32002L0099



Official Journal L 018 , 23/01/2003 P. 0011 - 0020


Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE

tas-16 ta’ Diċembru 2002

li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew [3],

Billi:

(1) Fil-kuntest ta’ suq wieħed, regoli sanitarji speċifiċi għall-annimali kienu stabbiliti biex jiddeterminaw il-kummerċ intra-Komunitarju fir-rigward tal-produzzjoni, l-ipproċċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni minn terzi pajjiżi ta’ prodotti li oriġinaw mill-annimali u ddestinati għal konsum uman, inklużi fl-Annness I tat-Trattat.

(2) Bis-saħħa ta’dawk ir-regoli tneħħew l-ostakoli fil-kummerċ tal-prodotti msemmija, u għalhekk ikkontribwixxew għar-realizazzjoni ta’ suq intern, waqt li assiguraw livell għoli fil-ħarsien tas-saħħa ta’ l-annimali.

(3) L-għan ta’ dawn ir-regoli huwa li jevita l-introduzzjoni jew it-tixrid ta’ mard ta’ l-annimali li jirriżulta minnħabba li jkunu tqiegħdu prodotti li oriġinaw mill-animali fis-suq. Huma jinkludu wkoll dispożizzjonijiet komuni li jikkonċernaw b’mod partikolari r-restrizzjonijiet applikabli meta prodotti li jitqiegħda fis-suq ikunu ġejjin minn azjenda jew żona nfettata minn mard epiżotiku u l-obligu li prodotti ġejjin minn żoni ristretti jkunu suġġetti għal trattament biex jinqered l-aġent patoġeniku.

(4) Dawk id-dispożizzjonijiet komuni għandhom ikunu armonizzati biex jitneħħew inkonsistenzi li ddaħħlu meta regoli speċifiċi dwar is-sanitá ta’ l-annimali kienu addottati. Din l-armonizzazzjoni ser tassigura l-implimentazzjoni omoġenea tar-regoli sanitarji għall-annimali f’kull parti tal-Komunità u tintroduċi trasparenza akbar fl-istruttura tal-leġislazzjoni tal-Komunità.

(5) Kontrolli veterinarji fuq prodotti li oriġinaw mill-annimali u ddestinati għall-kummerċ għandhom isiru skond id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 li tikkonċerna l-kontrolli veterinarji fil-kummerċ intra-kommunitarju bil-ħsieb li jkun irrealizat is-suq intern [4]. Id-Direttiva 89/662/KEE tinkludi miżuri ta’ ħarsien li jistgħu jkunu mplimentati fil-każ li jkun hemm periklu serju għas-saħħa ta’ l-annimali.

(6) Prodotti mportati minn terzi pajjiżi ma għandhomx ikunu ta’ periklu għall-bhejjem tat-trobbija tal-Komunità.

(7) Għal dan il-għan, għandhom ikunu introdotti proċeduri biex jipprevjenu l-introduzzjoni ta’ mard epiżotiku. Dawn il-proċeduri jinkludu evalwazzjoni regolari tas-sitwazzjoni sanitarja ta’ l-annimali fit-terzi pajjizi kkonċernati.

(8) Għandhom ikunu introdotti Proċeduri biex jistabbilixxu regoli speċifiċi jew kriteriji li jkunu applikabbli fl-importazzjoni ta’prodotti li oriġinaw mill-annimali.

(9) Dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-importazzjoni ta’ laħam ta’ bhejjem tat-trobbija bid-dwiefer u prodotti ppreparati minn jew magħmula minn dan it-tip ta’ laħam huma diġá msemmija fid-Direttiva tal-Kunsill 72/462/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1972 li tikkonċerna l-problemi ta’ spezzjonijiet sanitarji u veterinarji meta jkunu mportati annimali bovini jew qżieqeż u laħam frisk minn terzi pajjiżi [5].

(10) Il-proċeduri li huma applikabbli fl-importazzjoni tal-laħam u ta’ prodotti tal-laħam jistgħu jkunu mudell għall-importazzjoni ta’ prodotti oħra li oriġinaw mill-annimali.

(11) Il-Kontrolli veterinarji fuq prodotti li oriġinaw mill-annimali mportati fil-Komunità minn terzi pajjiżi għandhom isiru skond id-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta’ Diċembru 1997 li tistopola l-prinċipji li jirregolaw l-organizazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq prodotti li jidħlu minn terzi pajjiżi fil-Komunità from pajjiżi terzi [6]; Id-Direttiva 97/78/KE tinkludi miżuri ta’ ħarsien li jistgħu jkunu mplimentati fil-każ li jkun hemm periklu serju għas-saħħa ta’ l-annimali.

(12) Wieħed għandu jikkonsidra il-linji gwida msemmija mill-Organizazzjoni Dinjija għas-Saħħa ta’ l-Annimali (OIE) meta jaddotta regoli għall-kummerċ internazzjonali.

(13) Verifiki u spezzjonijiet mill-Komunità għandhom ikunu organizzati biex jassiguraw l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet sanitarji għall-annimali b’mod omoġenju.

(14) Il-Prodotti li huma suġġetti għal din id-Direttiva huma elenkati fl-Anness I tat-Trattat.

