Official Journal L 316 , 20/11/2002 P. 0001 - 0003
Id-Deċiżjoni Nru 2045/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta'Ottubru 2002 li temenda d-Deċiżjoni Nru 1720/1999/KE li tadotta serje ta' azzjonijiet u miżuri biex tiżgura l-interoperabilità ta' u l-aċċess għan-networks trans-Ewropej għall-iskambju reċiproku elettroniku ta' tagħrif bejn l-amministrazzjonijiet (IDA) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 156 tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1], Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [2], Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni, Waqt li jaġixxu skond il-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3], Billi: (1) L-għan ta' Deċiżjoni Nru 1720/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [4] hu li l-Komunità tikseb grad għoli ta' interoperabilità bejn in-networks telematiċi trans-Ewropej stabbiliti bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Komunità sabiex isostnu l-istabbiliment ta' unjoni ekonomika u monetarja u l-implimentazzjoni tal-politika Komunitarja, kif ukoll biex jinkisbu benefiċċji sostanzjali għall-amministrazzjonijiet ta' l-Istati Membri u tal-Komunità billi jkunu razzjonalizzati l-operazzjonijiet u tkun imħaffa l-implimentazzjoni ta' networks ġodda u tisħiħ. (2) Il-benefiċċji ta' networks telematiċi trans-Ewropej għandhom ikunu estiżi għal ċittadini u intrapriżi tal-Komunità, notevolment f'dawk iż-żoni fejn dan jikkontribwixxi lejn l-għanijiet ta' l-inizjattiva eEurope u pjan ta' azzjoni relatat, speċjalment il-kapitolu dwar Gvern online. (3) Kont debitu għandu jittieħed tar-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fid-Dikjarazzjoni maħruġa fil-Konferenza Ministerjali dwar l-eGovernment"Mill-Politika għall-Prattika" miżmuma fi Brussel fid-29 u t-30 ta' Novembru 2001, kif ukoll il-konklużjonijiet tal-konferenza "eGovernment għas-servizz taċ-ċittadini u l-intrapriżi Ewropej — x'inhu meħtieġ fuq livell Ewropew", organizzata b'mod konġunt mill-Presidenza tal-Kunsill u l-Kummissjoni (IDA) fi Stokholma/Sandhamn fit-13 u l-14 ta' Ġunju 2001. (4) Fir-rigward tal-firxa ta' l-aħjar prattika, konferenzi, workshops u avvenimenti simili oħra għandhom ikunu organizzati sabiex ikun assigurat għarfien ġenerali tal-kisbiet u l-benefiċċji tal-proġetti u l-azzjonijiet IDA u jinkoraġġixxu diskussjoni wiesa' dwar id-direzzjoni u l-prijoritajiet futuri tal-programm IDA. (5) Għall-implimentazzjoni ta' l-Azzjonijiet Komunitarji stipulati fl-Artikoli 3 sa 10 tad-Deċiżjoni Nru. 1720/1990/KE għandu jkun iċċarat li proposti għal kwalunkwe żieda fl-estimi ta' aktar minn EUR 250000 għal kull proġett fi żmien sena huma suġġetti għal proċedura msemmija f'dik id-Deċiżjoni. (6) Wara l-interess muri minn Malta u mit-Turkija, il-programm IDA jista' jinfetaħ għall-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fl-azzjonijiet u miżuri orizzontali taħt id-Deċiżjoni Nru 1720/1999/KE. Qabel ma' l-programm IDA jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni sħiħa għall-pajjiżi kandidati kollha, il-possibilità ta' dawn il-pajjiżi li jużaw għas-spejjeż tagħhom is-servizzi ġeneriċi IDA sabiex jimplimentaw xi politika Komunitarja għandhom ikunu faċilitati. Din il-possibilità għandha tkun estiża wkoll lil pajjiżi mhux membri, taħt l-istess kondizzjonjiet. (7) Sabiex tkun maħluqa aktar flessibilità fl-allokazzjoni annwali ta' l-estimi, ammont finanzjarju ta' referenza għall-implimentazzjoni ta' l-azzjoni tal-Komunità taħt id-Deciżjoni Nru 1720/1999/KE għall-perjodu 2002-2004 għandha tkun introdotta, bl-appropjazzjonijiet annwali jkunu awtorizzati mill-awtorità ta' l-estimi fil-limiti tal-perspettiva finanazjarja. (8) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni għandhom ikunu addottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri ghall-eżerċizzju ta' poteri implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni [5]. (9) Id-Deciżjoni Nru 1720/1999/KE għandha tkun hekk emendata, IDDEĊIDEW KIF ĠEJ: L-Artikolu 1 Id-Deċiżjoni Nru 1720/1999/KE hija b'dan emendata kif ġej: 1. Fl-Artikolu 1(1): (a) il-punt (d) għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "(d) l-estensjoni tal-benefiċċji ta' dawk in-networks, kif imsemmija f'punt (ċ), għall-industrija tal-Komunità u ċ-ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea, notevolment f'dawk iż-żoni fejn dan jikkontribwixxi lejn l-għanijiet ta' l-inizjattiva eEurope u l-pjan ta' azzjoni relatat, b'mod partikolari l-kapitolu dwar il-Gvern online;" (b) il-punt li ġej għandu jkun miżjud: "(f) fejn ikun xieraq, l-identifikazzjoni u l-ħruġ ta' servizzi governattivi elettroniċi pan-Ewropej għal ċittadini u intrapiżi u servizzi governattivi elettroniċi relevanti oħra li għandhom jintużaw skond il-prijoritajiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tad- Deċiżjoni Nru 1719/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Lulju 1999 dwar serje ta' linji gwida, inkluża l-identifikazzjoni ta' proġetti ta' interess komuni, għal networks trans-Ewropej għall-iskambju reċiproku elettroniku ta' tagħrif bejn l-amministrazzjonijiet (IDA) [6]." 