32002D1145



Official Journal L 170 , 29/06/2002 P. 0001 - 0006


Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1145/2002/KE

ta' l-10 ta' Ġunju 2002

dwar il-miżuri Komunitarji ta' inċentivazzjoni fil-qasam tax-xogħol

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

Il-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari Artikolu 235 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni [3],

Filwaqt li aġixxew skond il-proċedura stabbilita f'Artikolu 251 tat-Trattat [4], fid-dawl tat-test konġunt approvat mill-Kumitat tal-Konċiljazzjoni fit-3 ta' April 2002,

Billi:

(1) Artikolu 3 tat-Trattat jiddikjara illi l-attivitajiet tal-Komunità għandhom jinkludu t-tmexxija 'l quddiem tal-koordinament bejn il-politiki tax-xogħol ta' l-Istati Membri bil-ħsieb li tittejjeb l-effikaċja tagħhom billi tiġi żviluppata strateġija koordinata dwar ix-xogħol,

(2) Il-Laqgħa Straordinarja tal-Kunsill Ewropew dwar ix-Xogħol fil-Lussemburgu fl-20 u l-21 ta' Novembru 1999 varat strateġija ġenerali tax-xogħol, l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol, li tikkomprendi l-koordinazzjoni tal-politiki tax-xogħol ta' l-Istati Membri fuq il-bażi ta' linji gwida dwar ix-xogħol miftiehma b'mod komuni (il-proċess tal-Lussemburgu), il-kontinwazzjoni u l-iżvilupp ta' politika kkoordinata makro-ekonomika u ta' suq intern effiċjenti, bil-ħsieb li tibni s-sisien għal tkabbir sostenibbli, dinamiżmu ġdid u klima ta' fiduċja sabiex tinkoraġġixxi x-xogħol. Din l-istrateġija tinvolvi wkoll l-utilizzazzjoni f'manjiera iktar sistematika tal-politiki Komunitarji kollha sabiex jappoġġjaw ix-xogħol, kemm il-politiki tal-qafas u kemm il-politiki ta' appoġġ.

(3) Il-Kunsill Ewropew ta' Lisbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000 qabel dwar għan strateġiku ġdid sabiex l-Unjoni tibni ekonomija kompetittiva u dinamika msejsa fuq l-għerf kapaċi li ssostni t-tkabbir ekonomika b'xogħol iktar u aħjar u iktar koeżjoni soċjali u b'hekk terġa' tirbaħ il-kondizzjonijiet tax-xogħol għal kulħadd. Għal dan l-għan, iffissat firxa ġdida ta' miri u ta' punti ta' referenza u daħħlithom f'metodu ġdid u miftuħ ta' koordinament fil-livelli kollha akkoppjati ma' rwol iktar qawwi ta' gwida u koordinament għall-Kunsill Ewropew sabiex jiġu żgurati direzzjoni strateġika iktar koerenti u l-monitoraġġ iktar effettiv tal-progress. Barra minn hekk, talbet illi r-reviżjoni ta' nofs l-iskond tal-proċess tal-Lussmburgu għandha tagħti impuls ġdid billi tagħti linji gwida tax-xogħol b'miri iktar konkreti li jistabbilixxu rabtiet iktar mill-qrib maż-żoni l-oħra relevanti tal-politika.

(4) Qawwa speċifika ta' l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol hija illi l-Istati Membri jikkooperaw dwar politika tax-xogħol, filwaqt li jżommu d-dritt li jieħdu d-deċiżjonijiet approprjati skond iċ-ċirkostanzi individwali tagħhom. Qawwa oħra hija illi jitgħallmu mill-esperjenzi ta' xulxin, inklużi l-manjieri li bihom jinvolvu s-sieħba soċjali, u l-awtoritajiet lokali u reġjonali.

(5) Il-Kunsill Ewropew stabbilixxa f'numru ta' okkażjonijiet illi għandhom jiġu ddefinita u miġbura statistika u indikaturi paragunabbli u ta' min joqgħod fuqhom fil-qasam tax-xogħol.

