32002D0586



Official Journal L 187 , 16/07/2002 P. 0048 - 0049


Deċiżjoni tal-kunsill

tat-12 ta' Lulju 2002

dwar l-emenda għall-parti VI ta' l-istruzzjonijiet konsulari komuni

(2002/586/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 789/2001 ta' l-24 ta' April 2001 li jirriserva lill-Kunsill poteri ta' implimentazzjoni rigward ċerti disposizzjonijiet dettaljati u proċeduri prattiċi biex jiġu eżaminati applikazzjonijiet tal-viża [1],

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju ta' l-Ispanja,

Billi:

(1) L-istabbiliment ta' format uniformi ta' viża u, partikolarment, regoli komuni dwar metodi ta' teknika u livelli stabbiliti li għandhom jintużaw biex timtela l-formola huma elementi essenzali fl-armonizzazzjoni ta' politika tal-viża.

(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/1995 tad-29 ta' Mejju 1995 li jippreskrivi format uniformi għal viżajiet [2] emendat mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 334/2002 [3], jistabbilixxi aktar speċifikazzjonijiet tekniċi ta' sigurta kontra frodi u falsifikazzjoni, inkluż partikolarment l-integrazzjoni ta' ritratt prodott skond livelli stabbiliti ta' sigurtà għolja; huwa għalhekk meħtieġ li tiġi adattata parti VI ta' l-istruzzjonijiet konsulari komuni biex jiġu inkorporati dawn il-miżuri ġodda meta timtela l-istiker uniformi ġdida tal-viża.

(3) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 333/2002 [4] jippreskrivi format uniformi għal formoli biex titwaħħal viża, li għandhom jiġu prodotti bi qbil ma' ċerti speċifikazzjonijiet tekniċi, li jistgħu jinkludu wkoll karatteristiċi u ħtiġijiet ta' sigurta, partikolarment livelli stabbiliti aktar għolja biex jipprevjenu frodi u falsifikazzjoni; l-istruzzjonijiet konsulari komuni għandhom jiġu adattati kif xieraq għall-proċeduri biex jiġi applikat dan ir-Regolament.

(4) Bi qbil ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka annessi mat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhijiex tipparteċipa fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni timmira biex jibqa' jinbena il-Acquis ta' Schengen skond id-disposizzjonjiet tat-Titolu IV tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka għandha, bi qbil ma' l-Artikolu 5 tal-Protokoll msemmi, tiddeċiedi f'perjodu ta' sitt xhur wara li l-Kunsill adotta din id-Deċiżjoni jekk hux se tbiddilha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(5) Rigward ir-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja, din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-disposizzjonijiet tal-Acquis ta' Schengen li jidħlu taħt l-erja riferita fl-Artikolu1(B) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/EC tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti biex jiġi applikat il-Ftehim konkluż mill-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' l-Islanda u r-Renju tan-Norveġja li għandu x'jaqsam ma' l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati bl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-Acquis ta' Schengen [5].

(6) Bi qbil ma' l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u ta' l-Irlanda anness mat-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, dawk l-Istati Membri msemmija fuq mhumiex qed jipparteċipaw fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u għalhekk mhumiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Parti VI ta' l-istruzzjonijiet konsulari komuni għandha tiġi emendata kif ġej:

1. F'punt 1.6, it-tieni paragrafu għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Fejn, minħabba li d-dokument ta' l-ivjaġġar tal-possessur ma jintgħarafx, il-format uniformi għal formoli huwa użat għall-viża, il-missjoni diplomatika jew post konsulari tal-ħruġ jistgħu jagħżlu li jużaw l-istess formola biex jestendu l-validità tal-viża lir-raġel jew il-mara tal-possessur u lil minuri li jakkompanjawhom li huma dipendenti fuq il-possessur tal-formola li jakkompanja l-possessur jew jinħarġu formoli separati għall-possessur, ir-raġel jew il-mara tiegħu u kull persuna dipendenti fuqu, bil-viża korrespondenti mwaħħla fuq kull formola separatament.

In-numru tal-passaport huwa n-numru tas-serje li huwa stampat minn qabel jew perforat fuq il-paġni kollha jew kważi kollha tal-passaport.

In-numru li għandhom jiġi entrat taħt din l-intestatura, fil-każ ta' viża li għandha titwaħħal mal-formola uniformi tal-format, mhuwiex in-numru tal-passaport imma l-istess numru tipografiku li jidher fuq il-formola, magħmul minn sitt ċifri, li jistgħu jkunu akkumpanjati mill-ittra jew ittri assenjati lill-Istat Membru jew grupp ta' Stati Membri li jkunu ħarġu l-viża."

