Official Journal L 037 , 07/02/2002 P. 0007 - 0008
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2002/8/KE tas-6 ta’ Frar 2002 li temenda d-Direttivi 72/168/KEE u 72/180/KEE dwar il-karatteristiċi u l-kondizzjonijiet minimi għall-eżami ta’ ħaxix u varjetajiet agrikoli rispettivament IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 70/457/KEE tad-29 Settembru 1970 dwar il-katalgu komuni ta’ varjetajiet ta’ speċi ta’ pjanti agrikoli [1], kif l-aħħar emendat bid-Direttiva 98/96/KE [2], u partikolarment l-Artikolu 7(2), tagħha, Wara li kunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 70/458/KEE tad-29 Settembru 1970 dwar il-bejgħ ta' żerriegħa tal-ħaxix [3], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva Nru 98/96/KE, u partikolarment l-Artikolu 7(2) ta' l-istess, Billi: (1) Id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 72/168/KEE tal-14 April 1972 dwar l-iffissar tal-karatteristiċi u l-kondizzjonijiet minimi għall-ispezzjoni tal-varjetajiet ta’ ħaxix [4] u 72/180/KEE tal-14 April 1972 li tistabbilixxi l-karatteristiċi u l-kondizzjonijiet minimi għall-eżami ta' varjetajiet agrikoli [5] stabbilew, bl-iskop li jiġu aċċettati uffiċjalment il-varjetajiet fil-katalgi ta' l-Istati Membri, l-karatteristiċi li għandhom jiġu koperti bħala minimu mill-eżamijiet tad-diversi speċi, kif ukoll il-ħtiġiet minimi sabiex isiru l-eżamijiet. (2) Linji ta’ gwida ta’ testijiet li għandhom x'jaqsmu ma' l-eżamijiet inħarġu dan l-aħħar mill-Kunsill Amministrattiv ta' l-Uffiċċju tal-Varjetajiet ta’ Pjanti tal-Komunità mwaqqaf bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 Lulju 1994 dwar id-drittijiet ta’ varjetajiet ta' pjanti tal-Komunità [6], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2506/95 [7], fir-rigward ta’ ċerti speċi. (3) Huwa neċessarju li tiġi stabbilita konsistenza bejn il-linji ta’ gwida ta’ testijiet, min-naħa l-waħda, u li jiġu stabbiliti l-karatteristiċi li għandhom jiġu koperti bħala minimu mill-eżami ta' l-ispeċi kif ukoll il-ħtiġiet minimi sabiex jitwettqu dawk l-eżamijiet, min-naħa l-oħra. (4) Id-Direttivi 72/168/KEE u 72/180/KEE għandhom għalhekk jiġu emendati. (5) Id-disposizzjonijiet il-ġodda għandhom japplikaw ukoll għall-varjetajiet li ma jkunux ġew aċċettati sal-31 Marzu 2002 biex jiġu inklużi fil-katalgi komuni. (6) Il-miżuri previsti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar Żrieragħ Materjal ta' Propagazzjoni għall-Agrikoltura, Ortikoltura u Forestrija, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Id-Direttiva 72/168/KEE qiegħda b'dan tiġi emendata kif: 1. L-Artikolu 1 qiegħed jiġi sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 1 1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-eżamijiet uffiċjali mwettqa għall-aċċettazzjoni ta' varjetajiet għandhom ikopru mill-inqas il-karatteristiċi li ġejjin: (a) għat-tadam (Lycopersicon lycopersicum L. Karsten ex.Farw.), kurrata (Allium porrum L.), fażola (Phaseolus vulgaris L.), kaboċċi (Brassica oleracea L. convar. Capitata (L.) Alef.), pastard (Brassica oleracea L. convar. Botrytis (L.) Alef. Var. botrytis L.) u ħass (Lactuca sativa L.), dawk il-karatteristiċi elenkati fil-linji ta' gwida rispettivi għat-testijiet intitolati "Protokoll għal Testijiet ta' Karattru Distintiv, Uniformità u Stabilità", maħruġa mill-Kunsill Amministrattiv ta' l-Uffiċċju tal-Varjetajiet ta' Pjanti Ġurnal Uffiċjali ta' l-Uffiċċju tal-Varjetajiet ta' Pjanti tal-Komunità, skond l-Artikolu 56 tar-Regolament tal-Kunsill KE Nru 2100/94 [8] u pubblikati fil-Ġurnal Ufficjali ta’ l-Ufficcju tal-Varjetajiet ta’ Pjanti tal-Komunità. Il-karatteristiċi kollha għandha ssir riferenza għalihom, sakemm l-osservazzjoni ta' karatteristika ma ssirx impossibbli bl-espressjoni ta' xi karatteristika oħra, u sakemm l-espressjoni ta' karatteristika ma tinżammx milli issir minħabba l-kondizzjonijiet ambjentali li taħthom issir l-eżami. Din id-disposizzjonijiet hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet li jirregolaw varjetajiet ta' ħxejjex. (b) għal speċi oħra ta' ħxejjex, dawk il-karatteristiċi elenkati fl-Anness I. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi: (a) fir-rigward ta' l-ispeċi ta' ħxejjex elenkati f'punt (a) tal-paragrafu 1, il-ħtiġiet minimi sabiex jitwettqu l-eżamijiet fir-rigward ta' disinn bi prova u kondizzjonijiet għat-tkabbir, kif stipulati fil-linji ta' gwida għat-testijiet li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 1, punt (a), jiġu mwettqa meta jsiru l-eżamijiet; (b) fir-rigward ta' speċi oħra ta' ħxejjex, il-ħtiġiet minimi sabiex jitwettqu l-eżamijiet, kif elenkati fl-Anness II, jiġu sodisfatti meta jsiru l-eżamijiet." 