(15) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu addotati skond id-Deċiżjoni 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistipola l-proċeduri ta’ l-eżerċizzju li jimplimenta l-poteri kkonferiti lill-Kummissjoni [7],

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Ambitu

Din id-Direttiva tistipola r-regoli ġenerali sanitarji għall-annimali li jirregolaw l-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċċessar u d-distribuzzjoni fil-Komunità u l-introduzzjoni minn terzi pajjiżi ta’ Prodotti li oriġinaw mill-Annimali u Prodotti dderivati minnhom u li huma maħsuba għall-konsum uman.

Dawn ir-regoli ma jaffettwawx id-dispożizzjonijiet imsemmija fid-Diretttivi 89/662/KEE u 97/78/KE u d-Direttivi elenkati fl-Anness I.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għal għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijet fir-Regolament (KE) No 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistipolaw l-prinċipji u r-rekwiżiti tal-ligi ta’ l-ikel, u li jistabilixxu l-Awtoritá Ewropea għas-sigurta ta’ l-ikel u li jsemmu l-proċeduri f’dak li għandu x’jaqsam mas-sigurtá ta’ l-ikel [8] u d-Direttiva 97/78/KE għandhom ikunu applikabbli kif neċessarju. Id-Definizzjonijiet segwenti japplikaw ukoll:

1. "l-istadji kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u distribuzzjoni" tfisser kull stadju minn meta u dan jinkludi l-produzzjoni primarja ta’ ikel li jkun oriġina mil-annimali, sa meta u dan jinkludi l-ħażna, it-trasportazzjoni, il-bejgħ u l-forniment lill-konsumatur aħħari;

2. "introduzzjoni" tfisser li ġġib merkanzija f’wieħed mit-territorji elenkati fl-Annessi I tad-Direttiva 97/78/KE bil-għan li tpoġġihom taħt il-proċeduri tad-dwana imsemmija fl-Artikolu 4(16)(a) sa (f) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dwana għall-Kommunitá [9];

3. "veterinarju uffiċjali" tfisser veterinarju li huwa kkwalifikat li jassumi din il-funzjoni hekk kif maħtur mill-awtorità kompetenti;

4. "Prodotti li oriġinaw mill-Annimali" tfisser prodotti miksuba minn annimali u prodotti dderivati minn dawn u li huma ddestinati għall-konsum uman, dan jinkludi annimali ħajjin li jkunu ppreparati għal dan l-iskop.

Il-KAPITOLU I

REKWIŻITI SANITARJI GĦALL-ANNIMALI APPLIKABBLI F’KULL STADJU TAL-PRODUZZJONI, IPPROĊĊESSAR U DISTRIBUZZJONI TA’ PRODOTTI LI ORIĠINAW MILL-ANNIMALI ĠEWWA L-KOMMUNITÀ

Artikolu 3

Rekwiżiti ġenerali sanitarji għall-Annimali

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li f’kull stadju tal-produzzjoni, ipproċessar u distribuzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali ġewwa l-Komunità, l-operaturi tal-kummerċ ta’ l-ikel ma jwasslux għat-tixrid ta’ mard trasmess lill-annimali, skond dawn id-dispożizzjonijiet li ġejjin.

2. Il-prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom jittieħdu minn annimali li jaderixxu mal-kondizzjonijiet sanitarji stipulati mill-leġislazzjoni relevanti tal-Komunità.

3. Il-prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom jittieħdu minn annimali:

(a) li ma jiġux minn azjenda, stabbiliment, territorju jew parti minn territorju li huwa suġġett għal restrizzjonijet tas-saħħa applikabbli għall-annimali u l-prodotti kkonċernati, taħt ir-regoli mniżżla fl-Annessi I;

(b) li, fil-każ ta’ laħam u prodotti tal-laħam, ma kienux maqtula fi stabbiliment fejn kien hemm annimali nfettati jew li huma ssuspetati li kienu nfettati minn xi marda msemmija f’(a), jew fejn karkassi jew partijiet minn dawn l-annimali, kienu preżenti waqt il-qtil jew il-proċess tal-produzzjoni, kemm il-darba dan is-suspett ma jiġix mneħħi;

(ċ) li, fil-każ ta’ annimali ta’ l-akwakultura u prodotti, jaderixxu mad-Direttiva 91/67/KEE [10].

Artikolu 4

Derogi

1. Minkejja l-Artikolu 3 u suġġetti għall-konformitá mal-miżuri għall-kontroll tal-mard imsemmija f’L-Anness I, L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il-produzzjoni, l-iproċessar u d-distribuzzjoni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali ġejjin minn territorji jew partijiet minn territorji li huma suġġetti għal restrizzjonijiet sanitarji ta’ l-annimali iżda li ma jiġux minn azjenda li tkun infetata jew li tkun taħt suspett, iżda:

(i) qabel ikunu suġġetti għat-trattament imsemmi iktar l-isfel, il-prodotti għandhom jittieħdu, ikunu mmaniġġjati, ittrasportati u maħżuna separatament jew fi żmien differenti, minn prodotti li jissodisfaw il-kondizzjonijiet kollha sanitarji għall-annimali, u l-kondizzjonijiet għat-trasportazzjoni barra mit-territorju suġġetti għal restrizzjonijiet sanitarji ta’ l-annimali, jkunu approvati mill-awtoritajiet kompetenti;

(ii) il-prodotti li għandhom jkunu sottoposti għal trattament huma identifikati b’mod ċar;

(iii) il-prodotti jkunu sottoposti għal trattament li jelimina l-problemi sanitarji kkonċernati, u

(iv) it-trattament jingħata fi stabbiliment rikonoxxut għal dak il-għan mill-Istati Membri fejn tkun verifikata problema sanitarja ta’ l-annimal.

