzjonijiet tagħha u d-deċiżjonijiet tan-negozju mhux biss mal-kumpanniji li naqsu li jissodisfaw il-kriterji MET imma wkoll mad-ditti propjetà ta' l-Istat li ma kkoperawx fil-proċediment. Barra dan, tidher lesta li taqbel li tesporta prodotti li m'għandhiex kapaċità li tipproduċi bi prezzijiet minimi stabbiliti mill-grupp. B'mod ċar, dan imur kontra d-dikjarazzjonijiet tagħha ta' qabel u huwa inkompatibbli ma' wieħed mill-kriterji ewlenin għall-għoti tal-ME li fost oħrajn, deċiżjonijiet rigward il-prezzijiet, l-produzzjoni u l-bejgħ isiru b'risposta għas-sinjali tas-suq. (16) Fil-valutazzjoni tagħha ta' jekk kumpannija għandhiex tingħata l-MET, il-Kummissjoni tibbaża l-konklużjonijiet tagħha l-aktar fuq is-sitwazzjoni matul il-perjodu investigattiv (IP). Jekk il-kriterji msemmija fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament Bażiku tħarsu f'dan il-perjodu, il-Kummissjoni tista' raġonevolment tassumi li l-kumpannija topera fil-ġejjieni b'grad suffiċjenti ta' indipendenza mill-Istat u skond standards ta' l-ekonomija tas-suq. Iżda, fil-każ preżenti l-kumpannija li dehret taġixxi skond standards ta' l-ekonomja tas-suq matul l-IP immodifikat l-aġir tagħha minn mindu rċeviet l-marġini individwali tagħha tad-dumping. Konsegwentement, jidher issa li din il-kumpannija ma toperax iżjed skond il-priċnċipji ta' l-ekonomija tas-suq skond l-Artikolu 2(7)(ċ) tar-Regolament Bażiku, imma li hija suġġetta għall-interferenza esterna u parti fir-restrizzjonijiet ta' l-esportazzjoni f'termini ta' prezzijiet u kwantitajiet. Jidher wkoll li l-kumpannija ma toperax mingħajr interferenza sinifikanti ta' l-Istat. Waqt li informazzjoni dwar perjodu wara dak ta' l-IP m'għandux normalment ikun ikkonsidrat, f'dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, huwa xieraq li jitqiesu l-iżviluppi ġodda li għandhom l-effett li jirrendu l-konklużjonijiet ta' qabel manifestament bla bażi. (17) Fid-dawl ta' din l-informazzjoni ġdida għalhekk, huwa konkluż li s-sejbien tal-MET dwar din il-kumpannija ma treġix aktar. Barra dan, dazju individwali mhux aktar xieraq għal din il-kumpannija. Il-MET mogħti qabel lill-Nanjing Metalink għalhekk huwa b'dan irrevokat u ser tkun minn issa ‘l quddiem suġġetta għall-marġini mal-pajjiż kollu għaċ-Ċina. (18) Għandu jkun innutat li f'kull każ, jekk arranġament bħal dan imfisser fuq jinstab fil-kuntest ta' investigazzjoni dwar pajjiż b'ekonomija tas-suq żviluppata sewwa, l-Istituzzjonijiet ma kienx ikollhom għażla oħra imma li jimponu dażju mal-pajjiż kollu skond l-Artikolu 9(5) għaliex ir-rati ta' dazju individwali ma kienux ikunu xierqa. 3. Valur normali (a) Pajjiż analogu (19) Numru ta' produtturi esportaturi allegaw li l-informazzjoni provduta mill-kumpanniji US li kkoperaw ma ipprovdietx bażi affidabbli għad-determinazzjoni tal-valur normali u poġġiet fid-dubbju s-sejbien tal-Kummissjoni li l-bejgħ tal-kumpanniji US matul l-IP ma kienx fil-kors ordinarju tal-kummerċ. (20) Fil-fatt, l-informazzjoni provduta miż-żewġ kumpanniji li qed jikkoperaw fil-US kienet ivverifikata bi sħiħ mill-Kummisjsoni fil-post taż-żewġ kumpanniji fil-US. Il-Kummissjoni għalhekk aċċertat ruħha rigward l-eżattezza u l-affidabbilità tad-data ipprovduti miż-żewġ kumpanniji għall-iskopijiet ta' dan il-proċediment u tikkonferma li l-valur normali jkompli jkun ibbażat fuq dak determinat mill-pajjiż analogu. (21) Xi produtturi esportaturi ssottomettew li ma kienx xieraq li tintuża l-informazzjoni provduta minn waħda mill-kumpanniji li kienet qed topera bħala konvertitriċi aktar minn produttriċi, waqt li oħrajn talbu aġġustament