32002D1247



Official Journal L 183 , 12/07/2002 P. 0001 - 0002


Id-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni

ta' l-1 ta' Lulju 2002

dwar ir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet tas-Superviżur Ewropew tal-protezzjoni tad-Data

IL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA U L-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 43 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [2],

Billi:

(1) Is-Superviżur Ewropew tal-protezzjoni tad-Data huwa korp indipendenti ta' sorveljanza fdat bil-monitoraġġ ta' l-applikazzjoni mill-istituzzjonijiet u korpi tal-Komunità ta' strumenti tal-Komunità li jirrelataw mal-protezzjoni ta' persuni naturali fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali u l-moviment liberu ta' dik id-data.

(2) Ir-Regoli tal-protezzjoni tad-data huma maħsuba biex jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta' l-individwi, b'mod partikolari l-ħajja privata u tal-familja tagħhom, fir-rigward ta' l-ipproċessar ta' data personali, b'mod partikolari skond l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u b'qies dovut għall-Artikoli 7 u 8 tal-Karta ta' l-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali. Dawk id-drittijiet fundamentali għandhom ikunu interpretati, skond il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej, fid-dawl ta' l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u t-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri. L-għan tal-protezzjoni tad-data għandu jkun sodisfatt fil-waqt li jitqies l-għan li l-informazzjoni disponibbli għaċ-ċittadini dwar attivitajiet pubbliċi ma tkunx limitata.

(3) L-istabbiliment effettiv ta' dan il-korp indipendenti ta' sorveljanza jitlob li jiġu stabbiliti r-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet tas-Superviżur Ewropew tal-protezzjoni tad-Data u ta' l-Assistent Superviżur.

(4) Il-parti il-kbira ta' l-elementi li għandhom ikunu inklużi fir-regolamenti u l-kondizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet tas-Superviżur Ewropew tal-protezzjoni tad-Data diġà jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 45/2001. Fih id-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-ħatra tas-Superviżur Ewropew tal-protezzjoni tad-Data u l-assistent Superviżur, għar-riżorsi umani u finanzjarji tagħhom, l-indipendenza tagħhom, l-obbligi tagħhom ta' segretezza professjonali, id-dmirijiet tagħhom u s-setgħat tagħhom. Ir-Regoli ta' Proċedura għas-Superviżur Ewropew tal-protezzjoni tad-Data, meħtieġa mill-Artikolu 46(k) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, għandu jkun fihom, b'mod partikolari, dispożizzjonijiet ta' proċedura li jirregolaw il-mod li bih huwa għandu jeserċita s-setgħat tiegħu.

(5) Is-Superviżur Ewropew tal-protezzjoni tad-Data huwa marbut bil-liġi tal-Komunità u għandu jħares ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 fir-rigward ta' l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni [3]. Huwa għandu għalhekk ikun marbut bid-dispożizzjonijiet tat-Trattat fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u l-libertajiet, li jistabbilixxu li t-teħid tad-deċiżjonijiet fl-Unjoni għandhom ikunu trasparenti kemm jista' jkun u li jipprovdu għal-protezzjoni ta' data personali, b'mod partikolari d-dritt għall-privatezza.

(6) Il-qafas finanzjarju ta' din id-Deċiżjoni għandu jkun kompatibbli mal-limitu presenti ta' l-intestatura 5.

(7) Żewġ aspetti prinċipali biss tar-regolamenti ma jinsabux fir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u għalhekk għandhom jiġu ċċarati. Huma jikkonċernaw l-iffissar tas-salarju tas- Superviżur u l-Assitent Superviżur, l-allowances tagħhom u xi benefiċċi oħra minflok remunerazzjoni, u s-sede tas-Superviżur. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-proċedura tal-ħatra tas-Superviżur tal-protezzjoni tad-Data u l-Assistent Superviżur għandhom ukoll jiġu ċċarati.

