Official Journal L 289 , 26/10/2002 P. 0030 - 0030
Id-Deċiżjoni tal-Kumissjoni tat-23 ta' Ottubru ta' l-2002 li temenda d-Direttiva 2001/14/KE fir-rigward tad-data għat-tibdil ta' l-iskeda tax-xogħol għat-trasport bil-ferrovija (in notifikata fid-dokument bin-numru C(2002) 3997) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (2002/844/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar ta' l-2001 dwar l-allokazzjoni ta' l-infrastruttura tal-kapaċità ta' binarji tal-ferrovija u l-imposta ta' piżijiet għall-użu ta' l-infrastruttura ta' binarji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 34(3) tagħha, Billi: (1) L-Anness III tad-Direttiva 2001/14/KE jistabbilixxi l-iskeda għall-proċess ta' l-allokazzjoni tal-kapaċità ta' l-infrastruttura tal-ferrovija u jistipula li bidliet fl-iskeda tax-xogħol għandhom iseħħu kull sena f'nofs il-lejl fl-aħħar Sibt f'Mejju. (2) Għal raġunijiet ta' operazzjoni kummerċjali, amministraturi ta' l-infrastruttura u kumpanniji tal-ferrovija qegħdin jipproponu li d-data għal bidliet għall-iskeda tax-xogħol jiġu spustjati għal Diċembru ta' kull sena. (3) L-Anness III għad-Direttiva 2001/14/KE għandu jiġi emendat kif meħtieġ. (4) Il-miżuri stabbiliti f'din id-Deċiżjoni huma in konformità ma' l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skond id-Direttiva 2001/14/KE, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Il-Paragrafu 2 ta' l-anness III għad-Direttiva 2001/14/KE huwa hawnhewkk issostitwit b'li ġej: "2. Il-bidla ta' l-iskeda tax-xogħol għandha sseħħ f'nofs il-lejl fit-tieni Sibt f'Diċembru. Meta bidla jew aġġustament jitwettqu wara x-xitwa, b'mod partikolari sabiex jittieħed kont, meta approprjat, tal-bidliet fi skedi ta' traffiku ta' passiġġieri reġjonali, għandhom isseħħu f'nofs il-lejl fit-tieni Sibt f'Ġunju u f'dawn l-intervalli l-oħrajn bejn dawn id-dati kif meħtieġ. Amministraturi ta' l-infrastruttura jistgħu jiftiehmu fuq dati differenti u f'dan il-każ għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni jekk traffiku internazzjonali jista' jiġi effettwat." Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tiġi applikata għall-iskeda ta' l-2003, li tibda fl-14 ta' Diċembru ta' l-2002. Minħabba s-sistema speċifika regolatorja fl-Ingilterra r-Renju Unit jista' japplikaha mill-iskema ta' l-2004, li tibda f'Diċembru ta' l-2003, sakemm id-disposizzjonijiet l-oħrajn tad-Direttiva, u b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-kooperazzjoni internazzjonali, mhumiex affettwati. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, it-23 ta' Ottubru ta' l-2002. Għall-Kumissjoni Loyola De Palacio Viċi-President [1] ĠU L 75, tal-15.3.2001, p.29. --------------------------------------------------