Official Journal L 055 , 26/02/2002 P. 0029 - 0032
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/18/KE tat-22 ta’ Frar 2002 li temenda l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu l-isoproturon bħala sustanza attiva IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/1999/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 6 (1) tagħha, Billi: (1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat l-ewwel stadju tal-programm tax-xogħol riferit fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [3], kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 2266/2000 [4], jipprovdi sabiex tiġi adottata l-lista tas-sustanzi attivi tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jridu jiġu stmati, bil-ħsieb ta’ l-inklużjoni possibbli tagħhom fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE. Din il-lista tinsab fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94 tas-27 ta’ April 1994 li jistabbilixxi s-sustanzi attivi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jinnomina l-Istat Membru rapporteur sabiex jiġi implimentat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 [5], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2230/95 [6], u jinkludi l-isoproturon. (2) Għall-isoproturon ġew stmati l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 3600/92 għal firxa ta’ l-użu propost min-notifikaturi. Skond ir-Regolament (KE) Nru 933/94, il-Ġermanja ġiet innominata bħala Stat Membru rapporteur. L-Istat Membru rapporteur issottometta r-rapporti rilevanti ta’ l-istima u r-rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Lulju 1999 skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92. (3) Dan ir-rapport ta’ stima ġie rrivedut mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni ġewwa l-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti. Ir-reviżjoni kienet iffinalizzata fis-7 ta’ Diċembru 2001 fil-format tar-rapport tar-reviżjoni tal-Kummissjoni għall-isoproturon. (4) Ir-reviżjoni ma kixfet l-ebda kwistjoni jew tħassib bil-miftuħ, li kienu jkunu jeħtieġu konsultazzjoni mal-Kumitat Xjentifiku tal-Pjanti. (5) Deher mill-eżamijiet varji magħmula illi l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva interessata jistgħu jiġu mistennija li jissodisfaw, b’mod ġenerali, il-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva 91/414/KEE, b’mod partikolari rigward l-użu li ġie eżaminat u dettaljat fir-rapport tar-reviżjoni tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk approprjat illi tiġi inkluża s-sustanza attiva interessata fl-Anness I mad-Direttiva, sabiex jiġi żgurat illi fl-Istati Membri kollha jistgħu jiġu konċessi l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanzi attivi interessati skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE. (6) Għandu jiġi speċifikat perjodu taż-żmien wara l-inklużjoni ta’ l-isoproturon fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE, li matulu l-Istati Membri jistgħu jagħtu, ivarjaw jew jirtiraw, kif approprjat, l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva. B’mod partikolari, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ma għandhomx ikunu awtorizzati għajr jekk ikunu tqiesu l-kondizzjonijiet assoċjati ma’ l-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I u l-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva fuq il-bażi ta’ dossier li jkun jissodisfa l-ħtiġiet ta' l-informazzjoni stabbilita. (7) Ir-rapport tar-reviżjoni tal-Kummissjoni huwa meħtieġ għalbiex jiġu implimentati kif jixraq mill-Istati Membri, it-taqsimiet diversi tal-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE. Huwa, għalhekk, approprjat illi r-rapport tar-reviżjoni ffinalizzat, għajr għat-tagħrif kunfidenzjali, jinżamm disponibbli jew jintgħamel disponibbli mill-Istati Membri għall-konsultazzjoni minn kull parti interessata. Jekk ir-rapport tar-reviżjoni jkollu jiġi aġġornat għalbiex iqis l-iżviluppi tekniċi u xjentifiċi, għandhom jiġu emendati wkoll il-kondizzjonijiet għall-inklużjoni tas-sustanza interessata fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE skond din id-Direttiva. (8) Irid jiġi pprovdut perjodu raġjonevoli taż-żmien qabel ma tiġi inkluża sustanza attiva fl-Anness I sabiex jippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati li jħejju lilhom infushom għalbiex jikkonformaw mal-ħtiġiet il-ġodda li jirriżultaw minn din l-inklużjoni. Barra minn hekk, wara l-inklużjoni, huwa meħtieġ perjodu raġjonevoli taż-żmien għalbiex jippermetti lill-Istati Membri li jimplimentaw id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom l-isoproturon. B’mod partikolari, l-Istati Membri jridu, f’dan il-perjodu taż-żmien, jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet eżistenti u, fejn approprjat, jikkonċedu awtorizzazzjonijiet ġodda skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 91/414/KEE. Għandu jiġi pprovdut perjodu itwal taż-żmien sabiex jiġi sottomess u stmat id-dossier kompletat ta’ kull wieħed mill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti skond il-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva 91/414/KEE. Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi diversi, l-evalwazzjoni sħiħa fuq il-bażi tal-prinċipji uniformi tista’ titwettaq biss meta jkunu ġew inklużi s-sustanzi kollha interessati fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE. (9) Il-miżuri pprovduti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 L-Anness I mad-Direttiva 91/414/EEC huwa emendat kif iddikjarat fl-Anness ma’ din id-Direttiva. Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom iżommu disponibbli r-rapporti tar-reviżjoni għall-isoproturon, għajr għat-tagħrif kunfidenzjali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414/KEE, għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati kollha jew għandhom jagħmluh disponibbli lilhom fuq talba speċifika. Artikolu 3 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, l-aktar tard sat-30 ta’ Ġunju 2003. Għandhom jgħarrfu minnufih b’dan lill-Kummissjoni. B’mod partikolari għandhom, skond id-Direttiva 91/414/KEE, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom l-isoproturon bħala sustanza attiva sa din id-data. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza. 2. Rigward l-evalwazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet skond il-prinċipji uniformi pprovduti fl-Anness VI mad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta' dossier li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ l-Anness III ta' magħha, it-temma taż-żmien għall-emendi jew l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom l-isoproturon bħala l-unika sustanza attiva għandha tkun l-1 ta’ Jannar 2007. 3. Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom l-isoproturon flimkien ma’ sustanza attiva oħra li tkun fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/EEC, il-perjodu taż-żmien għall-emendi jew l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet għandu jiskadi wara erba’ snin mid-dħul fis-seħħ tad-Direttiva li tkun emendat l-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE sabiex tiżdied magħha l-aħħar ta’ dawn is-sustanzi. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2003. Artikolu 5 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, it-22 ta’ Frar 2002. Għall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1. [2] ĠU L 313, tat-30.11.2001, p. 37. [3] ĠU L 366, tal-15.12.1992, p. 10. [4] ĠU L 259, tat-13.10.2000, p. 27. [5] ĠU L 107, tat-28.4.1994, p. 8. [6] ĠU L 225, tat-22.9.1995, p. 1. -------------------------------------------------- ANNESS Id-dħul li ġej għandu jiżdied fit-tmiem tat-tabella fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE: "In-Numru: | L-isem komuni, in-numrita' l-identifikazzjoni | L-Isem ta' l-IUPAC | Is-Safa | Id-Dħul fis-seħħ | L-iskadenza ta' l-inklużjoni | Disposizzjonijiet speċifiċi | 28 | L-Isoproturon In-Numru tal-CAS 34123-59-6 In-Numru tas-CIPAC 336 | It-3-(4-isopropylphenyl)-1,1-dimethylurea | 970 g/kg | L-1 ta' Jannar 2003 | Il-31 ta' Diċembru 2012 | Jistgħu jiġu awtrorizzati biss l-użi bħala erbiċida. Sabiex jiġu implimentati l-prinċipji uniformi ta' l-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tar-reviżjoni dwar it-tisoproturon, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzati fil-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti fis-7 ta' Diċembru 2001.F'din l-istima ġenerali l-Istati Membri: jridu jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art fejn is-sustanza attiva hija applikata f'reġjuni b'ħamrija vulnerabbli u/jew kondizzjonijiet klimatiċi jew f'rati ta' użi ogħla minn dawkdeskritti fir-rapport tar-reviżjoni u għandhom japplikaw miżuri tat-taffija tar-riskju, fejn approprjat,iridu jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta' l-organiżmi akwatiċi u jridu jiżguraw illi l-kondizzjonijiet ta' l-awtorizzazzjoni jinkludu, fejn japplika, il-miżuri tat-taffija tar-riskju | --------------------------------------------------