32001R2587



Official Journal L 345 , 29/12/2001 P. 0013 - 0015


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2587/2001

tad-19 ta’ Diċembru 2001

li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 404/93 dwar l-organizzazzjoni tas-suq tal-banana

IL-KUNSILL TA’L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2];

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali [3],

Billi:

(1) Wara l-emendi li saru fit-tariffa u fin-nomenklatura statistika kif ukoll fit-tariffa komuni tad-dwana, il-kodiċijiet ĊN għall-prodotti koperti mill-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana għandhom jiġu aġġornati u l-kodiċijiet ĊN għall-prodotti li japplikaw għalihom l-Artikoli minn 17 sa 20 tar-Regolament (KEE) Nru 404/93 [4] għandhom jiġu kkorreġuti.

(2) Għandha ssir dispożizzjoni għall-possibiltà li l-Istati Membri ma jagħtux, waqt perjodu limitat, għajnuna kompensatorja għal prodott miksub minn pjantaġġuni ġodda tal-banana biex ikompli l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-produzzjoni; din il-possibiltà għandha wkoll tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni.

(3) Saru ħafna kuntatti mill-qrib ma’ pajjiżi fornituri u partijiet oħra interessati biex isolvu l-argumenti li jqumu mir-reġim ta’l-importazzjoni stabbilit mir-Regolament (KEE) Nru 404/93 u biex jiġu kkunsidrati l-konklużjonijiet tal-bord imwaqqaf taħt is-sistema għas-soluzzjoni tat-tilwim ta’l-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO).

(4) L-Artikolu 18 tar-Regolament (KEE) Nru 404/93 fetaħ kwota awtonoma tat-tariffa Ċ ta’ 850000 tunnellata metrika għall-oriġini kollha, soġġetta għal dazju doganali ta’ EUR 300 għal kull tunnellata metrika b’tariffa ta’ preferenza ta’ EUR 3000 għal kull tunnellata metrika għall-importazzjoni li toriġina minn pajjiżi ACP u l-kwota addizzjonali B ta’ 353000 tunnellata metrika. Il-kwantitajiet relatati mad-diversi kwoti għandhom jiġu emendati biex jitwassa’ l-aċċess għall-banana li toriġina minn pajjiżi terzi u fl-istess waqt biex jiġi żgurat l-aċċess għal kwantita speċifika ta’ banana li toriġina fil-pajjiżi ACP.

(5) In vista ta’l-emendi li saru fil-leġislazzjoni agrarja u konformi mal-finanzjament parzjali ta’l-għajnuna lil organizzazzjonijiet produtturi kif hemm previst fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-frott u l-ħaxix [5], għandu jiġi stabbilit li l-għajnuna Komunitarja lil organizzazzjonijiet tal-produtturi prevista fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KEE) Nru 404/93 għandha tiġi ffinanzjata mit-Taqsima tal-Garanziji ta’l-EAGGF, għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi kollha li għandhom jiġu stabbiliti sal-31 ta’ Diċembru 2006. Peress li r-reġjuni kkonċernati huma koperti mill-Oġġettiv 1, l-istess rata ta’ kontribuzzjoni Komunitarja għandha tiġi ffissata għal din l-għajnuna bħalma ġiet iffissata għall-għajnuna prevista fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (KE) Nru 2200/96 għar-reġjuni ta’l-Oġġettiv 1:

(6) Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KEE) Nru 404/93 relatati mal-proċedura tal-kumitat għandhom jiġu emendati. Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 404/93 għandhom jiġu adottati b’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri implimentattivi mogħtija lill-Kummissjoni [6],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 404/93 qiegħed jiġi emendat kif ġej:

1. L-Artikolu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"L-Artikolu 1

1. B’hekk qiegħda tiġi stabbilita organizzazzjoni komuni tas-suq tal-banana.

2. L-organizzazzjoni għandha tkopri l-prodotti li ġejjin:

Il-kodiċi jiet ĊN | Deskrizzjoni |

08030019 | Banana friska, minbarra l-plantains |

ex08030090 | Banana mnixxfa, minbarra l-plantains |

ex08129590 | Banana proviżorjament ippreservata |

ex08135099 | Taħlitiet li jkun fihom il-banana mnixxfa |

11063010 | Tqiq, mealu trab tal-banana |

ex20060099 | Banana ppreservata fiz-zokkor |

ex20071099 | Preparattivi omoġeneizzati tal-banana |

ex20079939ex20079958ex20079998 | Ġammijiet, ġelatini, marmalades, pureesu pastestal-banana |

ex20089259ex20089278ex20089293ex20089298 | Taħlitiet li jkun fihom il-banana ippreparati jew ippreservati b’xi mod ieħor |

ex20089949ex20089968ex20089999 | Banana ppreservata jew ippreparata b’xi mod ieħor. |

ex20098035ex20098038ex20098079ex20098086ex20098089ex20098099 | Meraq tal-banana |

3. Is-sena kummerċjali għandha tkun mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Diċembru."

2. Fl-Artikolu 12, għandu jiżdied il-paragrafu li ġej:

"9. Stat Membru jista’ jiġi awtorizzat biex jintroduċi miżura temporanja li biha, ma titħallas l-ebda għajnuna kompensatorja għal prodott mibjugħ minn pjantaġġuni ġodda tal-banana mħawla fl-1 ta’ Ġunju 2002 jew wara, meta, fl-opinjoni ta’l-Istat Membru jkun hemm riskju għall-iżvilupp sostenibbli taż-żoni tal-produzzjoni, b’referenza partikolari għall-konservazzjoni ta’l-ambjent, u l-protezzjoni tal-ħamrija u l-fatturi karatteristiċi tal-kampanja.

Fuq talba ta’l-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni għandha tagħti l-awtorizzazzjoni prevista fil-paragrafu preċedenti b’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27."

3. Fl-Artikolu 16, il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"1. Dan l-Artikolu u l-Artikoli minn 17 sa 20 għandhom jgħoddu għall-importazzjonijiet ta’ prodotti friski li jaqgħu taħt il-kodiċi ĊN 08030019 sakemm tidħol fis-seħħ, mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2006, ir-rata tat-tariffa doganali komuni għal dawk il-prodotti stabbiliti taħt il-proċedura prevista fl-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT)."

4. L-Artikolu 18 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"L-Artikolu 18

1. Kull sena mill-1 ta’ Jannar għandhom jinfetħu l-kwoti ta’ tariffi li ġejjin:

(a) kwota ta’ tariffa ta 2200000 tunnellata metrika piż nett, imsejħa ‘il-kwota A’;

(b) kwota ta’ tariffa addizzjonali ta’ 453000 tunnellata metrika piż nett, imsejħa ‘il-kwota B’;

(ċ) kwota ta’ tariffa awtonoma ta’ 750000 tunnellata metrika piż nett, imsejħa ‘il-kwota Ċ’.

Il-Kwoti A u B għandhom ikunu miftuħa għall-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiżi terzi kollha.

Il-Kwota Ċ għandha tkun miftuħa għall-importazzjoni ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiżi ACP.

Il-Kummissjoni tista’ abbażi ta’ ftehim mal-membri ta’l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ b’interess sostanzjali fil-provvista tal-banana, talloka l-kwoti A u B fost il-pajjiżi fornituri.

2. Importazzjoni taħt il-kwoti A u B u importazzjoni ta’ banana minn pajjiżi terzi li ma jkunux il-pajjiżi ACP għandhom ikunu soġġetti għal dazju doganali ta’ EUR 75 għal kull tunnellata metrika. Importazzjonijiet ta’ prodotti li joriġinaw fil-pajjiżi ACP għandhom ikunu suġġetti għal dazju ta’ żero.

3. Importazzjonijiet taħt il-kwota Ċ għandhom ikunu suġġetti għal dazju ta’ żero.

4. Għandha tapplika tariffa ta’ preferenza ta’ EUR 300 għal kull tunnellata metrika fuq l-importazzjoni li toriġina f’pajjiżi ACP.