biex iqisu l-ispejjeż straordinarji dwar il-proċess ta' konverżjoni. (22) Il-Kummissjoni għalhekk irrikkonsidrat kemm kien xieraq l-użu ta' data minn konvertitriċi fil-kalkolu ta' valur normali f'dan il-proċediment. L-importanza li jkun żgurat li d-data użati kienu kemm jista' jkun komprensivi u rappreżentattivi kien ikkonsidrat ukoll f'dan il-kuntest. F'dan ir-rigward, kien konkluż li wkoll jekk l-informazzjoni dwar il-konvertitur ma kinetx inkluża fil-kalkolazzjonijiet rilevanti, il-valur normali xorta jkun ibbażat fuq data affidabbli u rappreżentattivi. Konsegwentement, u biex ikun indirizzat it-tħassib tal-produtturi esportaturi Ċiniżi rilevanti, kien deċiż li tkun eskluża d-data dwar il-konvertitriċi kwistjoni mid-determinazzjoni tal-valur normali. F'kull każ, l-effett ta' din il-bidla fil-metodoloġija kienet minima. (23) Żewġ produtturi esportaturi sostnew wkoll aġġustamenti biex jitqiesu d-differenzi fl-ispejjeż tal-protezzjoni ambjentali u telf tal-molibdenu. Kif innutat fir-Regolament Proviżorju, is-servizzi tal-Kummissjoni kkonsidraw il-merti ta' dawn il-pretensjonijiet. F'dan ir-rigward, kien innutat li l-kumpanniji Ċiniżi huma tassew soġġetti għal-liġijiet ta' protezzjoni ambjentali u standards u waqt li dawn m'humiex l-istess bħal dawk ta' l-US, safejn, jekk hemm, differenzi li jaffettwaw il-paragunabbilità tal-prezz la huma ċari u lanqas ma kien ippruvat. Barra dan, meta din il-kwistjoni tkun eżaminata flimkien mat-talba għat-telf tal-molibdenu, titnaqqas aktar il-probabbilità ta' xi impatt sinifikanti fuq il-paragunabbilità tal-prezz. (24) Fil-fatt, il-pretensjoni li t-telf tal-molibdenu huwa potenzalment ogħla fiċ-Ċina milli fil-US li l-produtturi ta' l-US huma aktar effiċjenti mill-produtturi Ċiniżi. Għalhekk, kull differenza fl-ispejjeż ambjentali tista' parzjalment tkun paċuta b'proċess ta' produzzjoni aktar effiċjenti. Fkull każ, fin-nuqqas ta' kull kwatifikazzjoni preċiża tad-differenzi allegati dwar l-ispejjeż ambjentali u t-telf tal-molibdenu, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ebda effett fuq il-paragunabilità tal-prezz ma ntwera u l-ebda aġġustament mhux konsegwentement meħtieġ f'dan l-aspett. (25) Bl-eċċezzjoni ta' l-esklużjoni tad-data mill-konvertitiriċi spjegata fuq, hija kkonfermata l-metdoloġija għad-determinazzjoni tal-valur normali preskritt fil-preamboli 38 sa 40 tar-Regolament Proviżorju. (b) Prezz ta' l-esportazzjoni: (26) Il-prezzijiet ta' esportazzjoni kienu kkalkolati skond l-Artikolu 2(8) tar-Regolament Bażiku, i.e. fuq il-bażi tal-prezzijiet ta' esportazzjoni attwalment mħallsa jew pagabbli għall-prodott ikkonċernat lill-ewwel klijent indipendenti. (ċ) Paragun (27) Il-metodoloġija msemmija fil-preamboli 49 u 50 tar-Regolament Proviżorju hija b'dan ikkonfermata. (28) Żewġ produtturi esportaturi talbu li l-kalkolazzjonijiet għandhom isiru b'referenza għal żewġ gradi kkwotati fil-Metal Bulletin. Iżda, il-metodu użat fir-Regolament Proviżorju, i.e. referenza għall-kontenut eżatt tal-molibdenu huwa kkonsidrat aktar preċiż billi jikkonsidra kull varjazzjoni tal-kontenuti, u fuq kollox, jippermetti paragunabbilità aħjar mal-valur normali, billi l-prodotturi tal-pajjiż analogu rrapporta id-data rilevanti skond il-kontenut tal-molibdenu. (d) Marġini tad-dumping (29) Minħabba t-tibdiliet dwar il-MET u l-IT mfisser fuq, il-produtturi esportaturi li kkoperaw issa jirċievu l-marġini tad-dumping mal-pajjiż kollu għall-PRC. Il-metodoloġija għall-kalkolazzjoni ta' dan il-marġini mfisser fil-preamboli 51 u 54 tar-Regolament Proviżorju hija b'dan ikkonfermata. (30) Il-marġini