32002L0010



Official Journal L 046 , 16/02/2002 P. 0026 - 0028


Id-Direttiva tal-Kunsill 2002/10/KE

tat-12 ta’ Frar 2002

li temenda d-Direttivi 92/79/KEE, 92/80/KEE u 95/59/KE dwar l-istruttura u r-rati ta’ taxxa tas-sisa applikati fuq tabakk manifatturat

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 93 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi:

(1) Skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/79/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq is-sigarretti [4] u l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/80/KEE tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq tabakk manifatturat minbarra s-sigarretti [5], saret reviżjoni mill-qiegħ tar-rati u l-istruttura tat-taxxi tas-sisa fuq il-prodotti tat-tabakk.

(2) L-ewwel rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 1995 fuq is-suġġett, ġibed biss attenzjoni lejn ċerti diffikultajiet li tfaċċaw waqt l-implimentazzjoni tad-Direttivi, mingħajr ma ppropona ebda soluzzjonijiet speċifiċi.

(3) It-tieni rapport tal-Kummissjoni, tal-15 ta’ Mejju 1998, eżamina l-emendi tekniċi meħtieġa, li l-aktar kellhom x’jaqsmu ma’ l-aġġustament ta’ l-inċidenza ta’ dazju minimu ġenerali fuq is-sigarretti, imma żamm l-istrutturi u r-rati tas-sisa bla tibdil. Ir-rapport, sottomess lill-Kunsill fit-18 ta’ Mejju 1998, inkluda proposta għal emenda għad-Direttiva [6].

(4) Il-proposti magħmula mill-Kummissjoni kienu l-biċċa kbira adottati fid-Direttiva tal-Kunsill 1999/81/KE tad-29 ta’ Lulju 1999 li temenda d-Direttiva 92/79/KEE dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq is-sigarretti, id-Direttiva 92/80/KEE dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq it-tabakk manifatturat minbarra s-sigarretti u d-Direttiva 95/59/KE dwar it-taxxi minbarra t-taxxi fuq il-bejgħ li jkollhom effett fuq il-konsum ta’ tabakk manifatturat [7].

(5) Analiżi tat-tibdil fil-prezzijiet u r-rati tas-sisa għal prodotti tat-tabakk fil-Komunità turi li għad hemm differenzi konsiderevoli bejn l-Istati Membri li jistgħu jfixklu l-operat tas-suq intern kif inhu bħalissa u kif ser ikun wara t-tkabbir.

(6) Konverġenza akbar bejn ir-rati tat-taxxa applikati fl-Istati Membri tista’ tgħin biex jonqsu l-frodi u l-kuntrabandu fil-Komunità. L-introduzzjoni ta’ ammont fiss minimu espress fl-euro, flimkien ma’ l-inċidenza minima ta’ sisa ta’ 57 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut ta’ sigarretti fil-kategorija ta’ prezz fejn hemm l-akbar domanda, jassigura li livell minimu tat-taxxi tas-sisa ikun impost fuq din ix-xorta ta’ sigarretti. L-Istati Membri li għalihom l-introduzzjoni immedjata ta’ dan l-ammont minimu fiss espress fl-euro ikun problematiku għal reġunijiet ekonomiċi, għandhom ikunu awtorizzati jipposponu l-implimentazzjoni ta’ din il-kondizzjoni ġdida sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2004. L-Istati Membri li diġà jimponu livell għoli ta’ taxxa tas-sisa għandhom jingħataw aktar flessibilta fl-iffissar tar-rati. Żieda oħra fl-ammonti minimi fissi, fl-1 ta’ Lulju 2006, għandha tkun mistennija. Minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi li jistgħu jkunu kawżati bl-implimentazzjoni f’din id-data ta’ l-ammont miżjud, ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Griega għandhom ikunu awtorizzati jipposponu l-implimentazzjoni tagħha sal-31 ta’ Diċembru 2007.

(7) It-Trattat jitlob li d-definizzjoni u l-implimentazzjoni tat-tattiċi politiċi u l-attivitajiet kollha tal-Komunità jassiguraw livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa umana. Is-sigarretti u t-tabakk ta’ qatgħa fina għall-irrumblar tas-sigarretti it-tnejn li huma jagħmlu ħsara għas-saħħa tal-konsumaturi. Il-livell ta’ tassazzjoni huwa fattur kbir fil-prezz tal-prodotti tat-tabakk, li minn naħa tiegħu jinfluwenza d-drawwiet ta’ tipjip tal-konsumaturi. Għalhekk, jeħtieġ li gradwalment ir-rati minimi għat-tabakk maqtugħ fin jinġiebu eqreb għar-rata minima applikabbli għas-sigarretti.