(8) Is-Superviżur tal-protezzjoni tad-Data għandu jkollu remunerazzjoni fuq l-istess livell bħal dak ta' l-Ombudsman Ewropew, minħabba l-ħtieġa ta' l-assigurazzjoni li s-Superviżur ikollu status proporzjonat mad-dmirijiet u s-setgħat tiegħu, u l-fatt li r-Regolament (KE) Nru 45/2001 fil-parti 'l kbira jsegwi l-eżempju ta' l-Ombudsman Ewropew fid-definizzjoni tal-profil istituzzjonali tas-Superviżur. L-Ombudsman Ewropew huwa fuq l-istess livell ta' mħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-remunerazzjoni, l-allowances u l-penzjoni ta' l-irtirar.

(9) L-Assistent Superviżur għandu jitqiegħed fuq l-istess livell tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-remunerazzjoni, allowances u penzjoni ta' l-irtirar, sabiex tiġi stabbilita ġerarkija bejnu/bejnha u s-Superviżur Ewropew, waqt li tagħmilhom it-tnejn suġġetti għall-istess tip ta' salarji, skond il-proċedura tal-ħatra tagħhom, il-mandat tagħhom u d-dmirijiet tagħhom.

(10) Is-sede tas-Superviżur Ewropew tal-protezzjoni tad-Data għandha tiġi stabbilita fi Brussel, sabiex tiġi assigurata l-prossimità li, minħabba n-natura tal-kompiti tiegħu/tagħha, għandha teżisti bejn is-Superviżur Ewropew u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità suġġetti għas-sorveljanza tiegħu/tagħha, u sabiex ikun faċilitat il-qadi bla xkiel tad-dmirijiet tiegħu/tagħha.

(11) Għandha tingħata konsiderazzjoni għall-limitu li għalih il-koperazzjoni mal-korpi ta' sorveljanza għall-protezzjoni tad-data stabbiliti bis-saħħa tat-Titolu VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif hemm provdut fl-Artikolu 46(f) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, għandha sservi biex jintlaħaq l-għan ta' assigurazzjoni tal-konsistenza fl-applikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri għas-sorveljanza tal-protezzjoni tad-data.

(12) Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' jiddeċiedi li jżomm seduta, miftuħa għall-membri kollha tal-Parlament, tal-kandidati imqegħda fuq il-lista mħejjija mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 wara sejħa pubblika għall-kandidati,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Remunerazzjoni tas-Superviżur Ewropew tal-protezzjoni tad-Data

Is-Superviżur Ewropew tal-protezzjoni tad-Data għandu jkun fuq l-istess livell bħal dak ta' mħallef tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward ta' l-istabbiliment tar-remunerazzjoni, allowances, penzjoni ta' l-irtirar u kull benefiċċju ieħor minflok remunerazzjoni.

Artikolu 2

Remunerazzjoni ta' Assistent Superviżur

L-Assistent Superviżur għadu jkun fuq livell bħal dak tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fir-rigward ta' l-istabbiliment tar-remunerazzjoni, allowances, penzjoni ta'l-irtirar u kull benefiċċju ieħor minflok remunerazzjoni.

Artikolu 3

Proċedura tal-ħatra

Is-Superviżur Ewropew tal-protezzjoni tad-Data u l-Assistent Superviżur għandhom jinħatru wara sejħa pubblika għall-kandidati. Is-sejħa għall-kandidati għandha tippermetti lill-partijiet kollha interessati ġewwa l-Komunità kollha li jibagħtu l-applikazzjonijiet tagħhom. Il-lista tal-kandidati għandha tkun pubblika. Fuq il-bażi tal-lista mħejjija mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista' jiddeċiedi li jiffissa seduta sabiex ikun jista' jesprimi preferenza.

Artikolu 4

Sede

Is-Superviżur Ewropew tal-protezzjoni tad-Data u l-Assistent Superviżur għandhom ikollhom is-sede tagħhom fi Brussel.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum li jiġi wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fi Brussel, fl-1 ta' Lulju 2002.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

M. Arias Cañete

Għall-Kummissjoni

R. Prodi

Il-President

[1] ĠU L 8, 12.01.01, p. 1.

[2] ĠU Ċ 304 E, tat- 30.10.2001, p. 178.

[3] ĠU L 145, 31.05.01, p. 43.

--------------------------------------------------