tad-dumping mal-pajjiż kollu għall-PRC stabbilit fuq din il-bażi hija ta' 38,5 %. E. L-INDUSTRIJA TAL-KOMUNITÀ (31) Fin-nuqqas ta' kull argument ġdid fuq il-produzzjoni tal-Komunità u fuq id-definizzjoni ta' l-industrija tal-Komunità, is-sejbien proviżorju kif deskritt fil-preamboli 56 sa 60 tar-Regolament Proviżorju huwa b'dan ikkonfermat. F. ĦSARA 1. Konsum tal-Komunità (32) Kien argumentat li l-industrija tal-Komunità hija komposta biss minn kumpanniji li ilmentaw/li appoġġaw u għalhekk l-informazzjoni minn operaturi oħra tal-Komunità m'għandhomx jitqiesu għall-finijiet ta' l-analiżi tal-ħsara. (33) Għandu jkun innutat li l-volum tal-bejgħ ta' operaturi oħra tal-Komunità kien użat biss biex ikun stabbilit il-konsum tal-Komunità u mhux għall-valutazzjoni ta' l-indikaturi ekonomiċi għas-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità. Kieku ma żdiedx il-volum tal-bejgħ ta' operaturi oħra tal-Komunità, il-konsum apparenti tal-Komunità kien ikun sottovalutat. (34) Minħabba dak imsemmi fuq, is-sejbien proviżorju kkonċerna l-konsum tal-Komunità, kif deskritt fil-preamboli 61 sa 63 tar-Regolament Proviżorju huwa b'dan ikkonfermat. 2. Importazzjonijiet li joriġinaw fil-PRC (a) Volum u sehem tas-suq ta' l-importazzjonijiet ikkonċernati (35) Fin-nuqqas ta' kull argument ġdid fuq il-volum u s-sehem tas-suq ta' l-importazzjonijiet ikkonċernati, is-sejbien proviżorju kif deskritt fil-preamboli 64 sa 65 tar-Regolament Proviżorju huwa b'dan ikkonfermat. (b) Prezzijiet ta' l-importazzjonijiet ikkonċernati (i) Evoluzzjoni tal-prezz (36) Fin-nuqqas ta' kull informazzjoni ġdida fuq l-evoluzzjoni tal-prezz, is-sejbien proviżorju kif deskritt fil-preambolu 66 tar-Regolament Proviżorju huwa b'dan ikkonfermat. (ii) Twaqqigħ tal-prezz (37) Żewġ partijiet interessati iddubitaw l-użu tad-data tal-fattura għall-konverżjoni tal-valuta ta' l-esportazzjoni f'euro. Sostnew li, billi hemm madwar dewmien ta' xahar żmien bejn id-data tal-fattura u d-data ta' l-importazzjonijiet ġewwa l-Komunità, il-konverżjoni tal-valuta għandha ssir fuq il-bażi ta' rata tal-kambju tax-xahar wara dik tal-fattura. Alternattivament, sostnew li għandha tintuża r-rata medja tal-kambju għall-IP sħiħ. (38) Kif preskritt fir-Regolament Bażiku fil-kuntest tal-konverżjoni tal-valuti għall-kalkolazzjoni tal-marġini tad- dumping, għandha tintuża r-rata tal-kambju tad-data tal-bejgħ, id-data tal-bejgħ tkun id-data tal-fattura, sakemm data oħra tistabbilixxi b'mod aktar xieraq it-termini materjali tal-bejgħ. F'dan il-kuntest, ma ngħatat l-ebda informazzjoni li turi li d-data ta' l-iżdoganament tista' tipprovdi terminu tal-bejgħ aktar xieraq. Għalhekk, kemm għall-esportaturi u l-industrija tal-Komunità l-konverżjoni tal-valuta kienet mwettqa fl-istess livell, jiġifieri fid-data tal-fattura, irrespettivament mid-data tal-kunsinna jew l-iżdoganament. Minħabba dak li ntqal, huwa kkonsidrat li l-konverżjoni f'euro użat fl-istadju proviżorju huwa adegwat għall-paragun tal-prezz. It-talba kienet għalhekk rifjutata. (39) Żewġ produtturi esportaturi argumentaw li l-prezzijiet ta' esportazzjoni għandhom ikunu aġġustati għad-differenzi fil-livell tal-kummerċ, billi produtturi esportaturi jbiegħu lill-kummerċjanti waqt li l-industrija tal-Komunità tbiegħ li min jużhom l-aħħar. (40) Għandu jkun innutat li l-bejgħ ta' l-industrija tal-Komunità nstabu li saru permezz ta' diversi kanali tal-bejgħ, jiġifieri kemm il-kummerċjanti u min jużhom l-aħħar. Barra dan, l-ebda differenza fil-prezz konsistenti u/jew sinifikanti ma stabet li teżisti skond il-kanali differenti tal-bejgħ. Għalhekk