Id-dispożizzjonijiet għall-ewwel subparagrafu għandhom ikunu applikati skond l-Anness II u III(1) għal dan, jew ma’ regoli ddettaljati li għandhom ikunu addottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

2. Il-Produzzjoni, l-ipporoċessar u d-distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ l-akwakultura li ma jħarsux il-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3 għandhom ikunu awtorizati, u jkunu suġġetti għall-kondizzjonijiet msemmija fid-Direttiva 91/67/KEE u, fejn neċessarju, b’konformitá ma’ kondizzjonijiet li jkunu addottati fil-futur b’konformitá mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

3. Barra dan, fejn is-sitwazzjoni sanitarja tippermetti, id-deroga mill-Artikolu 3 tista’ tingħata f’ċerti sitwazzjonijiet, b’konformitá mal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 12(2). F’dawn il-każi, għandu jsir rendikont ta’:

(a) il-karateristiċi speċifiċi tal-marda fl-ispeċi kkonċernat, u

(b) kull analiżi jew miżuri li jkunu saru fir-rigward ta’ l-annimali.

Fejn jingħataw dawn id-derogi, għandhom jittieħdu passi li jassiguraw li l-livell ta’ protezzjoni minn mard ta’ l-annimali ma jkun imnaqqas bl-ebda mod. Kull miżura li hemm bżonn biex tassigura l-protezzjoni sanitarja ta’ l-annimali fil-Komunità għandha għalhekk tkun addotata b’konformitá ma’ l-istess proċedura.

Artikolu 5

Ċertifikati tal-veterinarji

1. L-Istati Membri għandhom jassiguraw li prodotti li orġinaw mill-annimali u li huma ddestinati għall-konsum uman għandhom ikunu suġġetti għaċ-certifika tal-veterinarju billi:

- id-dispożizzjonijiet addotati għal raġunijiet sanitarji dwar l-annimali taħt l-Artikolu 9 tad-Direttiva 89/662/KEE jirrikjedu li prodotti li oriġinaw mill-annimali provenjenti minn Stat Membru għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat tas-saħħa, jew

- tkun ingħatat deroga taħt l-Artikolu 4(3).

2. Skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2), regoli ta’ implementazzjoni ddettaljati, u partikolarment mudell għal dawn iċ-ċertifikati, jistgħu jkunu stabbiliti waqt li jkun ikkunsidrat il-prinċipji ġenerali stipulati fl-Anness IV. Iċ-ċertifikati jistgħu jinkludu dettalji meħtieġa għall-konformitá ma’ leġislazzjonijiet oħra tal-Komunità li għandhom x’jaqsmu mas-sanitá u l-annimali.

Artikolu 6

Kontrolli veterinarji uffiċjali

1. Waqt li l-addozzjoni tar-Regolamenti tal-Parlament u tal-Kunsill li jistipulaw ir-regoli dwar l-iġjene ta’ ikel li joriġina mill-annimali u regoli għall-kontrolli applikabli għall-oġġetti ta’ l-ikel u għalf tal-bhejjem għadha pendenti, l-Istati Membri għandhom jassiguraw li kontrolli uffiċjali sanitarji għall-annimali jsiru mill-awtoritajiet kompetenti biex jassiguraw il-konformitá ma’ din id-Diretttiva, u jassiguraw li r-regoli jkunu addottati biex din tkun implimentata flimkien ma’ miżuri ta’ ħarsien relatati ma’ prodotti li joriġinaw mill-annimali addottati skond din id-Direttiva. Bħala regola ġenerali, ispezzjonijiet għandhom isiru mingħajr preaviż u l-kontrolli jsiru b’konformitá mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/662/KEE.

2. Waqt li l-addozzjoni tar-Regolamenti tal-Parlament u tal-Kunsill li jistipulaw ir-regoli tal-iġjene ta’ ikel li joriġina mill-annimali u regoli għall-kontrolli applikabli għall-oġġetti ta’ l-ikel u għalf tal-bhejjem għadha pendenti, fejn ikun identifikat ksur tar-regoli sanitarji għall-annimali, Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jirimedjaw is-sitwazzjoni skond id-disposizzjoniet tad-Direttiva 89/662/KEE.

3. Esperti mill-Kummissjoni flimkien ma’ l-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru, jistgħu jeffetwaw kontrolli fuq il-post, inklużi verifiki, jekk dan ikun neċessarju għall-implimentazzjoni omeġenea ta’ din id-Direttiva. l-Istati Membri li għalihom jappartjeni t-territorji fejn ikunu saru l-kontrolli, għandhom jippovdu l-assistenza meħtieġa biex l-esperti jkunu jistgħu jwettqu dmirijiethom. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf ir-riżultati tal-kontrolli lill-awtoritá kompetenti.