(8) Sabiex tiġi evitata waqgħa fil-valur tar-rati minimi ta’ dazju fil-Komunità fuq is-sigarri, is-cigarillos, it-tabakk maqtugħ fin għar-rumblar tas-sigarri u t-tabakk għat-tipjip, żieda ftit ftit tar-rati minimi, espressa bħala ammont speċifiku, hi meħtieġa.

(9) Kull armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa għandha tkun hekk li timpedixxi tagħwiġ ta’ kompetizzjoni bejn kategoriji differenti ta’ tabakk manifatturat li jappartjenu għall-istess grupp u b’ hekk jiffaċilitaw l-aċċess għas-swieq domestiċi ta’ l-Istati Membri.

(10) Fl-interess ta’ tassazzjoni uniformi u ġusta, id-definizzjoni ta’ sigarri u cigarrillos, elenkati fid-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE tas-27 ta’ Novembru 1995 fuq taxxi barra t-taxxi fuq il-bejgħ li jaffettwaw il-konsum tat-tabakk manifatturat [8], għandhom ikunu adattati sabiex tip ta’ sigarru li jkun jixbaħ f’ħafna aspetti lil sigarrett ikun kunsidrat bħala sigarrett għall-iskopijiet tas-sisa.

(11) Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tkun awtorizzata tipposponi l-implimentazzjoni ta’ din id-definizzjoni l-ġdida sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2007, minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi li l-implimentazzjoni immedjata tista’ tikkawża lilll-operaturi Ġermaniżi konċernati.

(12) L-Istati Membri għandhom jingħataw mezzi aktar effettivi biex jikkumbattu kontra prattiċi inġusti ta’ prezzijiet jew id-dehra ta’ prodotti li jħawdu s-suq. Dan il-għan jista’ jinkiseb billi Stati Membri jiġu awtorizzati jimponu taxxa minima tas-sisa fuq is-sigarretti bil-kondizzjoni li ma tkunx taqbeż it-taxxa tas-sisa imposta fuq is-sigarretti tal-kategorija ta’ prezz fejn hemm l-akbar domanda.

(13) Jeħtieġ li tiġi maħsuba proċedura ta’ reviżjoni regolari. Madankollu, reviżjoni kull erba’ snin tkun aktar f’postha, biex tippermetti biżżejjed żmien għall-evalwazzjoni ta’ l-emendi mdaħħlin b’din id-Direttiva.

(14) Id-Direttivi 92/79/KEE, 92/80/KEE u 95/59/KE għandhom ikunu emendati skond dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 92/79/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 2 għandu jkun sostitwit kif ġej:

"Artikolu 2

1. Kull Stat Membru għandu japplika taxxa ġenerali minima tas-sisa (dazju speċifiku u dazju ad valorem eskluża l-VAT), li l-inċidenza tagħha għandha tkun ta’ 57 % tal-prezz bl-imnut (bit-taxxi kollha inklużi) u li ma tkunx inqas minn EUR 60 kull 1000 sigarrett għas-sigarretti fil-kategorija tal-prezz fejn hemm l-akbar domanda. Mill-1 ta’ Lulju 2006, iċ-ċifra ta’ "EUR 60" għandha tkun sostitwita b’"EUR 64".

2. L-Istati Membri li jimponu taxxa ġenerali minima tas-sisa ta’ għallinqas EUR 95 kull 1000 sigarrett għas-sigarretti fil-kategorija tal-prezz fejn hemm l-akbar domanda jistgħu ma jikkonformawx mal-kondizzjoni ta’ inċidenza minima ta’ 57 %. Mill-1 ta’ Lulju 2006 iċ-ċifra ta’ "EUR 95" għandha tkun sostitwita b’"EUR 101".

3. It-taxxa ġenerali minima tas-sisa fuq is-sigarretti għandha tkun iddeterminata fuq il-bażi ta’ sigarretti fil-kategorija tal-prezz fejn hemm l-akbar domanda skond data stabbiliti kull l-1 ta’ Jannar ta’ kull sena.

