Official Journal L 308 , 09/11/2002 P. 0045 - 0045
Id-Deċiżjoni tal-Kumissjoni tas-7 ta' Novembru ta' l-2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE fir-rigward ta' limiti ta' żmien li fihom it-tnabar ta' pressjoni, xkafef ċilindriċi u tankijiet għat-trasport ta' merkanzija perikoluża bit-triq għandhom jikkonformaw magħha (in notifikata fid-dokument numru C(2002) 4344) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (2002/886/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 94/55/KE tal-21 ta' Novembru 1994 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri fir-rigward tat-trasport tal-merkanzija perikoluża bit-triq [1], kif l-aħħar emendat bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/7/KE [2], u b'mod partikolari l-Artikolu 6(4) tat-tielet subparagrafu tiegħu, Billi: (1) L-istandards Ewropej li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ddettaljati li jirrelataw għall-kostruzzjoni, l-użu u l-kondizzjonijiet ta' trasport ta' tnabar ta' pressjoni, xkafef ċilindriċi u tankijiet għat-trasport ta' merkanzija perikoluża bit-triq ma ġewx miżjuda ma' l-Annessi A u B tad-Direttiva 94/55/KE, billi l-istandardizzazzjoni tas-CEN fuqhom għad mhijiex kompleta. (2) Huwa għalhekk neċessarju li l-limiti ta' żmien, iffissati fl-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 94/55/KE, li permezz tiegħu dawn it-tnabar ta' pressjoni, xkafef ċilindriċi u tankijiet għandhom jikkonformaw mad-Direttiva 94/55/KE, jiġu ddiferiti. (3) Id-Direttiva 94/55/KE għandha għalhekk tiġi emendata kif meħtieġ. (4) Sabiex tiġi evitata kull inċertezza legali din id-deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Lulju 2001, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 6(4) tad-Direttiva 94/55/KE għandu jiġi ssostitwit b'li ġej: "Kull Stat Membru jista jżomm id-disposizzjonijiet nazzjonali tiegħu fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 1996 li jirrelataw għall-kostruzzjoni, l-użu u l-kondizzjonijiet ta' trasport ta' tnabar ġodda ta' pressjoni u xkafef ċilindriċi fis-sens tad-disposizzjoni speċjali msemmija fil-paragrafu 4 ta' l-Anness Ċ u tankijiet ġodda li ma jikkonformawx ma' l-Annessi A u B, sakemm referenzi għall-istandards għall-kostruzzjoni u l-użu ta' tankijiet, tnabar ta' pressjoni u xkafef ċilindriċi bl-istess forza li torbot daqs id-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma miżjuda ma' l-Annessi A u B u f'kull każ sa mhux iktar tard mit-30 ta' Ġunju ta' l-2003. Tnabar tal-pressjoni, xkafef ċilindriċi u tankijiet mibnija qabel l-1 ta' Lulju ta' l-2003 u kontenituri oħrajn mibnija qabel l-1 ta' Lulju 2001 u miżmuma għall-livelli ta' sigurtà meħtieġa jistgħu jibqgħu jintużaw taħt il-kondizzjonijiet oriġinali." Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta' Lulju 2001. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussel, is-7 ta' Novembru ta' l-2002. Għall-Kumissjoni Loyola De Palacio Viċi-President [1] ĠU L 319, tat-12.12.1994, p. 7. [2] ĠU L 30, ta' l-1.2.2001, p. 43. --------------------------------------------------