Jekk ikun identifikat riskju sanitarju serju għall-annimali matul verifika jew ispezzjoni tal-Kummissjoni, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jisalvagwardja s-saħħa ta’ l-annimali. Jekk dawn il-miżuri ma jittieħdux, jew jekk jitqiesu li kienu nsuffiċjenti, il-Kummissjoni, b’konformitá mal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 12(2), tieħu l-miżuri meħtieġa biex tisalvagwardja s-saħħa ta’ l-annimali u tinforma l-Istati Membri tagħha.

4. Ir-regoli li jitfasslu biex ikun implimentat dan l-Artikolu, u b’mod partikolari dawk li jirregolaw il-proċeduri tal-kooperazzjoni ma’ l-awtoritajiet nazzjonali, għandhom ikunu addotati b’konformitá mal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 12(2).

Il-KAPITOLU II

IMPORTAZZJONI MINN TERZI PAJJIŻI

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jassiguraw li prodotti li oriġinaw mill-annimali ddestinati għall-konsum uman ikunu ntrodotti minn terzi pajjiizi biss, jekk dawn jikkonformaw ma’ l-obligi ta’ Kapitolu I li huwa applikabbli f’kull stadju tal-produzzjoni, ipproċessar u distribuzzjoni ta’ prodotti ta’ dan it-tip fil-Komunità jew jekk ikollhom il-garanziji sanitarji ekwivalenti.

Artikolu 8

Konformitá mar-regoli tal-Komunità

Biex tkun assigurata l-konformitá mal-obligazzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7, dawn li ġejjin għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2):

1. Listi ta’ terzi pajjiżi jew reġjuni ta’ terzi pajjiżi minn fejn importazzjoni ta’ prodotti speċifikati hija permessa. Pajjiż terz għandu jidher f’dawn il-listi biss, jekk tkun saret verifika ta’ dak il-pajjiż mill-Komunità u din turi li l-awtoritajiet veterinarja kompetenti jipprovdu l-garanziji xierqa f’dak li jirrigwardja konformitá mal-leġislazzjoni tal-Komunità.

Meta jitfasslu dawk il-listi jew ikunu aġġornati, għandu jkun kkunsidrat b’mod partikolari:

(a) il-leġislazzjoni tal-pajjiż terz;

(b) l-organizzazzjoni ta’ l-awtoritajiet veterinarji kompetenti u s-servizzi ta’ superviżżjoni fil-pajjiżi terzi, il-poteri li għandhom dawn is-servizzi, is-sorveljanza li ssir ta’ dawn is-servizzi u l-mezzi li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, li jinkludu staff neċessarju biex ikunu jistgħu jimplimentaw il-leġislazzjoni b’mod effetiv;

(ċ) l-ħtiġiet reali dwar is-sanitá ta’ l-annimali li japplikaw għall-produzzjoni, manifatura, maniġġ, ħażna, u l-mod kif jintbagħtu l-prodotti li joriġinaw mill-animali ddestinati għall-kommunità;

(d) il-garanziji li l-awtoritajiet veterinarji kompetenti tal-pajjiż terz ikun jista’ jagħti fir-rigward tal-konformitá jew l-ekwivalenti tal-kondizzjonijiet sanitarji għall-annimali;

(e) l-esperjenzi akwiżiti mit-tqiegħid fis-suq tal-prodott mill-pajjiż terz u r-riżultati ta’ kontrolli fuq l-importazzjoni li jkunu saru;

(f) ir-riżultati ta’ spezzjonijiet u/jew verifiki li saru fil-pajjiż terz, u b’mod partikolari r-riżultati ta’ l-istima li tkun saret mill-awtoritajiet kompetenti jew, meta il-Kummisjoni titlob dan, jingħata r-rapport imressaq mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz dwar l-ispezzjoniet li huma jkunu għamlu;

(g) l-istat tas-saħħa tal-bhejjem tat-trobbija, ta’ annimali oħra domestici, u annimali selvaġġi fil-pajjiż terz, u b’attenzjoni partikolari għal mard ta’ annimali eżotiċi u kull aspett ieħor tas-sitwazzjoni sanitarja ġenerali fil-pajjiż li jista’ jkun ta’ riskju għas-saħħa tal-pubbliku jew ta’ l-annimali fil-Komunità;

(h) ir-regolaritá, veloċitá u l-eżatezzá li biha l-pajjiż terz jagħti l-informazzjoni fuq l-eżistenza ta’ mard infettiv jew kontaġjuż ta’ l-annimali fit-territorju tiegħu, b’mod partikolari dak il-mard li għandu jkun notifikat kif elenkat mill-Organizzazzjoni Dinija għas-saħħa ta’ l-Annimali (OIE), jew fil-każ ta’ mard ta’ l-annimali ta’ l-akwakultura, il-mard li għandu jkun notifikat kif elenkat fil-Kodiċi għas-Saħħa ta’ l-Annimali Akwatiċi ta’ l-OIE;

(i) ir-regoli dwar il-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard infettiv jew kontaġjuż ta’ l-annimali fis-seħħ fil-pajjiżi terzi u l-implimentazzjoni tagħhom, inklużi r-regoli dwar l-importazzjoni minn pajjiżi oħra.