5. Ir-rati ta’ dazju doganali stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom jinqalbu għall-valuta nazzjonali skond ir-rati applikabbli għall-prodotti in kwistjoni għall-finijiet tat-tariffa doganali komuni.

6. Il-Kwota B tista’ tiġi awmentata jekk id-domanda fil-Komunità tiżdied kif inhu indikat minn balace sheet tal-produzzjoni, tal-konsum, ta’l-importazzjoni u l-esportazzjoni.

Il-balance sheet għandha tiġi adottata u l-kwota tat-tariffa awmentata taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27.

7. Fejn il-provvista tas-suq tal-Komunità tkun soġġetta għal ċirkostanzi eċċezzjonali li jeffettwaw il-produzzjoni jew l-importazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri speċifiċi meħtieġa skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 27.

F’dawn il-każijiet, il-kwota B tista’ tiġi aġġustata abbażi tal-balance sheet imsemmija fil-paragrafu 6. Il-miżuri speċifiċi jistgħu jidderogaw mir-regoli adottati taħt l-Artikolu 19(1). Dawn m’għandhomx jiddiskriminaw bejn pajjiżi terzi.

8. Il-banana li terġa’ tiġi esportata mill-Komunità m’għandhiex tinqata’ mill-kwoti korrispondenti tat-tariffa."

5. L-Artikolu 25 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"L-Artikolu 25

1. Il-miżuri stabbiliti fl-Artikoli 12 u 13 għandhom jikkostitwixxu intervent maħsub biex jistabbilizza s-swieq agrikoli fis-sens ta’l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika agrarja komuni [7].

2. In-nefqa relatata ma’l-għajnuna mogħtija mill-Istati Membri f’konformità ma’ l-Artikolu 6 għandha titqies bħala intervent biex jiġu stabbiliti s-swieq agrikoli fis-sens ta’l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1258/1999.

Din in-nefqa għandha tkun eliġibbli fil-każ ta’l-organizzazzjonijiet produtturi kollha stabbiliti sal-31 ta’ Diċembru 2006.

Din għandha tkun is-soġġett ta’ kontribuzzjoni Komunitarja ta’ 75 % tan-nefqa pubblika eliġibbli.

3. Il-miżuri previsti fl-Artikolu 10 għandhom ikunu parzjalment iffinanzjati mit-Taqsima ta’l-Iggwidar ta’l-EAGGF.

4. Regoli dettaljati għall-appliakzzjoni ta’ dan l-Artikolu, u b’mod partikolari definizzjoni tal-kondizzjonijiet li għandhom jintlaħqu qabel ma tista’ titħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Komunità, għandhom jiġu adottati b’konformità mal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 27."

6. L-Artikolu 26 għandu jitħassar.

7. L-Artikolu 27 għandhu jinbidel b’dan li ġej:

"L-Artikolu 27

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn Kumitat ta’l-Amministrazzjoni tal-Banana (minn issa ’l quddiem imsejjaħ ‘il-Kumitat’).

2. Fejn issir referenza għal dan l-Artikolu, għandhom jgħoddu l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/46/KE.

Il-perjodu stabbilit fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/46/KE għandu jiġi ffissat bħala xahar.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu."

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum li jiġi wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Il-Punt 4 ta’l-Artikolu 1 għandhu jgħodd mill1 ta’ Jannar 2002.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-19 ta’ Diċembru 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

A. Neyts-Uyttebroeck

[1] ĠU C 304 E, tat-30.10.2001, p. 331.

[2] L-opinjoni mogħtija fit-12 ta’ Diċembru 2001 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Offiċjali).

[3] L-opinjoni mogħtija fit-28 ta’ Novembru 2001 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[4] ĠU L 47, tal-25.2.1993, p. 1. Ir-regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 216/2001 (ĠU L 31, tat-2.2.2001, p.2).

[5] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 911/2001 (ĠU L 129, tal-11.5.2001, p.3).

[6] ĠU L 184, tas-17.07.1999, p. 23.

[7] ĠU L 160, tas-26.06.1999, p. 103.

--------------------------------------------------