kienet rifjutata t-talba għal livell ta' aġġustament tal-kummerċ. (41) Fl-istadju proviżorju, il-prezzijiet cif tal-produtturi ta' esportazzjoni kienu paragunati ma' dawk ta' l-industrija tal-Komunità fil-livell mill-fabbrika. Biex ikun jista' jsir paragun ġust, żewġ produtturi esportaturi talbu li jsir aġġustament fil-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità għall-ispejjeż dwar il-kiri ta' mħażen. (42) Huwa kkonsidrat li m'għandu jsir l-ebda aġġustament għall-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità dwar l-ispejjeż tal-ħażna peress li l-prezzijiet tal-produtturi esportaturi użati għall-kalkolu jinkludu dawk l-ispejjeż fost l-ispejjeż tal-post-importazzjoni li żdiedu mal-prezzijiet ta' esportazzjoni kif deskritti fil-preambolu 67 tar-Regolament proviżorju. Għalhekk, din it-talba hija miċħuda. (43) Wara li jitqies it-trattament ta' produttur esportatur wieħed addizzjonali fl-istadju definittiv bħala parti li tikkopera, l-irtirar tal-MET/IT, l-argumenti msemmija fuq u l-korrezzjoni ta' żbalji klerikali, id-differenza bejn il-prezzijiet espressi bħala perċentwal tal-prezzijiet mwieżna medji ta' l-industrija tal-Komunità, jiġifieri l-marġini tat-twaqqigħ tal-prezz medju mwieżen mal-pajjiż kollu, ammonta għal 13,8 %. 3. Sitwazzjoni fl-industrija tal-Komunità (44) Fin-nuqqas ta' kull informazzjoni ġdida li taffettwa s-sejbien tal-fatturi fuq imsemmija, is-sejbien proviżorju kif deskritt fil-preamboli 71 sa 90 tar-Regolament Proviżorju huwa b'dan ikkonfermat. 4. Konklużjoni fuq il-ħsara (45) Fir-Regolament Proviżorju kien konkluż li l-industrija tal-Komunità sofriet ħsara materjali matil l-IP. Instab li bejn l-1997 u l-IP il-volum ta' importazzjonijiet ta' dumping ta' FeMo Ċiniż żdied b'70 % u s-sehem tagħhom mis-suq tal-Komunità żdied minn madwar 34 % għal madwar 49 %. L-akbar żieda seħħet bejn l-1999 u l-IP, meta l-volum ta' importazzjonijiet żdied b'41 % b'żieda ta' 9,4 punti ta' perċentwal tas-sehem tas-suq. (46) Is-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità turi żewġ perjodi ewlenin bejn l-1997 u l-IP: - bejn l-1997 u l-1999 il-produzzjoni, il-bejgħ, is-sehem mis-suq u l-profitt tjiebu hekk kif l-industrija tal-Komunità ħadet vantaġġ mit-tnaqqis fil-volumi tal-bejgħ u s-sehem mis-suq ta' operaturi oħra tal-Komunità; - bejn l-1999 u l-IP, li jikkoinċidi ma' l-akbar penetrazzjoni ta' importazzjonijiet Ċiniżi, il-produzzjoni ta' l-industrija tal-Komunità naqas b'19 %, il-volum tal-bejgħ b'17 %, sehem mis-suq ta' aktar minn 7 punti ta' perċentwal u profitt imnaqqas bejn 0 % u 2 %. Għalhekk, bejn l-1999 u l-IP, minkejja żieda fil-konsum tal-Komunità, il-volum tal-bejgħ ta' l-industrija tal-Komunità naqas, għalhekk b'riżultat ta' telf tas-sehem mis-suq. (47) Kien hemm żball klerikali fit-tieni sentenza tal-preambolu 93 tar-Regolament Proviżorju, li kellu jinqara' kif ġej: "Ukoll għalkemm l-industrija tal-Komunità żdiedet il-volum tal-produzzjoni u l-bejgħ tagħha matul il-perjodu kkonsidrat, ma segwietx it-tkabbir tal-konsum tal-Komunità bejn 1999 u l-IP". (48) Kien sostnut li jekk l-1997 tittieħed bħala punt ta' tluq u l-IP bħala punt ta' wasla, is-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità ma ddeterjoratx. Huwa sostnut wkoll li s-sejbien fuq il-ħsara ma jistax ikun ibbażat fuq deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità fl-aħħar parti tal-perjodu kkonsidrat, jiġifieri bejn l-1999 u l-IP. (49) L-iskop ta' l-investigazzjoni anti-dumping huwa biex ikun valutat l-effett ta' l-importazzjonijiet ta' dumping fuq is-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità matul l-IP, li huwa l-perjodu li matulu hija eżaminata l-eżistenza tad- dumping. F'dan ir-rigward il-perjodu qabel l-IP iservi biss bħala indikatur ta' l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità biex ikun determinat jekk is-sitwazzjoni matul l-IP tistax tkun ikklassifikata bħala dannuż. Barra dan, aktar minn analiżi minn tarf sa tarf, l-eżami tas-sitwazzjoni ekonomika ta' l-industrija tal-Komunità għandha tqis ġrajjiet fil-perjodu kkonsidrat, kif ġara fir-Regolament Proviżorju. (50) Huwa għalhekk konkluż li l-analiżi tas-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità magħmula fl-istadju proviżorju jissodisfa il-ħtiġiet tar-Regolament bażiku. (51) Fin-nuqqas ta' kull informazzjoni ġdida fuq is-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità u wara li jitqies is-sejbien fuq imsemmi, is-sejbien proviżorju fuq il-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità, kif mfisser fil-preamboli 91 sa 93 tar-Regolament Proviżorju, huwa b'dan ikkonfermat. G. NESS TA' KAŻWALITÀ (52) Xi partijiet interessati argumentaw li kull ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità saret minn wieħed mid-diversi fatturi li ġejjin: (i) Evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-materja prima (53) Parti waħda interesata argumentat li l-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità ċċaqalqu flimkien mal-prezzijiet tal-materja prima u għalhekk l-evoluzzjoni tagħhom ma tistax tkun attribwita għall-prezzijiet ta' importazzjoni Ċiniżi. (54) L-investigazzjoni wriet li l-materja prima ewlenija fil-produzzjoni tal-FeMo hija MoO3 u li għandu jkun hemm rabta bejn il-prezzijiet MoO3 u FeMo, billi kull moviment tal-prezz tal-MoO3 jikkorrespondi awtomatikament għal moviment fl-ispiża tal-materja prima għall-industrija tal-Komunità. Konsegwentement, il-produtturi tal-FeMo m'għandhomx wisq spazju biex jiffissaw il-prezzijiet. Fil-fatt, f'suq trasparenti l-utenti tal-FeMo jsegwu l-prezzijiet MoO3 biex ikunu f'posizzjoni tajba biex jinnegozjaw prezzijiet tal-FeMo. (55) Għandu jkun innutat li x-xejra ta' prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità matul il-perjodu kkonsidrat segwiet ix-xejra ta' l-ispiża tal-materja prima. Fl-istess ħin, billi l-importazzjonijiet mill-PRC bi prezzijiet li kienu aktar baxxi minn dawk ta' l-industrija tal-Komunità matul il-perjodu kkonsidrat, bl-eċċezzjoni ta' l-1998, il-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità ma setgħux jiżdiedu bl-istess rata bħaż-żiediet fl-ispiża totali tal-produzzjoni bejn l-1999 u l-IP. F'dan ir-rigward għandu jkun innutat li bejn l-1999 u l-IP, b'koinċidenza mal-penetrazzjoni sinfikanti ta' l-importazzjonijiet ċiniżi fis-suq tal-Komunità, il-produzzjoni u l-utilizzazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità naqqset, biż-żieda konsegwenti fl-ispejjeż tagħha. Għalhekk iż-żieda fl-ispejjeż ta' 8 % fl-IP, li ma setgħux ikunu riflessi bi sħiħ fil-prezzijiet tal-bejgħ, wasslet għad-deterjorazzjoni tal-profitt sa livell li mhux biżżejjed biex jiżgura vijabbilità fit-tul ta' l-industrija tal-Komunità. (56) Huwa għalhekk konkluż li l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-materja prima ma kkontribwitx materjalment għad-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità. Għal kuntrarju, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li fin-nuqqas ta' l-esportazzjonijiet ċiniżi ta' dumping, kemm il-livell tal-prezz ta' l-industrija tal-Komunità u s-sehem tagħha fis-suq setgħu kienu ogħla b'mod sinifikanti. Minħabba dak li ntqal hawn fuq, u