2. Il-Kummissjoni ser tieħu l-passi meħtieġa biex tiġbor elenki aġġornat b’konformitá ma’ dan l-Artikolu li jkunu aċċessibli għall-pubbliku. Elenki miġbura b’konformitá ma dan l-Artikolu jistgħu jkunu kkombinati ma listi oħra li għandhom il-għan li jindirizzaw is-saħħa ta’ l-annimali u tal-pubbliku u jistgħu jinkludu mudelli ta’ ċertifikati tas-saħħa.

3. Regoli dwar l-oriġini ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali u l-annimali li minnhom jkunu ttieħdu l-prodotti, għandhom ikunu stabbiliti skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

4. Kondizzjonijiet speċjali ta’ l-importazzjoni għal kull pajjiż terz jew grupp ta pajjiżi terzi, b’konsiderazzjoni għas-sitwazzjoni sanitarja ta’ l-annimali fil-pajjiż jew pajjiżi terzi kkonċernati, għandhom ikunu stabbiliti b’konformitá mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

5. billi fejn neċessarju:

- ir-regoli ddettaljati għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu,

- kriterji biex ikunu kklassifikati pajjiżi terzi u reġjuni tagħhom b’referenza għall-mard ta’ l-annimali u

- regoli speċifiċi li jikkonċernaw tipi ta’ introduzzjonijiet jew prodotti partikolari, bħal l-introduzzjoni ta’ prodotti minn vjaġġaturi jew l-introduzzjoni ta’ kampjuni kummerċjali,

jistgħu jkunu stabbiliti skond il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 12(2).

Artikolu 9

Dokumenti

1. Ċertifikat veterinarju li jkun konformi mar-rekwiżiti msemmija fl-Anness IV għandu jkun ppreżentat flimkien mal-kunsinna tal-prodotti li joriġinaw mill-annimali hekk kif jiddaħħlu fil-Komunità.

2. Iċ-ċertifikat veterinarju għandu jiċċertifika li l-prodott jissodisfa:

(a) il-ħtigiet imsemmija għal dawn it-tipi ta’ prodotti taħt din id-Direttiva u taħt il-leġislazzjoni tal-Kommunitá li jistipolaw l-ħtigiet sanitarji dwar l-annimali jew id-dispożizzjonijiet li huma ekwivalenti ma’ dawk il-ħtiġiet: u

(b) kwalunkwe kondizzjoni speċjali ta’ l-importazzjoni stabbilita b’konformitá mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

3. Id-dokumunti jistgħu jinkludu dettalji meħtieġa skond dispożizzjonijiet oħra tal-leġislazzjoni dwar is-sanitá għall-pubbliku u l-annimali tal-Kommunitá.

4. B’konformitá mal-proċeduri msemmija fl-Artikolu 12(2):

(a) dispożizzjonijiet jsiru għall-użu ta’ dokumenti eletroniċi,

(b) jistgħu jitfasslu dokumenti mudelli,

(ċ) regoli u ċertifikati għat-Transitu jistgħu jkunu stabbilit.

Artikolu 10

Ispezzjonijiet u verifiki tal-Kommunitá

1. Ispezzjonijiet jew/u verifiki fl-istadji kollha li jaqgħu taħt din id-Direttiva jistgħu jsiru fil-pajjiżi terzi minn esperti mill-Kummissjoni bl-iskop li jiverifikaw il-konformitá jew l-ekwivalenti mar-regoli sanitarji għall-annimali fil-kommunitá. L-esperti mill-Kummissjoni jistgħu jkunu akkumpanjati minn esperti oħra mill-Istati Membri li jkunu awtorizati mill-Kummissjoni biex iwettqu dawn l-ispezzjonijiet u/jew verifiki.

2. L-ispezzjonijiet u/jew il-verifiki li jsiru fil-pajjiżi terzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jsiru f’isem il-Kommunitá, umbagħd il-Kummissjoni tħallas in-nefqa nvoluta.

3. Il-proċedura magħżula biex isiru l-ispezzjonijiet u/jew il-verifiki fil-pajjiżi terzi u msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tkun stabbilitá jew modifikatá b’konformitá mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2).

4. Jekk ikun identifikat riskju sanitarju serju għall-annimal matul ispezzjoni jew verifika tal-Kommunita, il-Kommissjoni għandha tieħu l-miżuri neċessarji mmedjatament biex tissalvagwardja is-saħħa ta’ l-annimal, skond l-Artikolu 22 tad-Direttiva 97/78/KE, u tinforma l-Istati Membri tagħha.

Il-KAPITOLU III

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 11

Aġġornamenti ta’ l-annessi tekniċi

L-annessi għal dan jistgħu jkunu emendati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2) biex tikkonsidra b’mod partikolari li ġej:

(i) opinjonijiet xjentifiċi u tagħrif xjentifiku, l-iktar dak li jikkonċerna valutazzjoni ta’ riskji ġodda;

(ii) żvillupi teknikiċi; u

(iii) l-iffissar ta’ objettivi tas-sigurezza għas-saħħa ta’ l-annimali.