4. Minkejja l-paragrafu 1, l-Istati Membri li fl-1 ta’ Lulju 2001 applikaw taxxa ġenerali minima tas-sisa ta’ inqas minn EUR 60 għal kull 1000 sigarrett għas-sigarretti fil-kategorija tal-prezz fejn hemm l-akbar domanda, jistgħu jipposponu sal-31 ta’ Diċembru 2004, dik id-data inkluża, l-applikazzjoni ta’ taxxa ġenerali minima tas-sisa ta’ EUR 60 għal kull 1000 sigarrett għas-sigarretti fil-kategorija tal-prezz fejn hemm l-akbar domanda.

5. Il-valur ta’ l-euro f’muniti nazzjonali li għandu jkun applikat għall-ammonti ta’ taxxa ġenerali minima tas-sisa għandu jkun iffissat darba fis-sena. Ir-rati tal-kambju li għandhom jiġu applikati għandhom ikunu dawk ta l-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ottubru u jiġu pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar tas-sena kalendarja ta’ wara.

6. B’deroga mill-paragrafu ta’ qabel, l-Istati Membri li ma jkunux adottaw l-euro għandhom ikunu awtorizzati japplikaw il-valur ta’ l-euro f’munita nazzjonali fl-ewwel jum tax-xogħol ta’ Ottubru 2000 għall-konverżjoni tal-ammont ta’ EUR 95 imsemmi fil-paragrafu 2. Id-deroga preżenti għandha terġa’ tiġi eżaminata fl-ewwel rapport li jkun imissu jintbgħat mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 4."

2. L-Artikolu 4 għandu jkun sostitwit b’dan li ġej:

"Artikolu 4

Kull erba’ snin, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Kunsill u, fejn xieraq, proposta dwar ir-rati tat-taxxa tas-sisa elenkati hawnhekk u l-istruttura tat-taxxi tas-sisa kif definita minn l-Artikolu 16 tad-Direttiva tal-Kunsill 95/59/KE tas-27 ta’ Novembru 1995 dwar taxxi għajr taxxi fuq il-bejgħ li jaffettwaw il-konsum tat-tabakk manifatturat [9]. Il-Kunsill għandu jeżamina dan ir-rapport u din il-proposta u, waqt li jaġixxi unanimament wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa. Ir-rapport mill-Kummissjoni u l-eżami mill-Kunsill għandhom iqisu l-funzjonament kif għandu jkun tas-suq intern, il-valur reali tal-livelli tat-taxxa tas-sisa fl-Artikolu 2 kalkolat biss skond l-inflazzjoni u l-għanijiet aktar wiesgħa tat-Trattat."

Artikolu 2

Id-Direttiva 92/80/KEE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. fl-Artikolu 3(1), is-subparagrafi li ġejjin għandhom jiġu miżjuda:

"Mill-1 ta’ Lulju 2002, it-taxxa ġenerali minima tas-sisa imposta fuq it-tabakk mqatta fin għat-tipjip maħsub biex ikun irrumblat f’sigarretti għandha tkun għallinqas ugwali għal 32 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut li jinkludi t-taxxi kollha jew EUR 27 għal kull kilogramm.

Mill-1 ta’ Lulju 2003, it-taxxa ġenerali minima tas-sisa għandha tkun għallinqas daqs ir-rati jew ammonti minimi li ġejjin:

(a) fil-każ ta’ sigarri jew cigarillos: 5 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut li jinkludi t-taxxi kollha jew EUR 11 għal kull 1000 wieħed jew għal kull kilogramm;

(b) fil-każ ta’ tabakk mqatta’ fin għat-tipjip maħsub biex ikun irrumblat f’sigarretti: 33 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut li jinkludi t-taxxi kollha, jew EUR 29 għal kull kilogramm;

(ċ) fil-każ ta’ tabakk ieħor għat-tipjip: 20 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut li jinkludi t-taxxi kollha, jew EUR 20 għal kull kilogramm.

Mill-1 ta’ Lulju 2004, is-sisa ġenerali imposta fuq it-tabakk mqatta’ fin għat-tipjip maħsub biex ikun irrumblat f’sigarretti għandha tkun għallinqas ugwali għal 36 % tal-prezz tal-bejgħ bl-imnut li jinkludi t-taxxi kollha, jew EUR 32 għal kull kilogramm."