(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/98/KE ta' l-24 ta' Jannar 2000 li tistabbilixxi l-Kumitat tax-Xogħol [5] timmira li tmexxi 'l quddiem il-kordinament bejn l-Istati Membri dwar il-politiki tax-xogħol u tas-suq tax-xogħol.

(7) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/171/KE tat-23 ta' Frar 1998 dwar l-attivitajiet Komunitarji li jirrigwardaw l-analiżi, ir-riċerka u l-kooperazzjoni fil-qasam tax-xogħol u fis-suq tax-xogħol [6] li pprovda dawn l-attivitajiet ma ssoktax japplika fil-31 ta' Diċembru 2000.

(8) Din id-Deċiżjoni għandha tipprovdi l-kontinwazzjoni u l-iżvilupp ta' l-attivitajiet fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 98/171/KE. Fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjonijiet skond din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tqis bis-sħiħ ir-riżultati tal-programm imwettaq skond id-Deċiżjoni 98/171/KE.

(9) Il-miżuri meħtieġa sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri sabiex jiġu eżerċitati l-poteri ta' implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni [7].

(10) Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi, għat-tul kollu taż-żmien ta' l-attivitajiet, qafas finanzjarju li jikkostitwixxi l-punt ewlieni ta' referenza, fit-tifsira tal-punt 33 tal-Ftehim Inter-istituzzjonali tas-6 ta' Mejju 1999 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina fl-estimi finanzjarji u t-titjib fil-proċedura ta' l-estimi finanzjarji [8], għall-awtorita ta' l-estimi finanzjarji matul il-proċedura ta' kull sena dwar l-estimi finanzjarji,

IDDEĊIDEW DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-mod kif jiġu stabbiliti l-attivitajiet Komunitarji

L-attivitajiet Komunitarji li jirrigwardaw l-analiżi, ir-riċerka u l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fil-qasam tax-xogħol u fis-suq tax-xogħol għandhom jitwettqu fil-perjodu taż-żmien mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2006.

Artikolu 2

Il-Prinċipji

1. L-attivitajiet referiti f'din id-Deċiżjoni huma dawk marbuta direttament ma' l-implimentazzjoni tat-Titolu VIII tat-Trattat.

2. L-attivitajiet għandhom jikkontribwixxu għall-kibsa ta' l-għan ġdid strateġiku ffissat mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa ta' Lisbona li jagħti poter lill-Komunità li tistabbilixxi mill-ġdid il-kondizzjonijiet tax-xogħol għal kulħadd.

Artikolu 3

Skopijiet

1. L-għanijiet ta' dawn l-attivitajiet huma:

(a) li tirfed approċċ ikkoordinat rigward il-politika tax-xogħol fil-Komunità ġewwa l-għan ġenerali li togħla r-rata tax-xogħol iddikjarata mill-Kunsill Ewropew ta' Lisbona;

(b) li tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' l-istrteġija kkoordinata dwar ix-xogħol permezz ta' l-analiżi, il-monitoraġġ u l-appoġġ ta' l-azzjonijiet imwettqa fl-Istati Membri, bir-rigward dovut lejn ir-responsabbiltajiet ta' dawn ta' l-aħħar f'dan il-qasam;

(ċ) li tiżviluppa, issegwi u tevalwa l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol b'enfasi qawwi li jħares "il quddiem;"

(d) li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fl-analiżi, ir-riċerka u l-monitoraġġ tal-politika tas-suq tax-xogħol;

(e) li tidentifika l-aħjar prattiċi u tippromwovi l-iskambji u t-trasferiment tat-tagħrif u l-esperjenza;

(f) li tiżviluppa l-avviċinament u l-kontenut ta' l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol, inklużi l-manjieri tal-kooperazzjoni ma' l-imsieħba soċjali u l-awtorijajiet lokali u reġjonali relevanti, u

(ġ) li timplimenta politika attiva ta' tagħrif li tirrispondi għall-ħtieġa pubblika għat-trasparenza u li tagħraf l-importanza li jiġi żgurat illi ċ-ċittadini Ewropej ikunu jistgħu jiġu mgħarrfa bis-sħiħ dwar l-aspetti kollha ta' l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol. Dan jinkiseb b'mod partikolari b'miżuri speċifiċi ta' tagħrif sabiex tiżdied il-konoxxenza ġenerali dwar l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol u billi jintgħamel Pakkett tax-Xogħol li jinkludi l-pjani nazzjonali ta' azjoni dwar ix-xogħol, u l-evalwazzjoni tagħhom kif ippreżentati fir-Rapport Konġunt dwar ix-xogħol, aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, notabbilment permezz ta' l-użu tal-faċilitajit ta' l-internet.