2. Fl-Anness I, punti 2, 9, 12, 13, 14, 26, 29 u 33 qed jiġu mħassra. 3. Fl-Anness II, Parti A, punti 2, 9, 12, 13, 14, 26, 29 u 33 qed jiġu mħassra. Artikolu 2 Id-Direttiva 72/180/KEE qiegħda b'dan tiġi emendata kif ġej. 1. L-Artikolu 1 qiegħed jiġi sostitwit b'dan li ġej: "Artikolu 1 1. L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-eżamijiet uffiċjali mwettqa għall-aċċettazzjoni ta' varjetajiet għandhom ikopru mill-anqas il-karatteristiċi li ġejjin: (a) fir-rigward tal-karatteristiċi fejn għandu x'jaqsam ma' l-eżami ta' karattru distintiv, stabbilità u uniformità: (i) qamħ (Triticum aestivum L.) u qamħirrum (Zea mays L.), dawk il-karatteristiċi elenkati fil-linji ta' gwida rispettivi tat-testijiet intitolati: "Protokoll għal Testijiet ta' Karattru Distintiv, Uniformità u Stabbilità", maħruġa mill-Kunsill Amministrattiv ta' l-Uffiċċju tal-Varjetajiet ta' Pjanti tal-Komunità skond l-Artikolu 56 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 [*] ĠU L 227, ta’ l-1.9.1994, p. 1., u pubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Uffiċċju tal-Varjetajiet ta' Pjanti tal-Komunità. Il-karatteristiċi kollha għandha ssir riferenza għalihom, sakemm l-osservazzjoni ta' karatteristika ma ssirx impossibbli bl-espressjoni ta' xi karatteristika oħra, u sakemm l-espressjoni ta' karatteristika ma tinżammx milli ssir minħabba l-kondizzjonijiet ambjentali li taħthom isir l-eżami. Din id-disposizzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-disposizzjonijiet li jirregolaw varjetajiet agrikoli. (ii) għal speċi oħra ta' pjanti agrikoli, dawk il-karatteristiċi elenkati fl-Anness I, Parti A; (b) fir-rigward tal-karatteristiċi fejn għandu x'jaqsam ma' l-eżami tal-valur għall-kultivazzjoni u l-użu, dawk elenkati fl-Anness I, Parti B. 2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi: (a) fir-rigward tal-qamħ (Triticum aestivum L.) u qamħirrum (Zea mays L.), il-ħtiġiet minimi sabiex jitwettqu l-eżamijiet fir-rigward ta' disinn bi prova u kondizzjonijiet għat-tkabbir, kif stipulati fil-linji ta' gwida għat-testijiet li hemm riferenza għalihom fil-paragrafu 1, punt (a), taħt (i), jiġu mwettqa meta jsiru l-eżamijiet; (b) fir-rigward ta' speċi oħra ta' pjanti agrikoli, il-ħtiġiet minimi sabiex jitwettqu l-eżamijiet, kif elenkati fl-Anness II, jiġu sodisfatti meta jsiru l-eżamijiet." 2. Fl-Anness I, Parti A: (a) il-kliem "Qamħ artab" u "Triticum aestivum L." taħt punt 39 jiġu mħassra; (b) punt 41 qed jiġi mħassar. 3. Fl-Anness II: (a) il-kliem "3.1 Speċi awtogami" qed jiġu mibdula bil-kliem "3.1 Speċi mdakkra minnhom infushom minbarra l-qamħ"; (b) punt 3.3 qed jiġi mħassar. Artikolu 3 1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti jew disposizzjonijiet amministrattivi meħtiega sabiex jimxu ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 Marzu 2002. Minn issa 'l quddiem għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-istess. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, għandu jkun fihom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'riferenza bħal dik fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir dik ir-riferenza. 2. Din id-Direttiva għandha tapplika għall-varjetajiet kollha li ma jkunux ġew aċċettati sal-31 ta’ Marzu 2002 biex jiġu inklużi fil-katalgu komuni ta' varjetajiet ta' speċi ta' ħxejjex jew fil-katalgu komuni ta' varjetajiet ta' speċi ta' pjanti agrikoli rispettivament. Fejn l-eżamijiet uffiċjali mwettqa għall-aċċettazzjoni tal-varjetajiet ikunu nbdew qabel dik id-data, b'mod sħiħ jew parzjali skond id-disposizzjonijiet oriġinali tad-Direttivi 72/168/KEE jew 72/180/KEE, il-varjetajiet involuti ma jkunx meħtieġ li jsirilhom eżami ġdid sabiex tintwera l-konformità mad-disposizzjonijiet il-ġodda. 3. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-disposizzjonijiet prinċipali tal-liġi domestika li jadottaw fil-qasam kopert b'din id-Direttiva. Artikolu 4 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 5 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, is-6 Frar 2002. Għall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 225, tat-12.10.1970, p. 1. [2] ĠU L 25, ta’ l-1.2.1999, p. 27. [3] ĠU L 225, tat-12.10.1970, p. 7. [4] ĠU L 103, tat-2.5.1972, p. 6. [5] ĠU L 108, tat-8.5.1972, p. 8. [6] ĠU L 227, ta’ l-1.9.1994, p. 1. [7] ĠU L 258, tat-28.10.1995, p. 3. [8] ĠU L 227, ta’ l-1.9.1994, p. 1. --------------------------------------------------