32002E0402



Official Journal L 139 , 29/05/2002 P. 0004 - 0005


Pożizzjoni komuni tal-kunsill

tas-27 ta' Mejju 2002

dwar miżuri restrittivi kontra Usama bin Laden, membri ta' l-organizzazzjoni Al-Qaida u t-Talibani u individwi oħrajn, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom u jħassar il-Posizzjonijiet Komuni 96/746/PESK, 1999/727/PESK, 2001/154/PESK u 2001/771/PESK

(2002/402/PESK)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat fuq l-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

Billi:

(1) Fid-19 ta'Ottubru 2001, il-Kunsill Ewropew iddikjara li hu ddeterminat li jiġġieled it-terroriżmu taħt kull forma madwar id-dinja u li se jkompli l-ħidmiet tiegħu biex isaħħaħ il-koalizzjoni tal-komunità internazzjonali biex tiġġieled it-terroriżmu f'kull għamla.

(2) Fis-16 ta' Jannar 2002 il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Resoluzzjoni 1390(2002) minn hawn 'il quddiem imsejħa "UNSCR 1390(2002)," li tpoġġi miżuri li għandhom ikunu imposti fuq Usama bin Laden, membri ta' l-organizzazzjoni ta' l-Al-Qaida u t-Talibani u individwi oħrajn, gruppi impriżi u entitajiet assoċjati magħhom.

(3) UNSCR 1390(2002) tirranġa l-iskop tas-sanzjonijiet dwar l-iffriżar ta' fondi, il-projbizzjoni ta' viżi, u l-embargo fuq il-fornitura, bejgħ jew trasferiment ta' armi kif ukoll parir tekniċi, għajnuna jew taħriġ li għandu x'jaqsam ma' attivitajiet militari imposti mill-UNSCR (1257(1999) u 1333(2000).

(4) skond il-Paragrafu 3 tal-UNSCR 1390(2002), il-miżuri msemmija jkunu riveduti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan- NU 12-il xahar wara l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni u fl-aħħar ta' dan iż-żmien il-Kunsill tas-Sigurtà jew ikompli l-miżuri jew jiddeċiedi li jirranġahom.

(5) il-UNSCR 1390(2002) jimponi projbizzjoni ta' ivvjaġar fuq Usama bin Laden, membri ta'l-organizzazzjoni ta' l-Al-Qaida u t-Taliban u individwi oħrajn li għandhom x'jaqsmu magħhom.

(6) Is-sanzjonijiet dwar il-projbizzjoni tat-titjir u l-embargo impost fuq bejgħ ta' anidride aċetiku minn UNSCR 1267(1999) u 1333(2000) m'għadhomx jgħoddu skond il-paragrafu 23 ta' l-UNSCR 1333(2002) u l-paragrafu 1 ta' l-UNSCR. Barra minn hekk, il-miżuri restrittivi kontra l-Ariana Afghan Airlines kienu mitmumin bil-UNSCR 1388(2002) tal-15 ta' Jannar 2002.

(7) Għalhekk l-Unjoni Ewropea adottat miżuri restrittivi skond il-UNSCR u l-1333(2000) għandu jkun irranġat skond il-UNSCR 1390(2002).

(8) Għal raġuni ta' ċarezza u ta' trasparenza dawk il-miżuri restrittivi mill-Unjoni Ewropea msemmija fil-Pożizzjonijiet Komuni tal-Kunsill għandhom jinġabru fi strument legali wieħed u għalhekk il-Pożizzjonijet Komuni 96/746/PESK [1], 1999/727/PESK [2], 2001/154/PESK [3] u 2001/771/PESK [4] ikunu mħassra.

(9) Jiħtieġ li l-Komunità tieħu passi biex iddaħħal ċerti miżuri,

ADOTTAT DIN IL-POŻIZZJONI KOMUNI:

Artikolu 1

Din il-Pożizzjoni Komuni tgħodd għal Usama bin Laden, membri ta' l-organizzazzjoni ta' l-Al-Qaida u t-Taliban u individwi oħrajn, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom, kif imsemmi fil-lista konformi ma' UNSCR 1267(1999) u 1333(2000) għandhom ikunu aġġornati mill-Kumitat stabbilit skond il-UNSCR (1267)1999.

Artikolu 2

1. Il-fornitura diretta jew indiretta, bejgħ u trasferiment, dirett jew indirett, ta' armamenti u affarijiet relatati ta' kull tip, li jinkludi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari u partijiet ta' bdil għall-imsemmi, mit-territorji ta' l-Istati Membri, jew jużaw il-bastimenti jew l-ajruplani ewlenin, jew minn ċittadini ta' l-Istati Membri barra t-territorji tagħhom, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-UNSCR 1390(2002), ikun ipprojbit.

2. Mingħajr preġudizzju għall-poteri tal-Istati Membri li jħaddmu l-awtorità pubblika, il-Komunità Ewropea, taġixxi fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha bit-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, ma tħallix/se timpedixxi l-fornitura diretta jew indiretta, bejgħ u trasferiment lill-individwi, gruppi, impriżi u entitajiet imsemmijin fl-Artikolu I ta' pariri tekniċi, għajnuna, jew tagħmir li għandu x'jaqsam ma' attivita militari minn territorji ta' l-Istati Membri, jew jużaw il-bastimenti jew l-ajruplani ewlenin, jew minn ċittadini ta' l-Istati Membri minn barra t-territorji tagħhom, taħt il-kondizzjonijiet stabbilti fil-UNSCR 1390(2002).

Artikolu 3

il-Komunità Ewropea, taġixxi fil-limiti tal-poteri mogħtija lilha bit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea:

- tordna l-iffriżar tal-fondi u l-assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi ta' l-individwi, gruppi impriżi u entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 1,

- se tiżgura li l-fondi, assi finanzjarji jew riżorsi ekonomiċi ma jkunux disponibbli, direttament jew indirettament, għall-benefiċċju ta' l-individwi, gruppi, impriżi u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 1.

Artikolu 4

L-Istati Membri se jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ma jħallux dħul fit-territorji jew passaġġ mit-territorji tagħhom ta' l-individwi msemmijin fl-Artikolu 1, skond il-kondizzjonijiet f'Paragrafu 2(b) ta' l-UNSCR 1390(2002).

Artikolu 5

Pożizzjonijiet Komuni 96/746/PESK, 1999/727/PESK, 2001/154/PESK u 2001/771/PESK huma hawnhekk imħassrin.

Artikolu 6

Din il-Pożizzjoni Komuni tidħol fis-seħħ fid-data li tkun adottata.

Din il-Pożizzjoni Komuni se tibqa' tkun riveduta kontinwament.

Artikolu 7

Din il-Pożizzjoni Komuni se tkun ippubblikata fil-Ġurnal Offiċjali.

Magħmula fi Brussell, fis-27 ta' Mejju 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

M. Arias Cañete

[1] ĠU L 342, tal-31.12.1996, p. 1.

[2] ĠU L 294, tas-16.11.1999, p. 1.

[3] ĠU L 57, tas-27.2.2001, p. 1.

[4] ĠU L 289, tas-6.11.2001, p. 36.

--------------------------------------------------