2. L-analiżi fil-kuntest ta' dawn l-attivitajiet għandu jkun speċifiku skond is-sess kemm jista "jkun."

Artikolu 4

Il-miżuri Komunitarji

1. Filwaqt li jinżammu fil-moħħ il-prinċipji dikjarati f'Artikolu 2 u bil-ħsieb li jinkisbu l-għanijiet referiti f'Artikolu 3, il-miżuri Komunitarji għandhom ikopru l-attivitajiet li ġejjin:

(a) l-analiżi u l-evalwazzjoni tax-xejriet tax-xogħol u tal-kondizzjonijiet tal-qafas tal-politika; l-analiżi prospettiva dwar l-oqsma tal-politika ta' importanza għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri għall-istima ta' l-għażliet tal-politika u l-impatt fuq il-politika Komunitarja; analiżi u riċerka li jħarsu 'l quddiem dwar il-kwistjonijiet tal-politika l-ġdida li jinħolqu fl-iżvilupp ta' l-istrateġija kkoordinata tax-xogħol;

(b) li jiġi provdut l-appoġġ għall-isforzi ta' l-Istati Membri fl-istima f'manjiera konsistenti u koordinata tal-Pjani Nazzjonali tagħhom ta' Azzjoni għax-Xogħol, li tinkludi l-manjiera li fiha l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali relevanti ġew u jistgħu jiġu involuti fl-implimentazzjoni tagħhom. Għandu jiġi kompletat eżerċizzju speċjali ta' evalwazzjoni fl-aħħar ta' l-ewwel perjodu taż-żmien ta' l-applikazzjoni tal-linji gwida annwali tal-politika dwar ix-xogħol miftiehma fil-proċess tal-Lussemburgu;

(ċ) evalwazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva ta' l-effetti b'mod ġenerali ta' l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol, li tinkludi stima ta' l-effikaċja tal-metodoloġija użata u analiżi tal-konsistenza bejn l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol u l-politika ġenerali ekonomika, kif ukoll oqsma oħra tal-politika;

(d) li tinġieb flimkien u tiġi skambjata l-esperjenza fl-Istati Membri li tinkludi l-proċess tal-veduti mill-ġdid ta' l-impar, f'termini kemm tal-pilastri u kemm tal-linji gwida individwali, kif iddefiniti fil-Linji Gwida tal-Politika dwar ix-Xogħol għall-Istati Membri. Iż-żieda ta' din il-kooperazzjoni trid tgħin lill-Istati Membri fl-iżvilupp tal-politiki tagħhom dwar ix-xogħol fid-dawl tal-lezzjonijiet mitgħallma;

(e) il-monitoraġġ ta' l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol fl-Istati Membri, b'mod partikolari permezz ta' l-Osservatorju Ewropew dwar ix-Xogħol;

(f) ix-xogħol tekniku u xjentifiku meħtieġ sabiex jifred l-iżvilupp ta' l-indikaturi komuni kwantitattivi u kwalitattivi, itejjeb u jikkompleta l-istatistiċi, it-twettiq tax-xogħol tal-punti ta' referenza u l-iskambju tat-tagħrif dwar l-aħjar prattiċi;

(ġ) tappoġġja dak li jistgħu jikkontribwixxu l-presidenzi tal-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea sabiex joħloq punt fokali speċjali dwar l-elementi ta' prijorità ta' l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol u dwar l-okkażjonijiet speċjali ta' importanza internazzjonali għolja jew ta' interess ġenerali lill-Komunità u lill-Istati Membri.

