32002D0049



Official Journal L 021 , 24/01/2002 P. 0030 - 0031


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tat-23 ta’ Jannar 2002

li temenda għat-tieni darba d-Deċiżjoni 2001/304/KE dwar l-immarkar u l-użu ta’ ċerti prodotti magħmula mill-annimali b’relazzjoni għad-Deċiżjoni 2001/172/KE li tikkonċerna ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer ġewwa r-Renju Unit

(innotifikata taħt dokument numru C(2002) 293)

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

(2002/49/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li stabbilixxa l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 90/425/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1990 li tikkonċerna l-kontrolli veterinarji u zootekniċi applikabbli għall-kummerċ intra-Komunitarju f’ċerti annimali ħajjin u prodotti bl-iskop li jiġi kkompletat is-suq intern [1], kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 92/118/KEE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tagħha,

Wara li ikkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 li tikkonċerna kontrolli veterinarji tal-kummerċ ġewwa l-Komunità bl-iskop li jiġi kkompletat is-suq intern [3], kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 92/118/KEE, u b’mod partikolari l-Artikolu 9 tagħha,

Wara li ikkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE tas-26 ta’ Ġunju 1964 dwar il-kondizzjonijiet tas-saħħa fil-produzzjoni u l-bejgħ ta’ laħam frisk [4], kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 95/23/KE [5], u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1)(f) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 77/99/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1976 dwar problemi ta’ saħħa li jaffettwaw il-produzzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tal-laħam u ċerti prodotti oħra li ġejjin mill-annimali [6], kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 97/76/KE(7), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(A) [7], it-tieni inċiż tagħha,

Billi:

(1) B’konsegwenza tar-rapporti tat-tfaqqigħ tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2001/740/KE tad-19 ta’ Ottubru 2001 li tikkonċerna ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit [8], kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2002/37/KE [9].

(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/172/KE [10] u sussegwentement id-Deċiżjonijiet 2001/356/KE [11] u 2001/740/KE irrestrinġew id-dispaċċ mill-Gran Brittanja ta’ laħam frisk ta’ annimali suxxettibbli u prodotti tal-laħam magħmula mill-istess laħam ħlief meta jiġu osservati ċerti kondizzjonijiet.

(3) Il-Kummissjoni għalhekk adottat id-Deċiżjoni 2001/304/KE tal-11 ta’ April 2001 dwar l-immarkar u l-użu ta’ ċerti prodotti ta’ l-annimali b’relazzjoni għad-Deċiżjoni 2001/172/KE li tikkonċerna ċerti miżuri ta’ protezzjoni fir-rigward tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer fir-Renju Unit [12], kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni 2001/345/KE [13].

(4) L-aħħar tifqigħa tal-marda ta’ l-ilsien u d-dwiefer fil-Gran Brittanja kienet irreġistrata nhar it-30 ta’ Settembru 2001, aktar minn tliet xhur ilu, u s-sorveljanza seroloġika mwettqa sabiex jiġi issostanzjat il-ħelsien ta’ restrizzjonijiet relatati mal-marda ġiet ikkompletata f’kull parti tal-Gran Brittanja.

(5) It-titjib fil-qagħda tas-saħħa ta’ l-annimali issa jippermetti li jiġu rtirati l-parti l-kbira tar-restrizzjonijiet partikolarment dawk li jirrigwardaw id-dispaċċ mill-Gran Brittanja ta’ prodotti li ġejjin mill-annimali u ħafna mill-annimali ħajjin ta’ speċi suxxettibbli.

(6) Madankollu, bħala miżura ta’ prekawzjoni, il-qagħda għadha teħtieġ li jinżammu kontrolli stretti fuq id-dispaċċ ta’ laħam u prodotti tal-laħam li m’humiex eliġibbli għall-kummerċ u li jkunu mnisslin minn annimali ta’ speċi suxxettibbli maqtula bejn l-1 ta’ Frar 2001, id-data ta’ meta x’aktarx daħal il-virus, u t-23 ta’ April 2001, id-data nnotifikata skond l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2001/304/KE.

(7) Id-Deċiżjoni 2001/304/KE għandha għalhekk tiġi emendata.

(8) Il-miżuri maħsuba f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Veterinarju Permanenti.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2001/304/KE hija emendata kif ġej:

1. Fl-Artikolu 1, punt numru 1 jinbidel b’dan li ġej:

"1. Skond l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 72/461/KEE, laħam frisk li jossodisfa l-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3 tad-Direttiva tal-Kunsill 64/433/KEE u li jkun miksub minn annimali ta’ qabil l-ifrat, in-nagħaġ, il-mogħoż u l-ħnieżer, laħam frisk li jissodisfa l-kondizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva 91/495/KEE u li jkun miksub minn annimali oħra biż-żewġt idwiefer mgħawwġa li jkunu joriġinaw mill-Gran Brittanja, u laħam ipproċessat fil-Gran Brittanja waqt il-perijodu bejn l-1 ta’ Frar 2001 sad-data ta’ meta ġiet fis-seħħ id-Deċiżjoni preżenti, m’għandux jiġi mmarkat bil-marka tas-sanità maħsuba f’Kapitlu XI ta’ l-Anness I tad-Direttiva 64/433/KEE jew f’Kapitlu III ta’ l-Anness I tad-Direttiva 91/495/KEE."

2. Fl-Artikolu 1, punt numru 5 huwa mibdul b’dan li ġej:

"5. B’deroga minn punt numru 1, laħam eliġibbli għad-dispaċċ mill-Gran Brittanja skond id-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni 2001/172/KE, 2001/356/KE jew 2001/740/KE jista’ jiġi mmarkat bil-marka tas-sanità li hemm maħsuba f’Kapitlu XI ta’ l-Anness I tad-Direttiva 64/433/KEE jew f’Kapitlu III ta’ l-Anness I tad-Direttiva 91/495/KEE."

3. Fl-Artikolu 2 punt numru 1, it-tieni subparagrafu jiġi mibdul b’dan li ġej:

"B’deroga mill-ewwel subparagrafu, prodotti tal-laħam li jkunu rċevew wieħed mit-trattamenti preskritti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 80/215/KEE, jew li waqt il-preparazzjoni jkunu ġew assoġġettati b’mod uniformi f’kull parti bis-sustanza b’ livell ta’ pH ta’ anqas minn 6, jistgħu jiġu mmarkati bil-marka tas-sanità li hemm maħsuba f’Kapitlu VI ta’ l-Anness B tad-Direttiva 77/99/KEE."

L-Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fit-23 ta’ Jannar 2002.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 224, tat-18.8.1990, p. 29.

[2] ĠU L 62, tal-15.3.1993, p. 49.

[3] ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 13.

[4] ĠU C 121, tad-29.7.1964, p. 2012/64. Direttiva aġġornata b’Direttiva 91/497/KEE (ĠU L 268, ta’ l-24.9.1991, p. 69).

[5] ĠU L 243, tal-11.10.1995, p. 7.

[6] ĠU L 26, tal-31.1.1977, p. 85. Direttiva aġġornata b’Direttiva 92/5/KEE (ĠU L 57, tat-2.3.1992, p. 1).

[7] ĠU L 10, tas-16.1.1998, p. 25.

[8] ĠU L 277, ta’ l-20.10.2001, p. 30.

[9] ĠU L 15, tas-17.1.2002, p. 34.

[10] ĠU L 62, tat-2.3.2001, p. 22.

[11] ĠU L 125, tal-5.5.2001, p. 46.

[12] ĠU L 104, tat-13.4.2001, p. 6.

[13] ĠU L 122, tat-3.5.2001, p. 31.

--------------------------------------------------