32002D0179



Official Journal L 061 , 02/03/2002 P. 0027 - 0028


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tas-17 ta’ Diċembru 2001

dwar il-konklużjoni ta’ Ftehim Qafas bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Turkija fi programmi Komunitarji

(2002/179/KE)

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 136a, 61, 95, 129, 137, 149(4), 150(4), 151(5), 152(4), 153(4), 156, 157, 166, 175(1) u 308, flimkien mat-tieni sentenza ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(2), it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 300(3), u l-Artikolu 300(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew [2],

Billi:

(1) Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni UE-Turkija tas-6 ta’ Marzu 1995 antiċipat b’ħerqa t-teħid ta’ inizjattivi f’numru ta’ oqsma biex jitwessa l-ambitu ta’ koperazzjoni UE-Turkija, inkluża parteċipazzjoni possibbli f’ċert programmi Komunitarji.

(2) Il-Kunsill Ewropew fil-Lussemburgu f’Diċembru 1997 għamel il-parteċipazzjoni fil-programmi Komunitarji manjiera biex tgħolli (tħaffef) l-istrateġija mtejba ta’ qabel l-adeżjoni għall-pajjiżi kandidati, filwaqt li parteċipazzjoni tali tkun iddeterminata każ b’każ. Fl-istess ħin, Strateġija Ewropea għar-Repubblika tat-Turkija kienet stabbilita li ppermettiet l-istess possibbilta għal dak il-pajjiż. Wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew f’Helsinki f’Diċembru 1999 u, b’mod partikolari, f’Nizza f’Diċembru 2000, l-avviċinament ta’ każ b’każ f’dan il-qasam seta’ jinbidel għal ieħor li jmur iktar fil-bogħod u jħaddan il-biċċa l-kbira tal-programmi Komunitarji.

(3) Il-Kunsill Ewropew ta’ Helsinki ddikjara li r-Repubblika tat-Turkija hija pajjiż kandidat iddestinat li jingħaqad ma’ l-Unjoni fuq il-bażi ta’ l-istess kriterji applikati għall-pajjiżi kandidati l-oħra, u li, filwaqt li tibni fuq l-Istrateġija Ewropea eżistenti, ir-Repubblika tat-Turkija, bħal Stati kandidati oħra, għandha tibbenefika minn strateġija qabel l-adeżjoni biex tistimula u tappoġġa r-riformi tagħha u li r-Repubblika tat-Turkija jkollha wkoll l-opportunita tipparteċipa fi programmi u aġenziji Komunitarji u f’laqgħat bejn il-pajjiżi kandidati u l-Unjoni fil-kuntest tal-proċess ta’ adeżjoni.

(4) Skond id-direttivi tan-negozjati adottati mill-Kunsill fil-5 ta’ Ġunju 2001, il-Kummissjoni innegozjat f’isem il-Komunità Ftehim Qafas mar-Repubblika tat-Turkija dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tagħha fi programmi Komunitarji.

(5) Rigward xi ftit mill-programmi koperti mill-Ftehim, it-Trattat ma jipprovdi għal ebda setgħat oħra barra dawk taħt l-Artikolu 308.

(6) It-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi rigward il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Turkija fil-programmi Komunitarji, b’mod partikolari l-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli, għandhom ikunu ddeterminati mill-Kummissjoni f’isem il-Komunità. Għal dak il-għan il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.

(7) Ir-Repubblika tat-Turkija tista’ tapplika għal assistenza finanzjarja għal parteċipazzjoni fi programmi Komunitarji taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1488/96 tat-23 ta’ Lulju 1996 dwar miżuri finanzjarji u tekniċi li jakkompanjaw (MEDA) l-għamla ta’ strutturi ekonomiċi u soċjali fil-qafas tas-sħubija (partnership) Euro-Mediterranea [3], taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 764/2000 tal-10 ta’ April 2000 rigward l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex tkun intensifikata l-Unjoni Doganali KE-Turkija [4], jew taħt ir-Regolament (KE) Nru 257/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Jannar 2001 rigward l-implimentazzjoni ta’ miżuri biex jippromwovu żvilupp ekonomiku u soċjali fit-Turkija [5].