2. L-Artikolu 4 għandu jkun sostitwit b’ dan li ġej:

"L-Artikolu 4

Kull erba’ snin, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport u, fejn xieraq, proposta dwar ir-rati tat-taxxa tas-sisa elenkati hawnhekk. Il-Kunsill għandu jeżamina dan ir-rapport u din il-proposta u, waqt li jaġixxi unanimament wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew, għandu jadotta l-miżuri meħtieġa. Ir-rapport mill-Kummissjoni u l-eżami mill-Kunsill għandhom iqisu l-funzjonament kif għandu jkun tas-suq intern, il-valur reali tar-rati tat-taxxa tas-sisa u l-għanijiet aktar wiesgħa tat-Trattat."

Artikolu 3

Id-Direttiva 95/59/KE hija hawnhekk emendata kif ġej:

1. L-Artikolu 3, il-punti 3 u 4, għandhom ikunu sostitwiti b’ dan li ġej:

"3. rombli tat-tabakk b’materjal li jimla taħlit midrus u b’għata ta’ barra ta’ lewn normali ta’ sigarru li jgħatti l-prodott kompletament, inkluż fejn xieraq il-filtru imma mhux fil-każ ta’ sigarri bit-tarf irqiq, it-tarf, u l-qoxra, li t-tnejn kemm huma jsiru minn tabakk rikostitwit, fejn il-piż ta’ kull unità, eskluż il-filtru jew il-biċċa li titqiegħed fil-ħalq, hija ta’ mhux inqas minn 1,2 g u fejn l-għata tkun mwaħħla f’għamla spirali b’angolu akut ta’ għallinqas 30° mal-fus lonġitudinali tas-sigarru;

4. rombli tat-tabakk b’materjal li jimla taħlit midrus u b’ għata ta’ barra b’lewn normali ta’ sigarru, ta’ tabakk rikostitwit, li jgħatti l-prodott kollu, inkluż fejn xieraq il-filtru imma mhux fil-każ ta’ sigarri bit-tarf irqiq, it-tarf, fejn il-piż ta’ kull unità, eskluż il-filtru jew il-biċċa li titqiegħed fil-ħalq, hu ta’ mhux inqas minn 2,3 g u ċ-ċirkonferenza għallinqas aktar minn terz tat-tul tkun mhux inqas minn 34 mm."

2. L-Artikolu 16(5) għandu jkun sostitwit b’ dan li ġej:

"5. L-Istati Membri jistgħu jimponu taxxa minima tas-sisa fuq sigarretti mibjugħa bi prezz aktar baxx mill-prezz bl-imnut għas-sigarretti fil-kategorija tal-prezz fejn hemm l-akbar domanda, sakemm din it-taxxa tas-sisa ma teċċedix l-ammont tat-taxxa tas-sisa imposta fuq is-sigarretti fil-kategorija tal-prezz fejn hemm l-akbar domanda."

Artikolu 4

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u f-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2002. Għandhom minnufih jinformaw b’dan lill-Kummissjoni.

2. B’deroga mill-paragrafu 1:

- ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tkun awtorizzata ddaħħal fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex tikkonforma ma’ l-Artikolu 3(1) ta’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2008,

- ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Griega għandhom ikunu awtorizzati jdaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw ma’ l-Artikolu 1(1) ta’ din id-Direttiva (dwar l-Artikolu 2(1), it-tieni sentenza, tad-Direttiva 92/79/KEE) sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2008.

3. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikollhom magħhom referenza bħal din fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif issir referenza bħal din għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri.

4. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw it-test tad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam li jaqa’ taħt din id-Direttiva.

Artikolu 5

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara l-publikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-12 ta’ Frar 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

R. De Rato Y Figaredo

[1] ĠU C 186 E, tat-28.6.2001, p. 235.

[2] L-Opinjoni mogħtija fil-5 ta’ Frar 2002 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU C 36, tat-8.2.2002, p. 111.

[4] ĠU L 316, tal-31.10.1992, p. 8. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 1999/81/KE (ĠU L 211, tal-11.8.1999, p. 47).

[5] ĠU L 316, tal-31.10.1992, p. 10. Id-Direttiva kif emendata bid-Direttiva 1999/81/KE.

[6] ĠU C 203, tat-30.6.1998, p. 16.

[7] ĠU L 211, tal-11.8.1999, p. 47.

[8] ĠU L 291, tas-6.12.1995, p. 40. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 1999/81/KE.

[9] ĠU L 291, tas-6.12.1995, p. 40. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 1999/81/KE (ĠU L 211, tal-11.8.1999, p. 47).

--------------------------------------------------