Artikolu 12

Proċedura tal-Kumitat

1. Il-Kummissjoni ser tkun assistita mill-Kumitat Permanenti dwar il-katina ta’ l-ikel u s-Sanitá ta’ l-Annimali mwaqqfa bis-saħħa ta’ l-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002.

2. Fejn ikun hemm referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perijodu ta’ żmien preskritt fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta’ tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jaddotta r-regoli tiegħu ta’ proċedura.

Artikolu 13

Dispożizzjonijiet transizzjonali

1. Ir-regoli dwar sanitarji dwar l-annimali kif stipulati fid-Direttivi elenkati fl-Anness V ma għandomx jibqgħu japplikaw mid-data msemmija fl-Artikolu 14(1).

2. Ir-regoli ta’ implimentazzjoni addottati fuq il-bażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm regoli li jkollhom l-istess effett ikunu addottati fuq il-bażi ta’ din id-Direttiva.

3. Miżuri transitorji jistgħu jkunu stipulati skond il-proċedura msemmija flArtikolu 12(2).

Artikolu 14

1. L-Istati Membri għandhom jaddottaw u jipubblikaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrativi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta’ Jannar 2005. Huma għandhom jinformaw lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

Meta l-Istati Membri jaddottaw dawn id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew inkella għandhom ikunu akkumpanjati b’referenza simili fil-mument li huma jkunu ppubblikati uffiċjalment. Il-proċedura li biha jsiru dawn ir-referenzi għandha tkun addottata mill-Istati Membri.

2. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni bit-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin fil-liġi nazzjonali li jkunu addottaw fil-qasam irregolat minn din id-Direttiva.

Artikolu 15

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara li tkun ipubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Kommunitajiet Ewropej.

Artikolu 16

Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fis-16 ta’ Diċembru 2002.

F’isem il-Kunsill

Il-President

M. Fischer Boel

[1] ĠU C 365 E, tad- 19.12.2000.

[2] Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali mogħtija fit-28 ta’ Marzu 2001.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew mgħotija fil-15 ta’ Mejju 2002.

[4] ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 13. Direttiva kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 92/118/KEE (ĠU L 62, tal-15.3.1993, p. 49).

[5] ĠU L 302, tal-31.12.1972, p. 28. Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolamenti (KE) Nru 1452/2001 (ĠU L 198, tal-21.7.2001, p. 11).

[6] ĠU L 24, 30.01.98, p. 9.

[7] ĠU L 184, tas-17.07.1999, p. 23.

[8] ĠU L 31, 01.02.2002, p. 1.

[9] ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 (ĠU L 311, tat-12.12.2000, p. 17).

[10] ĠU L 46, tad-19.02.1991, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS I

Mard li għandu jkun ikkunsidrat fil-Kummerċ ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali, u li minnħabba fih, miżuri ta' kontroll kienu ntrodotti taħt il-leġislazzjoni tal-Kommunitá

MARDA | DIRETTIVA |

Deni tal-ħnieżer klassiku | Direttiva tal-Kunsill 2001/89/KE dwar mizuri meħuda mill-Komunità biex tikkontrolla id-deni tal-ħnieżer klassiku |

Deni tal-ħnieżer Afrikan | Direttiva tal-Kunsill 2002/60/KE tistipola dispożizzjonijiet speċifiċi għall-kontroll tad-deni tal-ħnieżer Afrikan |

Il-marda tal-lsien u d-dwiefer | Direttiva tal-Kunsill 85/511/KEE li tintroduċi miżuri tal-Kommunitá għall-kontroll tal-marda tal-lsien u d-dwiefer |

Influenza Aviana | Direttiva tal-Kunsill 92/40/KEE li tindtroduċi l-miżuri tal-Komunità għall-kontroll tal-influenza Aviana |

Virus respiratorju tat-tjur (Newcastle disease) | Direttiva tal-Kunsill 92/66/KEE li tintroduċi miżuri għall-kontroll tal-virus respiratorju tat-tjur (Newcastle disease) |

Rinderpest Pesta tan-nagħaġ u l-mogħoż Marda Vexxikoluża tal-ħnieżer | Direttiva tal-Kunsill 92/119/KEE li tintroduċi miżuri ġeneralital-Kommunitá għall-Kontroll ta' ċerti annimalimard u miżuri speċifiċi relatati ma' mard ta' infafet tal-ħnieżer (Mard vexxikoluż) |

Mard ta' l-akwakultura | Direttiva tal-Kunsill 91/67/KEE dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa ta' l-annimali li jirregolaw il-mod kif annimali u prodotti ta' l-akwakultura jitqiegħdu fis-suq Direttiva tal-Kunsill 93/53/KEE li tintroduċi miżurimill-Komunità għall-kontroll ta' ċertu mard tal-ħut Direttiva tal-Kunsill 95/70/KE li tintroduċi l-miżuri tal-Komunità minimi għall-kontroll ta' ċertu mard li jaffettwa l-mollusk bivalvi |

--------------------------------------------------

L-ANNESS II

Marka ta’ identifikazzjoni speċjali għal laħam minn territorju jew parti ta’ territorju.