(8) Id-Danimarka, skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat ta’ l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat tal-KE, mhix tipparteċepa f’din il-parti ta’ din id-deċiżjoni tal-Kunsill adottata b’referenza għat-Titolu IV tat-Trattat tal-KE, u d-Danimarka mhix marbuta b’din il-parti tad-deċiżjoni tal-Kunsill lanqas ma hi suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(9) Ir-Renju Unit u l-Irlanda għandhom l-intenzjoni li jipparteċipaw fl-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas ġenerali għal attivitajiet Komunitarji biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni taż-żona ġudizzjali Ewropea f’materji ċivili u meta tkun adottata, ir-Renju Unit u l-Irlanda jkunu marbuta biha u suġġetti għall-applikazzjoni tagħha. Rigward xi strument futur Komunitarju adottat taħt it-Titolu IV tat-Trattat tal-KE, li jimplimenta jew jistabbilixxi xi programm futur Komunitarju, ir-Renju Unit u l-Irlanda jkunu marbuta biss bil-parti konnessa mat-Titolu IV tat-Trattat tal-KE ta’ din id-deċiżjoni tal-Kunsill u suġġetti għall-applikazzjoni tagħha, jekk ir-Renju Unit u l-Irlanda jkunu marbuta b’dak l-istrument skond il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat tal-KE.

(10) Il-Ftehim għandu jkun rivedut mill-Kummissjoni f’intervalli regolari.

(11) Il-Ftehim għandu jkun approvat,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Ftehim Qafas bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tat-Turkija dwar il-prinċipji ġenerali għall-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Turkija fi programmi Komunitarji, huwa b’dan approvat f’isem il-Komunità.

It-test ta’ dan il-Ftehim huwa anness ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

1. Il-Kummissjoni hija awtorizzata tiddetermina, f’isem il-Komunità, it-termini u l-kondizzjonijiet speċifiċi rigward il-parteċipazzjoni tar-Repubblika tat-Turkija f’kull programm individwali, inkluż il-kontribuzzjoni finanzjarja pagabbli. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita f’dan ix-xogħol minn kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.

2. Fejn ir-Repubblika tat-Turkija titlob assistenza esterna, il-proċeduri li jipprovdi għalihom ir-Regolament (KE) Nru 1488/96, ir-Regolament (KE) Nru 764/2000, ir-Regolament (KE) Nru 257/2001, u Regolamenti simili li jipprovdu għal assistenza esterna Komunitarja għar-Repubblika tat-Turkija li jistgħu jkunu adottati fil-futur, għandhom japplikaw.

Artikolu 3

Mhux iktar tard minn tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-implimentazzjoni ta’ dan il-Ftehim u tirrapporta dwaru lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jkun akkompanjat, fejn meħtieġ, bi proposti xierqa.

Artikolu 4

Il-President tal-Kunsill huwa awtorizzat jaħtar il-persuna(i) li jkollha s-setgħa tiffirma l-Ftehim biex torbot lill-Komunità.

Artikolu 5

Il-President tal-Kunsill għandu, f’isem il-Komunità, jagħti n-notifiki li jipprovdi għalihom l-Artikolu 9 tal-Ftehim [6].

Magħmula fi Brussel, fis-17 ta’ Diċembru 2001.

F’isem il-Kunsill

Il-President

A. Neyts-Uyttebroeck

[1] ĠU C 304 E of ta’ l- 20.10.2001, p. 342.

[2] Opinjoni mogħtija fil- 11.12.2001 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[3] ĠU L 189, 30.07.96, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2698/2000 (ĠU L 311, tat-12.12.2000, p. 1).

[4] ĠU L 94, 14.04.00, p. 6.

[5] ĠU L 39, 09.02.01, p. 1.

[6] Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għandu jkun ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

--------------------------------------------------