32002D0260



Official Journal L 091 , 06/04/2002 P. 0030 - 0030


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tas-27 ta' Marzu 2002

li tikkonċerna l-ħolqien ta' Grupp ta' Diretturi Ġenerali għal Relazzjonijiet Industrijali

(2002/260/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u partikolarment Artikolu 211 tiegħu,

Billi:

(1) Fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-Aġenda għal Strateġija Soċjali [1], il-Kummissjoni enfassizzat il-ħtieġa għall-interazzjoni pożittiva u dinamika ta' l-istrateġiji ekonomiċi, soċjali u ta' l-impiegi; hi tafferma, partikolarment, l-impenji tagħha li tinkludi tibdiliet fl-ambjent tax-xogħol u tressaq il-quddiem numru ta' azzjonijiet bl-għan li timmodernizza u ttejjeb ir-relazzjonijiet industrijali.

(2) F'dan il-kuntest, il-leġislazzjoni eżistenti għandha tkun adottata u mtejba biex tirrifletti l-ekonomija ġdida, sabiex tippromwovi ekwilibriju ġdid bejn il-flessibbiltà u s-sigurtà tal-ħaddiema.

(3) Għal dan l-għan, Grupp ta' Livell Għoli għandu jkun maħluq biex jagħti pariri, fuq l-inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba, lill-Kummissjoni, biex jgħin lill-Kummissjoni fix-xogħol tagħha, i.e. biex tipprepara inizjattivi ġodda tal-Komunità, tirrevedi l-acquis communautaire, torganizza riċerka, tanalizza u tistudja, tevalwa u timplementa l-liġi tax-xogħol tal-Komunità u tipprovdi taħriġ u informazzjoni dwar il-liġi tal-Komunità. Jista wkoll jiżviluppa skambji ta' esperjenzi nnovattivi u d-disseminazzjoni ta' prattiċi tajba f'dan il-qasam.

(4) Grupp ta' livell għoli permanenti bħal dan ikun jista’ jħeġġeġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, waqt li jirrispetta l-prinċipju ta' sussidjarjetà. Din il-kooperazzjoni qiegħda ssir aktar importanti in vista tat-tkabbir mistenni ta' l-Unjoni, in-natura transizzjonali dejjem aktar tar-relazzjonijiet industrijali, il-proċess tar-ristrutturar industrijali trans-nazzjonali u l-modernizzazzjoni tal-liġi tax-xogħol biex tagħmel is-suq tax-xogħol aktar dinamiku u li jitlob għal akbar trasparenza,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

1. Grupp ta' Diretturi Ġenerali għal Relazzjonijiet Industrijali (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ bħala il-Grupp) huwa maħluq sabiex jipprovdi korp għal konsultazzjoni, riflessjoni, skambji u kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

2. Il-missjoni tiegħu għandha tkun:

(a) li jistabbilixxi kooperazzjoni mil-qrib bejn l-istituzzjonijiet ta' l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar materji li jirrigwardjaw:

- il-preparazzjoni ta' inizjattivi ġodda tal-Komunità fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali,

- l-applikazzjoni u r-reviżjoni ta' l-acquis communautaire fil-qasam tal-liġi tax-xogħol,

- it-tħejjija ta' programmi ta' riċerka, analiżi, studji, pubblikazzjonijiet u miżuri biex iqawwu l-konoxxenza li tikkonċerna l-liġi tax-xogħol tal-Komunità.

(b) li jimmonitorjaw l-iżvilupp ta' l-istrateġiji fil-qasam tal-liġi tax-xogħol u r-relazzjonijiet industrijali;

(ċ) li jiffaċċilitaw l-iskambju ta' l-esperjenzi u l-prattiċi tajba fil-qasam individwali u kollettiv tal-liġi tax-xogħol.

Artikolu 2

1. Il-Grupp għandu jikkomprendi d-Direttur Ġenerali għar-Relazzjonijiet Industrijali ta' l-Istati Membri.

2. Il-Grupp għandu jkun taħt il-presidenza ta' rappreżentant tal-Kummissjoni.

3. Il-Grupp jista‘ jistabbilixxi gruppi ta' esperti jew gruppi ta' ħidma.

Artikolu 3

1. Il-Grupp għandu jiltaqa‘ meta jkun imsejjaħ mill-president tiegħu, jew fuq l-inizjattiva tiegħu jew tagħha stess, jew fuq it-talba ta' mill-anqas nofs il-membri tal-Grupp.

2. Il-Grupp għandu jiltaqa‘, bħala prinċipju, darbtejn fis-sena.

Magħmula fi Brussel, fis-27 ta' Marzu 2002.

Għall-Kummissjoni

Anna Diamantopoulou

Membru tal-Kumissjoni

[1] COM(2000) 379 finali

--------------------------------------------------