fin-nuqqas ta' kull informazzjoni ġdida, is-sejbien proviżorju kif deskritt fil-preamboli 104 sa 107 tar-Regolament Proviżorju huwa b'dan ikkonfermat. (ii) Nuqqas ta' aċċess għar-riżorsi naturali Mo mill-industrija tal-Komunità (57) Kien sostnut li l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità hija attribwibbli għan-nuqqas ta' aċċess għar-riżorsi naturali Mo, li jtellef b'mod sinifikanti l-effiċjenza tagħha.Min-naħa l-oħra, l-aċċess ta' produtturi ċiniżi FeMo għal riżorsi Mo jirriżulta fil-kompettitività allegata tagħhom. (58) L-ewwelnett, għandu jkun innutat li wieħed mill-produtturi li jikkostitwixxi l-industrija tal-Komunità, huwa integrat upstream u jipproduċi MoO3 u li ebda evidenza ma ngħatat biex turi l-effett allegat posittiv fuq l-effiċjenza ta' l-industrija tal-Komunità jekk integrata vertikalment. (59) It-tieni, għandu jkun innutat li wkoll jekk il-PRC għandha riżorsi naturali Mo, il-produzzjoni tagħha naqqset mill-1998. Barra dan, l-informazzjoni provduta minn parti interessata tindika li l-PRC importat volumi sostanzjali ta' prodotti tal-molibdenu, l-aktar Mo konċentrat. Konsegwentement is-sitwazzjoni preżenti tikkontradiċi kull vantaġġ kompetittiv ċiniż. (60) Fl-aħħar, fl-importazzjonijiet IP tal-FeMo Ċiniż nstabu li saru bi prezzijiet ta' dumping u fi kwantitajiet sinifikanti li kkoinċiedu mat-telf tas-sehem fis-suq li qabel kellha l-industrija tal-Komunità. (61) Minħabba li ntqal fuq, ma jistax ikun argumentat li l-ħsara li sofriet l-industrija tal-Komunità iġġarrbet minħabba xi nuqqas ta' aċċess għar-riżorsi naturali Mo. (iii) Il-problemi allegati ta' l-industrija tal-Komunità kienu intrinsiki għas-suq Mo (62) Kien argumentat li l-eżami tan-ness tal-każwalità fir-Regolament Proviżorju kien difettuż billi ma indirizzax l-impatt taċ-ċiklu tan-negozju ta' l-industrija upstream (l-ndustrija tar-ramm) u dik ta' l-industrija downstream (l-industrija ta' l-azzar) jew il-ħsara sofferta mill-industrija tal-Komunità. Kien allegat li l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità kienet intrinsika għas-suq Mo għalkemm l-ebda evidenza ma ngħata b'appoġġ għal din it-talba. (63) Għandu l-ewwel ikun innutat li fir-Regolament Proviżorju il-Kummissjoni eżaminat l-impatt ta' l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-materja prima użata fil-produzzjoni tal-FeMo, MoO3, fuq is-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità u sabet li ma kkontribwitx għall-ħsara sofferta mill-industrija Komunità. (64) It-tieni, MoO3 jinkiseb mill-konċentrati Mo li min-naħa tagħhom jistgħu jinkisbu kemm bħala prodott sekondarju mill-estrazzjoni tar-ramm imm wkoll mill-estrazzjoni ta' minerali mhux maħduma. (65) It-tielet, dwar l-industrija downstream, fir-Regolament proviżorju il-Kummissjoni eżaminat l-evoluzzjoni tal-konsum fir-rigward ta' l-iżviluppi fl-industrija ta' l-azzar, l-utent ewlieni FeMo. Partikolarment, huwa mfakkar li l-industrija tal-Komunità ma setgħetx tibbenefika mit-tkabbir fis-suq bejn l-1999 u l-IP meta l-konsum żdied b'14 % li kkoinċieda ma' l-irpiljar ta' l-industrija ta' l-azzar, waqt li l-volum tal-bejgħ ta' l-industrija tal-Komunità naqas bi 17 %. (66) Minħabba dak li ntqal fuq, ma jistax ikun argumentat li l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità kienet ikkawżata minn xi problema intrinsika fis-suq Mo innifsu. (iv) Aġir tal-produtturi tal-Komunità tal-FeMo (67) Parti waħda interessata allegat li l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità kienet dovuta għall-aġir taż-żewġ produtturi li jikkostitwixxu l-industrija tal-Komunità u dik taż-żewġ operaturi tal-Komunità, li kienu allegati li għandhom posizzjoni dominanti kollettiva fis-suq tal-Komunità, minħabba is-sehem fis-suq maqgħud tagħhom. L-ebda informazzjoni ma kienet ipprovduta fuq l-aġir ta' dawn il-produtturi fis-suq tal-Komunità li ma kienx dak tas-sehem mis-suq kombinat tagħhom. (68) Għandu jkun innutat l-ewwel li l-fatt biss li l-erba' kumpanniji li jipproduċu FeMo fil-Komunità għandhom sehem mis-suq ta' bejn 40 % u 44 % ma jistax wieħed jassumi li huwa l-kawża tal-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità li hija inċidentalment komposta minn tnejn jew erba' kumpanniji biss, fin-nuqqas ta' kull indikazzjoni li tipprova li din il-ħsara hija dovuta għall-posizzjoni kollettiva ta' saħħa ekonomika, li tippermetti l-kumpanniji li jaġixxu sew indipendentement mill-kompetituri, il-klijenti u fl-aħħar mill-aħħar il-konsumaturi tagħhom. (69) It-tieni, l-erba' kumpanniji li jipproduċu l-FeMo fil-Komunità għandhom posizzjoni differenti fis-suq: iż-żewġ kumpanniji li jifformaw l-industrija tal-Komunità primarjament jipproduċu FeMo f'isimhom biex jinbiegħu lill-utenti, waqt li ż-żewġ kumpanniji l-oħra jikkonvertu MoO3 f'FeMo għall-terzi (importaturi/kummerċjanti) bi ħlas. (70) Finalment, rigward l-industrija tal-Komunità, l-ebda evidenza ma nstabet li turi li l-ħsara li ġġarbet matul l-IP kien attribwibbli għal xi prattika anti-kompetittiva fuq in-naħa tagħhom. (71) Huwa għalhekk konkluż li l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità ma kinetx kkawżata bl-aġir anti-kompetittiv tagħha stess. (v) Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra (72) Kien sostnut li l-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità tista' tkun ikkawżata mill-importazzjonijiet mill-Armenja u l-Iran. (73) Għandu jkun innutat li l-importazzjonijiet minn dawn iż-żewġ pajjiżi laħqu sehem mis-suq fl-IP ta' rispettivament 4,4 % (l-Armenja) u 1,8 % (l-Iran) bi prezzijiet li kienu fl-istess livell jew taħt dawk tal-PRC. Għandu jkun innutat li wkoll jekk setgħu kkontribwew għall-ħsara mġarrba mill-industrija tal-Komunità, minħabba is-sehem tagħhom fis-suq paragunat ma' dak Ċiniż (49,3 %), il-kontribuzzjoni tagħhom tibqa' marġinali u ma tiksirx in-ness kawżali bejn l-importazzjonijiet mill-PRC u l-ħsara materjali, mġarrba mill-industrija tal-Komunità. (74) Minħabba dak li ntqal fuq u fin-nuqqas ta' kull informazzjoni ġdida fuq importazzjoni minn terzi pajjiżi oħra, is-sejbien proviżorju kif imfisser fil-preamboli 108 sa 113 tar-Regolament Proviżorju huwa kkonfermat. (vi) Konklużjoni (75) Minħabba li ntqal hawn fuq huwa kkonfermat li l-importazzjonijiet kkonċernati meħudin għalihom ikkawżaw ħsara materjali lill-industrija tal-Komunità fit-tifsira ta' l-Artikolu 3(6) tar-Regolament Basiku kif imfisser fil-preamboli 117 sa 118 tar-Regolament Proviżorju. H. INTERESS TAL-KOMUNITÀ (76) Xi partijiet interessati għamlu allegazzjonijiet fir-rigward ta' l-impatt possibbli tal-miżuri anti-dumping fl-industrija ta' l-azzar mingħajr, iżda ma pprovdew ix-xiehda rilevanti ta' sostenn. (77) Fin-nuqqas ta' kull informazzjoni ġdida fuq l-analiżi ta' l-aspetti ta' interess Komunitarju tal-każ, is-sejbien proviżorju kif deskritt fil-preamboli 120 sa 147 tar-Regolament Proviżorju huwa ikkonfermat. I. MIŻURI DEFINITIVI ANTI-DUMPING 1. Tneħħija tal-livell ta' eliminazzjoni (78) Parti waħda interessata argumentata li l-marġini tal-profitt kkonsidrat bħala minimu li l-industija setgħet tistenna li tikseb fin-nuqqas ta' dumping ta' ħsara mhux xieraq, billi l-livell ta' profitt miksub mill-industrija tal-Komunità