2. Il-paragrafu li ġej għandu jkun imdaħħal fl-Artikolu 3: "1a. Fejn xieraq, sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-azzjonijiet u l-miżuri orizzontali li għandhom jittieħdu, il-Komunità għandha tistabbilixxi deskrizzjoni ta' infrastruttura, li għandha isservi ta' pjattaforma għall-iżvilupp ta' proġetti ta' interess komuni, kif ukoll networks settorjali oħra, msemmija fid-Deċiżjoni 1719/1999/KE. L-infrastruttura deskritta għandha tikkomprendi qafas ta' interoperabilità għal networks, servizzi, sigurtà, applikazzjonijiet, kontenut u elementi relevanti oħra. Tista' tinkludi wkoll aspetti bħat-tmexxija meħtieġa, organizzazzjoni, responsabilitajiet u li jinqasmu l-ispejjeż. Id-deskrizzjoni għandu jkun fiha wkoll strateġija li għandha tintuża fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' l-infrastruttura. Id-deskrizzjoni għandha tkun riveduta darba fis-sena." 3. Il-paragrafu li ġej għandu jkun miżjud ma' l-Artikolu 10: "3. Il-Komunità għandha torganizza konferenzi, workshops u tipi ta' avvenimenti oħra sabiex tassigura għarfien ġenerali tal-kisbiet u l-benefiċċji tal-proġetti u azzjonijiet IDA u tinkoraġġixxi diskussjoni wiesa' dwar id-direzzjoni u l-prijoritajiet futuri tal-programm IDA." 4. L-Artikolu 11(2), (3) u (4) għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "2. It-taqsima tal-programm ta' ħidma IDA li tikkonċerna l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, li l-Kummissjoni għandha tħejji għat-tul kollu tagħha u li għandha tkun riveduta minn ta' l-anqas darbtejn fis-sena, għandha tkun approvata, fuq il-bażi tal-konformità tagħha mad-dispożizzjonijiet relevanti ta' l-Artikoli 3 sa 10, skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2). 3. Ir-regoli u proċeduri komuni sabiex ikun hemm interoperabilità teknika u amministrattiva għandhom ikunu adottati skond il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2). 4. Il-proċedura msemmija fl-Artikolu 12(2) għandha tapplika wkoll fir-rigward ta' l-approvazzjoni tad-diviżjoni ta' l-ispiża annwali ta' l-estimi taħt din id-Deċiżjoni. Proposti għal xi żidiet fl-estimi ta' aktar minn EUR 250000 kull proġett fi żmien sena għandhom ikunu suġġetti għal dik il-proċedura wkoll." 5. L-Artikolu 12 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "L-Artikolu 12 Il-Kumitat 1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat imsejjaħ il-Kumitat Telematiku bejn l-Amministrazzjonijiet (TAC), kompost minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u presedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. 2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE [7] għandhom japplikaw, wara li jkun ġie ikkunsidrat l-Artikolu 8 tagħha. Il-perjodu stipulat fl-Artikolu 4(3) ta' Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun ta' tliet xhur. 3. It-TAC għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura. 4. Il-Kummissjoni għandha tirraporta kull sena lit-TAC dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni." 6. L-Artikolu 14 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "L-Artikolu 14 Estensjoni għaż-ŻEE u l-pajjiżi assoċjati 1. Il-programm IDA jista' jinfetaħ, fi ħdan il-kwadru tal-ftehim rispettivi tagħhom mal-Komunità Ewropea, għall-parteċipazzjoni mill-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea u l-istati assoċjati ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant, Ċipru, Malta u t-Turkija fl-azzjonijiet u l-miżuri orizzontali taħt din id-Deċiżjoni. 2. Fil-kors ta' l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni, kooperazzjoni ma' pajjiżi mhux membri u ma' organizzazzjonjiet jew korpi internazzjonali, skond il-każ, għandha tkun inkoraġġita. 3. Qabel ma l-programm IDA jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom, il-pajjiżi assoċjati ta' l-Ewropa ċentrali u tal-lvant, Ċipru, Malta u t-Turkija jistgħu, għas-spejjeż tagħhom, jużaw servizzi ġeneriċi IDA, sabiex jimplimentaw xi politika tal-Komunità. 4. Pajjiżi oħra mhux membri jistgħu wkoll, għas-spejjeż tagħhom, jużaw servizzi ġeneriċi IDA sabiex tkun implimentata xi politika tal-Komunità." 7. L-Artikolu 15 għandu jkun sostitwit b'dan li ġej: "L-Artikolu 15 Ammont finanzjarju ta' referenza 1. L-ammont finanzjarju ta' referenza għall-implimentazzjoni ta' azzjoni tal-Komunità taħt din id-Deċiżjoni għall-perjodu 2002-2004 għandu jkun ta' EUR 34,2 miljun. 2. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom ikunu awtorizzati mill-awtorità ta' l-estimi fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja." L-Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Magħmula fi Brussel, fil-21 ta' Ottubru 2002. Għall-Parlament Ewropew Il-President P. Cox Għall-Kunsill Il-President P. S. Møller [1] ĠU C 332 E, tas-27.11.2001, p. 290. [2] ĠU C 80, tat-3.4.2002, p. 21. [3] L-Opinjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Ġunju 2002 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Settembru 2002. [4] ĠU L 203, tat-3.8.1999, p. 9. [5] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. [6] ĠU L 203, tat-3.8.1999, p. 1. [7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. --------------------------------------------------