2. Wara l-punt 1.7, għandu jiżdied il-punt li ġej:

"1.8. Intestatura ta' "kunjom u isem"

L-ewwel isem fil-kaxxa "isem" segwit mill-ewwel kelma fil-kaxxa ‘l-ewwel isem” tal-passaport tal-possessur tal-viża jew tad-dokument ta' l-ivjaġġar għandhom jinkitbu f'dik l-ordni. Il-missjoni diplomatika jew post konsular għandhom jivverifikaw li l-isem u l-ewwel isem li jidhru fil-passaport jew fid-dokument ta' l-ivjaġġar u li għandhom jiġu entrati taħt din l-intestatura u fit-taqsima li għandha tiġi skannjata elettronikament huma l-istess bħal dawk li jidhru fl-applikazzjoni għall-viża."

3. Punt 3 għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"3. Taqsima għar-ritratt

Ir-ritratt tal-possessur tal-viża, bil-kulur, għandu jiġi ntegrat fl-ispazju riservat għal dak il-għan kif jidher fl-Anness 8. Ir-regoli li ġejjin għandhom jiġu osservati rigward ir-ritratt li għandu jiġi integrat fl-istiker tal-viża.

Id-daqs tar-ras mill-geddum sal-qurriegħa għandu jkun bejn 70 % u 80 % tad-dimensjoni vertikali tal-wiċċ tar-ritratt.

Il-ħtiġijiet minimi ta' resoluzzjoni għandhom ikunu:

- 300 pixels kull pulzier (pixels per inch - ppi), mhux kompressat, għall-iscanning,

- 720 tikka kull pulzier (ppi) għall-istampar ta' ritratti bil-kulur.

Fl-assenza ta' ritratt, għandu jkun obbligatorju li jiddaħħal il-kliem "validu mingħajr ritratt" f'din it-taqsima f'żewġ lingwi jew tlieta (il-lingwa ta' l-Istat Membru li qed joħroġ il-viża, ingliż u Franċiż). Dan il-kliem għandu bħala prinċipju jiġi entrat permezz ta' printer u, eċċezzjonalment, timbru speċifiku, li f'dak il-każ it-timbru għandu jkopri wkoll parti mit-taqsima rotogravure li n-naħa tax-xellug jew tal-lemin tagħha tiddelimita l-ispazju biex jiġi integrat ir-ritratt."

4. F'punt 5.4, it-tielet paragrafu għandu jiġi mibdul b'dan li ġej:

"Jekk id-dokument ta' l-ivjaġġar ma jintgħarafx bħala wieħed validu minn Stat Membru jew aktar, il-viża għandha jkollha biss validità territorjali. Il-missjoni diplomatika jew post konsulari ta' Stat Membru għandhom jużaw il-formola uniformi tal-format biex tiwaħħal viża maħruġa lill-possessuri ta' dokument ta' l-ivjaġġar mhux magħruf mill-Istat Membru li joħroġ il-formola. Din il-viża għandu jkollha validità territorjali limitata."

5. Wara l-punt 5.4, għandu jiżdied il-punt li ġej:

"5.5. Timbru tal-missjoni diplomatika jew post konsulari tal-ħruġ

It-timbru tal-missjoni diplomatika jew post konsulari li qed joħroġ il-viża għandu jitwaħħal fit-taqsima "Kummenti", b'attenzjoni speċjali biex jiġi żgurat li l-fatti magħrufa jkunu jistgħu jinqraw, u għandhom jestendu lil hinn minn kull stiker fuq il-paġna tal-passaport jew dokument ta' l-ivjaġġar. Fil-każijiet biss fejn huwa meħtieġ li titwarrab it-tlestija tat-taqsima li għandha tiġi skannjata elettronikament jista' jitqiegħed it-timbru f'din it-taqsima biex tirrendiha bla użu. Id-daqs u l-kontenut tat-timbru u l-linka li għandha tintuża għandhom jiġu stabbiliti mid-disposizzjonijiet nazzjonali ta' l-Istat Membru.

Biex jiġi preventut l-użu mill-ġdid ta' stiker tal-viża mwaħħal ma' formola tal-format uniformi, is-siġill ta' l-uffiċju konsulari tal-ħruġ għandu jiġi stampat fuq il-lemin, biex l-istiker u l-formola jiġu mgħottija, b'tali mod li ma jkunux jistgħu jinqraw l-intestaturi u d-data tat-tlestija u biex ma tidħolx fl-erja ta' l-iskanning elettroniku jekk tkun tlestiet."

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri bi qbil mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmula fi Brussel, fit-12 ta' Lulju 2002.

Għall-Kunsill

Il-President

T. Pedersen

[1] ĠU L 116, tas-26.4.2001, p. 2.

[2] ĠU L 164, ta' l-14.7.1995, p. 1.

[3] ĠU L 53, tat-23.2.2002, p. 7.

[4] ĠU L 53, tat-23.2.2002, p. 4.

[5] ĠU L 176, ta' l-10.7.1999, p. 31.

--------------------------------------------------