2. Skond l-attivitajiet referiti fil-paragrafu 1, għandha tingħata attenzjoni speċjali lil dawk in-nies li jesperjenzjaw taħlita flimkien ta' żvantaġġi li jinibixxu l-prospetti tagħhom li jipparteċipaw b'mod attiv fis-suq tax-xogħol. B'żieda ma' dan, għandhom isiru sforzi sabiex il-prinċipju ta' l-ugwalità bejn is-sessi jitqiegħed fil-kurrent prinċipali, b'mod partikolari rigward l-ugwaljanza ta' l-opportunitajiet għall-irġiel u għan-nisa fix-xogħol u fis-swieq tax-xogħol u li jiġu rrikonċiljati l-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tal-familja.

3. Fl-implimentazzjoni tal-miżuri referiti fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqis l-informazzjoni statistika, l-istudji u r-rapporti dwar il-proġetti disponibbli minn għand l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħalma huma l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni Ekonomika u l-Iżvilupp (OECD) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).

4. L-attivitajiet referiti fil-paragrafu 1 għandhom ikunu msejsa fuq l-għan li jiġi żgurat livell għoli ta' għarfien dwar l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol fil-livelli ġeografiċi kollha ta' l-Unjoni Ewropea sabiex il-pubbliku ġenerali u l-gruppi ta' interess, bħalma huma l-imsieħba soċjali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u atturi oħra lokali ta' l-ikbar importanza, inkluż is-settur ta' l-ekonomija soċjali, ikunu konxji mill-potenzjal tagħhom sabiex itejbu l-prospetti ekonomiċi u soċjali tal-lokalitajiet tagħhom u jiġu mħeġġa u mogħtija l-faċilità li jikkontribwixxu għal dan l-għan.

L-attivitajiet immirati sabiex jippromwovu l-kooperazzjoni, l-avviċinamenti ta' l-aħjar prattika u innovattivi, itejbu l-għerf, jiżviluppaw skambju ta' tagħrif u jevalwaw l-esperjenzi fl-implimentazzjoni tal-Pjani Nazzjonali ta' Azzjoni fil-livelli kollha, iridu jinkludu:

(a) studji dwar l-avviċinamenti u l-miżuri nnovattivi kollha li għandhom x'jaqsmu ma' l-implimentazzjoni ta' l-istrateġija tax-Xogħol u li jinkludu l-livell lokali u reġjonali;

(b) l-iskambju ta' l-esperjenzi sabiex jippromwovi l-aħjar prattiċi u li jinkludu l-livell lokali u reġjonali;

(ċ) studji dwar il-miżuri li jħeġġu lis-sieħba lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol;

(d) it-tixrid tar-riżultati ta' l-istudji msemmija hawn fuq dwar l-implimentazzjoni ta' l-Istrateġija Ewropea dwar ix-Xogħol u li jinkludu l-livelli lokali u reġjonali.

Artikolu 5

Ir-riżultati

Ir-riżultati ta' l-attivitajiet referiti f'Artikolu 4 għandhom jintużaw jew jiġu ppubblikati skond it-tip ta' l-attività involuta, li jinkludu:

1. ir-rapport dwar ix-Xogħol fl-Ewropa u pubblikazzjonijiet, dokumenti tax-xogħol u rapporti oħra li jridu jiġu ssottomessi lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tax-Xogħol; inklużi r-rapporti dwar l-evalwazzjoni tal-proċess tal-Lussemburgu referit f'Artikolu 4(1)(b);

2. seminarji nazzjonali bi tħejjija għall-Pjani Nazzjonali ta' Azzjoni dwar ix-Xogħol, seminarji nazzjonali dwar il-politika tax-xogħol jew l-organizzazzjoni ta' okkażjonijiet importanti internazzjonali dwar it-temi ta' prijorità jew it-temi ta' importanza ġenerali;

3. l-użu tal-faċilitajiet ta' l-Internet għat-tixrid tar-riżultati (il-pubblikazzjoni fuq il-web, seminars u chats bl-Internet) bħala għodda sabiex irawmu l-kooperazzjoni u l-iskambju tat-tagħrif.