f'setturi paragunabbli huwa ogħla. (79) Għandu jkun innutat li meta jsir il-kalkolu ta' l-ammont ta' dazju meħtieġ għat-tneħħija ta' l-effetti tad-dumping ta' ħsara, kien ikkonsidrat li kull miżura għandha tħalli l-industrija tal-Komunità li tkopri l-ispejjeż tagħha u tikseb globalment profitt qabel it-taxxa li jista' jintlaħaq raġonevolment mill-industrija tal-Komunità skond kondizzjonijiet normali ta' kompetizzjoni, jiġifieri fin-nuqqas ta' importazzjonijiet ta' dumping. F'dan il-każ, wara li jitqies, partikolarment, il-livell ta' profitt miksub fil-bejgħ ta' prodotti oħra ta' l-istess tip prodotti mill-industrija tal-Komunità, instab li marġini ta' profitt ta' 5 % tat-turnover jista' jitqies bħala minimu xieraq li l-industrija tal-Komunità tista' tikseb fin-nuqqas ta' dumping ta' ħsara. (80) Għandu jkun innutat li l-argumenti u s-sejbien korrispondenti dwar l-aġġustamenti mitluba fil-kuntest tat-twaqqigħ tal-prezz, kif ukoll l-korrezzjoni ta' żbalji klerikali, tqies fil-kalkolu tal-marġini tal-ħsara. (81) Fin-nuqqas ta' kull informazzjoni ġdida jew kumment, il-metodoloġija użata biex ikun stabbilit il-livell ta' elininazzjoni tal-ħsara kif imfisser fil-preamboli 149 sa 151 tar-Regolament Proviżorju hija kkonfermata. 2. Miżuri definittivi ta' anti-dumping (82) Fid-dawl ta' dak li ntqal fuq, huwa kkonsidrat li dazju definittiv anti-dumping għandu jkun impost fil-livell tal-marġini ta' ħsara misjub billi huwa anqas mil-livell tal-marġini tad-dumping misjub, skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku. (83) Fuq il-bażi ta' hawn fuq, ir-rata ta' dazju definittiv proposta, imfissra bħala perċentwal tal-prezz cif fil-fruntiera tal-Komunità, dazju tad-dwana mhux imħallas, huwa 22,5 %. 3. Impenn (84) Wara l-iżvelar tas-sejbien proviżorju, produttur esportatur wieħed esprima interess fl-offerta ta' impenji dwar il-prezz. Billi ma kienet stabbilita l-ebda determinazzjoni individwali fl-istadju definittiv, is-servizzi tal-Kummissjoni ma jistgħux jaċċettaw impenn individwali bħal dan. 4. Ġbir ta' dazji proviżorji (85) Minħabba l-kobor tal-marġini tad-dumping misjuba u fid-dawl tal-livell tal-ħsara kkawżata lill-industrija tal-Komunità, hemm bżonn li l-ammonti miġbura bħala dazju proviżorju anti-dumping, impost mir-Regolament Proviżorju, għandu jinġabar definitivament bir-rata tad-dazju impost b'mod definittiv, ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 1. Dazju definittiv anti-dumping huwa hawnhekk impost fuq importazzjonijiet ta' ferro-molibdenu, li jidħlu fil-kodiċi NM 72027000 u li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. 2. Ir-rata tad-dazju definittiv anti-dumping applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera, qabel id-dazju, għall-prodott deskritt fil-paragrafu 1 għandu jkun ta' 22,5 %. 3. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-disposizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw. Artikolu 2 L-ammonti miġbura bħala dazju anti-dumping proviżorju impost mir-Regolament Proviżorju tal-Kummissjoni għandu jinġabar definittivament bir-rata tad-dazju preskritt fl-Artikolu 1, jew bir-rata ta' dazju proviżorju meta dan huwa anqas. Kull ammont miġbur li jaqbeż ir-rata definittiva tad-dazji anti-dumping għandu jinħeles. Artikolu 3 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fit-28 ta' Jannar 2002. Għall-Kunsill Il-President J. Piqué i Camps [1] ĠU L 56, tas-6.3.1996, p. 1. Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2238/2000 (ĠU L 257, tas-11.10.2000, p. 2). [2] ĠU L 214, tas-6.8.2001, p. 3. --------------------------------------------------