1. Il-marka sanitarja għal laħam frisk għandha turi salib diagonali magħmul minn żewġ linji dritti li jinterċettaw fiċ-ċentru tat-timbru u b’mod li jħallu l-informazzjoni mniżżla tkun leġġibli.

2. Il-marka msemmija fil-paragrafu 1 tista’ wkoll tkun applikata permezz ta’ bolla ovali unika, wiesgħa 6.5ċm b’ għoli ta’ 4.5ċm; l-informazzjoni segwenti għandha tidher fuq il-marka b’ittri li jkunu perfettament leġġibli:

- fil-parti ta’ fuq, l-isem jew il-kodiċi ta’ l-Istati Membri b’ittri kbar: AT, BE, DE, DK, ES, FI, FR, GR, IE, IT, LU, NL, PT, SE u UK,

- fiċ-ċentru, in-numru ta’ l-approvazzjoni veterinarja tal-biċċerija,

- fil-parti ta’ isfel, wieħed mill-gruppi ta’ inizzjali segwenti CE, EC, EF, EG, EK jew EY,

- żewġ linji dritti li jinterċettaw fiċ-ċentru tal-bolla b’mod li l-informazzjoni tkun ċara.

L-ittri għandhom ikunu minn ta’ l-inqas 0.8ċm għoljin u l-figuri jkunu ta’ 1ċm minn ta’ l-anqas.

Il-bolla għandha wkoll turi informazzjoni li tippermetti li l-veterinarju li jkun spezzjona l-laħam ikun identifikat.

Il-marka għandha tkun applikata taħt is-superviżżjoni ta’ l-uffiċjal veterinarju li jkun jikkontrolla l-implimentazzjoni tal-ħtiġiet sanitarji ta’ l-annimali.

--------------------------------------------------

L-ANNESS III

1. Trattamenti bil-għan li jeliminaw ċerti riskji sanitarji għall-annimali konnessi mal-laħam u l-ħalib

+ : Effettivitá identifikata

0 : Effettivitá mhux identifikata.

Trattament tal-LAĦAM | Marda |

Marda tal-lsien u d-dwiefer | Den i tal-ħnieżer klassiku | Marda vexxikoluża tal-ħnieżer | Den i tal-ħnieżer Afrikan | Rinderpest | Virus respiratorju tat-tjur (Newcastle disease) | Influenza Avjana | Pesta tan-nagħaġ u l-mogħoż |

(a)trattatament bis-sħana f'kontenitur magħluq b'mod ermetiku b'valur F0 ta'3.00 jew aktar | + | + | + | + | + | + | + | + |

(b)trattatament bis-sħana f'temperatura minima ta' 70 °C, li għandha tilħaq kull parti tal-laħam | + | + | + | 0 | + | + | + | + |

(ċ)trattatament bis-sħana f'temperatura minima ta' 80 °C, li għandha tilħaq kull parti tal-laħam | + | + | + | + | + | + | + | + |

(d)trattatament bis-sħana f'kontenitur magħluq b'mod ermetiku sa minn ta' l-anqas 60 °C għal erba' sigħat minimament, li matulhom it-temperatura fil-parti ċentrali għandha tkun minn ta' l-anqas 70 °C għal 30 minuta | + | + | + | + | + | - | - | + |

(e)Fermentazzjoni naturali u proċess ta' maturitá għal mhux anqas minn disa' xhur għal laħam mingħajr għadam, li jwassal biex ikun hemm dawn il-karatteristiċi li ġejjin: Valur Aw ta' mhux aktar minn 0,93 jew valur pH ta' mhux aktar minn 6,0 | + | + | + | + | + | 0 | 0 | 0 |

(f)L-istess trattament imsemmi fil-(e) aktar 'l fuq għalkemm il-laħam jista' jkun bil-għadam (*) | + | + | + | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 |

(g)Salami: trattament b'konformitá mal-kriterji li huma deskritti fil-proċedura ta' l-Artikolu 12(2) u bbażat fuq l-opinjoni tal-kumitat Xjentifiku relevanti | + | + | + | 0 | + | 0 | 0 | 0 |

(h)Perżutijiet u flett: trattament li jinvolvi fermentazzjoni natural u proċess ta' maturazzjoni għal minn ta' l-anqas 190 ġurnata għal perżutijiet u 140 ġurnata għal flett | 0 | 0 | 0 | + | 0 | 0 | 0 | 0 |

(i)it-trattament bis-sħana jrid jassigura temperatura ta' minn ta' l-anqas 65°C fil-parti ċentrali fil-ħin li hu neċessarju biex jintlaħaq valur ta' pasturizazzjoni (pv) ta' 40 | + | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | + |

ĦALIB u prodotti tal-ħalib (inkluża krema) għall-konsum uman | | | | | | | | |

(a)Temperatura għolja ħafna (UHT) (UHT ultra-high temperature=temperatura minima ta' 132 °C għal mill-anqas sekonda) | + | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 |

(b)Jekk il-ħalib għandu pH anqas minn 7,0, temperatura għolja sempliċi - pasturiz azzjoni għal ħin qasir (HTST = high temperature -short time pasteurisation) | + | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 |

(ċ)Jekk il-ħalib għandu pH ta 7,0 jew aktar, tirdoppja il-HTST | + | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 | 0 |

--------------------------------------------------

L-ANNESS IV

Prinċipji ġenerali taċ-ċertifikazzjoni

1. Ir-rappreżentanti ta’ l-awtoritajiet kompetenti li jispedixxu l-prodotti, u li joħorġu ċertifikat biex jakkompanja il-konsennja ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali għandhom jiffirmaw iċ-ċertifikat u jassiguraw li jkollu fuqu t-timbru uffiċjali. Din il-ħtieġa tapplika għal kull folja taċ-ċertifikat jekk dan ikun jikkonsisti f’iżjed minn waħda.