Artikolu 6

Il-konsistenza u l-kumplimentarjetà

Il-Kummissjoni għandha tieħu l-passi kollha sabiex tiżgura l-konsistenza u l-assenza tat-tennija bejn il-miżuri implimentati skond din id-Deċiżjoni u dawk ta' programmi u inizjattivi oħra relevanti Komunitarji li jkollhom x'jaqsmu magħhom. F'dan ir-rigward għandha tingħata prijorità għolja lill-istima kemm pożittiva u kemm negattiva tar-riżultati tal-miżuri kollha assistiti minn dawn il-programmi u inizjattivi li għandhom x "jaqsmu ma" xulxin u li jiġi żgurat illi l-lezzjonijiet mgħallma fi sfera waħda jgħarrfu progressivament lill-attivitajiet li jkunu qegħdin jiġu midħula għalihom fi sferi oħra. Għal dan l-għan il-Kummissjoni għandha tiżgura r-rabtiet interni ma' programmi u inizjattivi oħra Komunitarji relevanti u ma' l-aġenziji deċentralizzati.

Artikolu 7

Il-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi

1. L-attivitajiet li jistgħu jkunu miftuħa għall-parteċipazzjoni mill-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea, il-pajjiżi assoċjati ta' l-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, Ċipru, Malta u t-Turkija, u l-pajjiżi tal-Mediterran li huma sieħba ta' l-Unjoni Ewropea għandhom jiġu ddefiniti fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta' l-Unjoni Ewropea ma "dawn il-pajjiżi."

2. L-ispejjeż tal-parteċipazzjoni referita fil-paragrafu 1 għandhom jinġarru jew mill-pajjiżi interessati jew taħt l-intestaturi ta' l-estimi finanzjarji tal-Komunità li jkopru l-implimentazzjoni ta' kull ftehim ta' kooperazzjoni, assoċjazzjoni jew sħubija ma' dawn il-pajjiżi fil-qasam interessat.

Artikolu 8

Il-miżuri ta' implementazzjoni

1. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni li għandhom x'jaqsmu mal-kwistjonijiet li għalihom issir referenza hawn taħt għandhom jiġu adottati skond il-proċedura maniġerjali referita f'Artikolu 9(2):

(a) il-linji gwida għall-implimentazzjoni ta' l-attivitajiet u l-pjan annwali tax-xogħol;

(b) it-tqassim waħda waħda tal-finanzjament bejn il-miżuri;

(ċ) il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-għażla tal-kriterji għall-appoġġ finanzjarju;

(d) il-kriterji sabiex jiġu stmati l-attivitajiet li jirċievu dan l-appoġġ, u l-proċedura sabiex jiġu mxerrda u trasferiti r-riżultati.

2. Il-miżuri meħtieġa sabiex jimplimentaw din id-Deċiżjoni li għandhom x'jaqsmu mal-materji l-oħra kollha għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ta' konsultazzjoni referita f'Artikolu 9(3).

Artikolu 9

Il-Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna minn Kumitat.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 8 tagħha.

Il-perjodu taż-żmien stabbilit f'Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jiġi ffissat għal xahrejn.

3. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw Artikoli 3 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-dispożizzjonijiet ta' Artikolu 8 tagħha.

4. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

Artikolu 10

Il-kooperazzjoni ma' Kumitati oħra

Sabiex tiżgura l-konsistenza u l-kumplimentarjetà ta' dawn l-attivitajiet mal-miżuri l-oħra referiti f'Artikolu 6, il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat referit f'Artikolu 9 imgħarraf regolarment dwar l-azzjonijiet l-oħra relevanti. Meta approprjat, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-kooperazzjoni regolari u strutturata bejn dan il-Kumitat u l-kumitati stabbiliti għall-politiki, l-istrumenti u l-azzjonijiet l-oħra relevanti.

