32002L0037



Official Journal L 117 , 04/05/2002 P. 0010 - 0012


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/37KE

tat-3 ta’ Mejju 2002

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tinkludi l-ethofumesate bħala sustanza attiva

(Test bir-relevanza ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tpoġġija fis-suq ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/18/KE [2], u partikolarment fl-Artiklu 6 (1) tagħha,

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-ewwel stadju tal-programm ta’ xogħol li hemm referenza dwaru fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tikkonċerna t-tpoġġija fis-suq ta’ prodotti ta’ protezzjoni ta’ pjanti [3], kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 2266/2000 [4], jipprovdi għall-adozzjoni ta’ lista ta’ sustanzi attivi ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti biex ikunu assessjati, b’ħarsa għall-inklużjoni futura tagħhom fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE Dik il-lista tinsab fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94 tas-27 ta’ April 1994 li jistabbilixxi s-sustanzi attivi ta’ prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti u li jinnomina r-rapporteur ta’ l-Istati Membri għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 [5], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2230/95 [6], u tinkludi l-ethofumesate.

(2) Għall-ethofumesate l-effetti fuq is-saħħa umana u l-ambjent ġew assessjati bi qbil mad-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 3600/92 għal sensiela ta’ użi pproponuti min-notifikaturi. Bir-Regolament (KE) Nru 933/94, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 491/95/ [7], l-Isvezja kienet innominata bħala Stat Membru rapporteur. L-Isvezja ssottomettiet ir-rapporti u r-rakkomandazzjonijiet ta’ assessjar relevanti lejn il Kummissjoni fit-2 ta’ Ottubru 1998 bi qbil mal-Artikolu 7(1) (ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92.

(3) Dan ir-rapport ta’ assessjar kien ġie rrivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni fi ħdan il-Kumitat Permanenti dwar il-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali. L-analiżi kienet iffinalizzata fis-26 ta’ Frar 2002 fil-format tar-rapport analizzat tal-Kummissjoni għal ethofumesate.

(4) L-analiżi ma wriet l-ebda mistoqsijiet jew problemi, li kien jitolbu xi konsultazzjoni tal-Kumitat Xjentifiku dwar il-Pjanti.

(5) Minn eżamijiet varji li saru deher li l-prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom ethofumesate jistgħu jintalbu li jissodisfaw, b’mod ġenerali, il-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, partikolarment fir-rigward ta’ l-użi li kienu eżamanati u ddettaljati fir-rapport ta’ l-analiżi tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk xieraq li jkun inkluż l-ethofumesate fl-Anness I ma’ dik id-Direttiva, biex ikun assigurat li fl-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jingħataw awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ethofumesate, bi qbil mad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE.

(6) Ir-rapport ta’ l-analiżi tal-Kummissjoni huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni xierqa mill-Istati Membri, ta’ diversi sezzjonijiet ta’ prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE. Huwa, għalhekk, xieraq li jkun ipprovdut li r-rapport ta’ l-analiżi finali, għajr għall-informazzjoni kunfidenzjali, ikun aċċessibbli jew magħmul aċċessibbli mill-Istati Membri għall-konsultazzjoni minn xi partijiet interessati. Jekk ir-rapport ta’ l-analiżi jkun irid jiġi aġġornat biex jikkunsidra l-progressi tekniċi u xjentifiċi, il-kondizzjonijiet għall-inklużjoni tas-sustanza kkonċernata fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE għandhom ikunu emendati wkoll bi qbil ma’ dik id-Direttiva.

(7) Perijodu raġjonevoli għandu jitħalla jgħaddi qabel sustanza attiva tkun inkluża fl-Anness I biex jingħata permess lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati biex jieħdu l-passi preparatorji meħtieġa.

(8) Wara l-inklużjoni, l-Istati Membri għandhom jingħataw perijodu raġjonevoli li fih jimplimentaw id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE fir-rigward ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom l-ethofumesate, u partikolarment, biex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet eżistenti bi qbil mad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE biex jassiguraw li l-kondizzjonijiet fir-rigward ta’ l-ethofumesate stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ikunu sodisfatti. Perijodu itwal għandu jkun ipprovdut li fih dossier komplut għal kull prodott tal-protezzjoni tal-pjanti, li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ l-Annessi II u III tad-Direttiva 91/414/KEE għandu jkun issottomess u li dak il-prodott għandu jkun evalwat mill-ġdid bi qbil mal-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE.

(9) Huwa għalhekk meħtieġ li tkun emendata d-Direttiva 91/414/KEE kif xieraq.

(10) Il-miżuri li hemm provvediment dwarhom f’din id-Direttiva huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Katina ta’ l-Ikel u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE huwa hawnhekk emendat kif stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

L-Istati Membri għandhom iżommu aċċessabbli r-rapport ta’ l-analiżi għall-ethofumesate, għajr għall-informazzjoni kunfidenzjali fil-qofol ta’ dak li jfisser l-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-konsultazzjoni minn partijiet interessati jew għandhom jagħmluh aċċessibbli għalihom fuq talba speċifika.

Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw sal-31 ta’ Awissu 2003 l-aktar tard il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni minnufih dwar dan.

Għandhom japplikaw dawk id-disposizzjonijiet mill-1 ta’ Settembru 2003.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-disposizzjonijiet, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jkunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din it-tip ta’ referenza.

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom jirrevedu l-awtorizzazzjoni għal kull prodott tal-protezzjoni tal-pjanti li fih l-ethofumesate biex jassiguraw li l-kondizzjonijiet irrelatati ma’ l-ethofumesate stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE ikun hemm konformità magħhom. Meta meħtieġ, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni bi qbil mad-Direttiva 91/414/KEE qabel l-1 ta’ Settembru 2003.

2. L-Istati Membri għandhom, għal kull prodott awtorizzat tal-protezzjoni tal-pjanti li fih l-ethofumesate jew bħala l-unika sustanza attiva jew bħala waħda minn diversi sustanzi attivi li kollha kienu elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE sal-1 ta’ Marzu 2003, jevalwaw mill-ġdid il-prodott bi qbil mal-prinċipji uniformi li hemm provvediment dwarhom fl-Anness VI tad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta’ dossier li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ l-Anness III tiegħu. Fuq il-bażi ta’ dik l-evalwazzjoni, għandhom jiddeterminaw jekk il-prodott jissodisfax il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1) (b), (ċ), (d) u (e) tad-Direttiva 91/414/KEE. Meta meħtieġ u sat-28 ta’ Frar 2007 l-aktar tard, għandhom jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjoni għal kull prodott bħal dan tal-protezzjoni ta’ pjanti.

Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2003.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-3 ta’ Mejju 2002.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 230, tad-19.08.91, p. 1.

[2] ĠU L 55, tas-26.02.02, p. 29.

[3] ĠU L 366, tal-15.12.1992, p. 10.

[4] ĠU L 259, tat-13.10.2000, p. 27.

[5] ĠU L 107, tat-28.04.1994, p. 8.

[6] ĠU L 225, tat-22.9.1995, p. 1.

[7] ĠU L 49, ta’ l-4.3.1995, p. 50.

--------------------------------------------------

ANNESS

Fl-Anness I ir-ringiela li ġejja hija miżjuda fi tmiem tat-tabella:

"Nru | Isem komuni, numri ta' identifikazzjoni | Isem IUPAC | Purità | Dħul fis-seħħ | Skadenza ta' l-inklużjoni | Disposizzjonijiet speċifiċi |

29 | Ethofumesate Nru CAS 26225-79-6 Nru CICAP 223 | (±)-2-ethoxy-2,3-dihydro-3,3-dimethylbenzo-furan-5-ylmethanesulfonate | 960 g/kg | fl-1 ta' Marzu 2003. | fit-28 ta' Frar 2013. | Użi bħala erbiċida biss jistgħu jkunu awtorizzati Għall-implimentazzjoni tal-prinċipji uniformita' l-Anness VI, il-konklużjonijiet tar-rapport ta' l-analiżi dwar l-ethofumesate, u partikolarment l-Appendiċi I u II tiegħu, kif iffinalizzat fil-Kumitat Permanenti tal-Katina ta' l-Ikel u s-Saħħa ta' l-Annimali fis-26 ta' Frar 2002 għandhom ikunu meqjusa. F'dan l-assessjar totali l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta' l-ilma sotterran, meta s-sustanza tkun applikata.fir-reġjuni b'ħamrija vulnerabbli u/jew kondizzjonijiet klimatiċi u għandhom japplikaw il-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju, meta xieraq. |

--------------------------------------------------