2. Iċ-ċertifikati għandhom jinkitbu fil-lingwa jew lingwi uffiċjali ta’ l-Istat Membru fejn ikun iddestinat u fil-lingwa ta’ l-Istat Membru minn fejn issir l-ispezzjoni, jew ikun akkumpanjat bi traduzzjoni ċċertifikata f’dik il-lingwa jew lingwi. Madankollu, Stat Membru jista’ jaċċetta li juża lingwa uffiċjali tal-Kommunitá minflok dik tiegħu propja.

3. Il-verżjoni oriġinali taċ-ċertifikat għandha takkumpanja l-konsenji meta dawn jidħlu fil-Komunità.

4. Iċ-ċertifikatu għandhom jinkludu:

(a) folja tal-karti waħda, jew

(b) żewġ paġni jew aktar li jagħmlu parti minn folja tal-karti waħda mhux maqsuma, jew

(ċ) sekwenza ta’ paġni nnumerati b’mod li jindika li l-paġna partikolari hija waħda f’sekwenza finita (per eżempju, "paġna 2 minn 4").

5. Iċ-ċertifikati għandhom juru numru ta’ identifikazzjoni uniku. Fil-każ li ċ-ċertifikat jikkonsisti f’sekwenza ta’ paġni, kull paġna għandha turi dan in-numru.

6. Iċ-ċertifikat għandu jinħareġ qabel ma l-konsennja relatata titlaq mill-kontroll ta’ l-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż li jispedixxi.

--------------------------------------------------

L-ANNESS V

1. Direttiva tal-Kunsill 72/461/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1972 dwar problemi sanitarji li jaffettwaw il-kummerċ intra-Kommunitarju [1], hekk kif l-aħħar emendata bil-Att ta’ l-adeżjoni ta’ l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja.

2. Direttiva tal-Kunsill 80/215/KEE tat-22 ta’ Jannar 1980 dwar problemi sanitarji ta’ l-annimali li jaffetwaw il-kummerċ intra-Kommunitarju tal-prodotti tal-laħam [2], hekk kif l-aħħar emendata bil-Att ta’ l-adeżjoni ta’ l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja.

3. Direttiva tal-Kunsill 91/494/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1991 dwar il-kondizzjonijiet sanitarji ta’ l-annimali li jirregolaw il-kummerċ intra-Kommunitarju u importazzjoni ta laħam frisk tat-tjur fil-u minn pajjiżi terzi [3], kif l-aħħar emendata fid-Direttiva 93/121/KE.

4. Direttiva tal-Kunsill 91/495/KEE tas-27 ta’ Novembru 1990 li tikkonċerna s-saħħa pubblika u problemi sanitarji ta’ l-annimali li jaffetwaw il-produzzjoni u ttqiegħid fis-suq ta’ laħam tal-fniek u laħam ta’annimali mrobbija tal-kaċċa [4], hekk kif l-aħħar emendata bil-Att ta’ l-adeżjoni ta’ l-Awstrija, il-Finlandja u l-Isvezja.

5. Direttiva tal-Kunsill 92/45/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1992 dwar is-saħħa pubblika u problemi tas-saħħa ta’ l-annimali rrelatati mal-qtil ta’ annimali selvaġġi tal-kaċċa u ttqiegħid fis-suq ta’ laħam ta’ annimali tal-kaċċa selvaġġi [5], hekk kif l-aħħar emendata bid-Direttiva 97/79/KE.

6. Direttiva tal-Kunsill 92/46/KEE tas-16 ta’ Ġunju 1992 li tistipola r-regoli sanitarji għall-produzzjoni u tqiegħid ta’ ħalib mhux ipproċessat, ħalib li jkollu trattament bis-sħana, u prodotti li għandhom bażi ta’ ħalib fis-suq. [6]

7. Direttiva tal-Kunsill 94/65/KE ta’ l-14 ta’ Diċembru 1994 li tistipola l-ħtiġiet għall-produzzjoni u tqiegħid ta’ laħam ikkapuljat u preparamenti tal-laħam fis-suq [7].

[1] ĠU L 302, 31.12.72, p. 24.

[2] ĠU L 47, 21.02.80, p. 4.

[3] ĠU L 268, 24.09.91, p. 35.

[4] ĠU L 268, 24.09.91, p. 41.

[5] ĠU L 268, 14.09.92, p. 35.

[6] ĠU L 268, 14.09.92, p. 1.

[7] ĠU L 368, 31.12.94, p. 10.

--------------------------------------------------