Artikolu 11

Ir-rabtiet li jridu jiġu stabbiliti

Mingħajr preġudizzju għal Artikoli 8, 9 u 10, il-Kummisjoni għandha tistabbilixxi r-rabtiet meħtieġa mal-Kumitat tax-Xogħol, sabiex tiżgura illi dan il-Kumitat ikun imgħarraf regolarment u bil-mod approprjat dwar l-implimentazzjoni ta' l-attivitajiet referiti f'din id-Deċiżjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha, ġewwa l-qafas ta' l-attivitajiet referiti f'din id-Deċiżjoni, tistabbilixxi r-rabtiet meħtieġa mal-Parlament Ewropew u l-imsieħba soċjali u tiskambja l-veduti magħhom regolarment. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha tagħmel it-tagħrif relevanti disponibbli lill-Palament Ewropew u lill-imsieħba soċjali. Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Kumitat tax-Xogħol u lill-Kumitat referit f'Artikolu 9 bil-veduti tal-Parlament Ewropew u ta' l-imsieħba soċjali.

Artikolu 12

Il-Finanzjament

1. Il-qafas finanzjarju sabiex jiġu implimentati l-attivitajiet Komunitarji referiti f'din id-Deċiżjoni għall-perjodu taż-żmien mill-1 ta' Jannar 2002 sal-31 ta' Diċembru 2006 għandu jkun ta' EUR 55 miljun.

2. L-approprjazzjonijiet annwali għandhom jiġu awtorizzati mill-awtorità ta' l-estimi fil-limiti tal-perspettiva finanzjarja.

3. Il-Kummissjoni tista' tagħmel rikors għall-għajnuna teknika u/jew amministrattiva, għall-benefiċċju reċiproku tal-Kummissjoni u għall-benefiċjarji, kif ukoll għalbiex tappoġġja n-nefqa.

Artikolu 13

L-evalwazzjoni u l-monitoraġġ

1. Il-Kummissjoni għandha tidentifika l-indikaturi ta' eżekuzzjoni għall-azzjonijiet, timmonitorja r-riżulti interim u twettaq evalwazzjonijiet fit-tielet sena (f'nofs l-iskond) u kmieni matul l-aħħar sena (ex-post) ta' l-attivitajiet. L-evalwazzjonijiet għandhom jistmaw l-impatt miksub u l-effikaċja ta' l-użu tar-riżorsi, u jipprovdu rakkomandazzjonijit orjentati lejn id-deċiżjonijiet għall-aġġustamenti u l-estensjoni eventwalment ta' l-attivitajiet.

2. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-riżultati ta' l-azzjonijiet midħula għalihom disponibbli lill-pubbliku.

3. Fid-dawl ta' l-evalwazzjonijiet, il-Kummissjoni tista' tipproponi estensjoni ta' l-attivitajiet.

4. Il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport interim dwar ir-riżultati ta' l-attivitajiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni l-iktar tard sal-31 ta' Diċembru 2004, u rapport finali l-iktar tard sal-31 ta' Diċembru 2007. Għandha tinkorpora f'dan ir-rapporti t-tagħrif dwar il-finanzjament Komunitarju ġewwa l-qafas ta' l-attivitajiet u l-konsistenza u l-kumplimentarjetà mal-programmi, l-azzjonijiet u l-inizjattivi l-oħra relevanti, kif ukoll mar-riżultati relevanti ta' l-evalwazzjoni.

Artikolu 14

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Magħmula fil-Lussemburgu, fl-10 ta' Ġunju 2002.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

P. Cox

Għall-Kunsill

Il-President

J. Piqué I Camps

[1] ĠU Ċ 337 E, tat- 28.11.2000, p. 242.

[2] ĠU Ċ 139, tal- 11.5.2001, p. 30.

[3] ĠU Ċ 144, tas- 16.05.2001, p. 30.

[4] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-14 ta' Frar 2001 (ĠU Ċ 276, ta' l- 1.10.2001, p. 53), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2001 (ĠU Ċ 301, tas- 26.10/2001, p. 14) u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ottubru 2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' April 2002 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Mejju 2002.

[5] ĠU L 29, ta' l-4.2.2000, p. 21.

[6] ĠU L 63, ta' l-4.3.1998, p. 26.

[7] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23.

[8] ĠU Ċ 172, tat- 18.6.1999, p. 1.

--------------------------------------------------