Official Journal L 341 , 22/12/2001 P. 0105 - 0117
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2550/2001 tal-21 ta’ Diċembru 2001 li jippreskrivi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2529/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq għal-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż rigward l-iskemi tal-premium u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2419/2001 IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2529/2001 ta’ Diċembru 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-laħam tan-nagħġa u l-laħam tal-mogħża [1], u partikolarment l-Artikoli 4(6), 5(4), 8(5), 9(5), 10(4) u 11(3) li hemm fih, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 tas-27 ta’ Novembru 1992 li jistabbilixxi sistema integrata ta’ amminstrazzjoni u kontroll fuq ċerti skemi t’għajnuna tal-Komunità [2], kif l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 495/2001 [3], u partikolarment l-Artikolu 12 li hemm fih, Billi: (1) Ir-Regolament (KE) Nru 2529/2001 iwaqqaf sistema ġdida ta’ premia biex tissostitwixxi s-sistema stipulata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2467/98, tat-3 ta’ Novembru 1998 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-laħam tan-nagħġa u l-laħam tal-mogħża [4], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1669/2000 [5]. Sabiex jiġu kkunsidrati l-arranġamenti l-ġodda u fl-interess taċ-ċarezza, huwa neċessarju li jkunu stabbiliti regoli ġodda biex jissostitwixxu dawk stipulati bir-Regolamenti tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2814/90 tat-28 ta’ Settembru 1990 li jippreskrivu regoli dettaljati għad-definizzjoni ta’ ħrief imsemmna għal karkassi tqal [6], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2234/98 [7], (KKE) Nru 2385/91 tas-6 t’Awissu 1991 li jippreskrivi regoli dettaljati għal ċerti każijiet speċjali rigward id-definizzjoni ta’ produtturi u gruppi ta’ produtturi tal-laħam tan-nagħġa u l-laħam tal-mogħża, kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2254/1999 [8], (KEE) Nru 2230/92 [9] tal-31 ta’ Lulju 1992 li jippreskrivi ċerti regoli dettaljati għall-applikazzjoni fil-Gżejjer Canary ta’ l-iskema premium tan-nagħġa u tal-mogħża [10], (KEE) Nru 3567/92 ta’ l-10 ta’ Diċembru 1992 li tippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-limiti individwali, riżervi nazzjonali, u trasferiment ta’ drittijiet kif previst fl-Artikoli 5(a) sa 5(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3013/89 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-laħam tan-nagħġa u l-laħam tal-mogħża [11], kif l-aħħaremendat bir-Regolament (KE) Nru 1311/2000 [12], (KEE) Nru 2700/93 tat-30 ta’ Settembru 1993 dwar regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-premium favur il-produtturi tal-laħam tan-nagħġa u l-laħam tal-mogħża [13], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 1410/1999 [14] u (KE) 2738/1999 tat-12 ta’ Diċembru 1999 li jiddetermina ż-żoni tal-muntanji fejn il-premium għall-produtturi tal-laħam tal-mogħża jingħata [15] u biex jitħassru dawn ir-regolamenti. (2) L-iskema tal-premium tan-nagħġa riferuta fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 hija koperta mir-Regolament (KEE) Nru 3508/92. Bħala riżultat, dan ir-Regolament għandu jkun ristrett għar-regolamentazzjoni ta’ materji eċċezzjonali li ma jkunux koperti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2419/2001 tal-11 ta’ Diċembru 2001 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema integrata ta’ l-amministrazzjoni u kontroll għal ċerti skemi tal-Komunità għall-għajnuna stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 [16] (minn hawn ’il quddiem riferuta bħala is-"sistema integrata"), partikolarment dawk li jikkonċernaw il-perijodi u l-kondizzjonijiet relatati ma’ l-applikazzjonijiet tal-premium u għas-suppliment tal-premium kif ukoll it-tul tal-perijodu li din tkun miżmuma. (3) L-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 jipprovdi għall-għotja ta’ premium lill-produtturi tal-laħam tal-mogħża f’ċerti żoni tal-Komunità. Iż-żoni in kwestjoni għandhom għaldaqstant ikunu determinati skond il-kriterji preskritti f’din id-dispożizzjoni. (4) Skond l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 produtturi li r-raba’ tagħhom għandu mill-inqas 50 % taż-żona tagħhom li tintuża għall-agrikoltura tinsab f’xi żona svantaġġata jew remota jistgħu jikkwalifikaw għall-premium supplimentari. L-Artikolu 4(2) jagħmel referenza għaż-żoni speċifiċi ġeografiċi fejn produtturi tal-laħam tal-mogħża jissodisfaw il-kondizzjonijiet neċessarji biex jikkwalifikaw għall-premium tal-mogħża. Għandhom isiru disposizzjonijiet għal dikjarazzjoni li tkun provduta lill-produtturi li jilħqu dawn il-kriterji biex jgħinu lill-Istati Membri jiddeterminaw jekk il-kondizzjonijiet xierqa biex jagħtu l-għajnuna humiex milħuqa sabiex ikun evitat kull pagament mhux ġustifikat lill-impriżi li mhux eliġibbli. Meta produtturi m’ humiex mitluba taħt is-sistema integrata li jissottomettu applikazzjoni għall-għajnuna għal "żona", għandu jkun hemm disposizzjoni għal dikjarazzjoni speċifika bħala prova dokumentata li għall-inqas nofs l-art li qed jużaw għall-produzzjoni agrikola tinstab f’żoni anqas favorevoli jew f’żoni li jikkwalifikaw għall-premium tal-mogħża. (5) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1454/2001 tat-28 ta’ Ġunju 2001 li jintroduċi miżuri għal ċerti prodotti agrikoli għall-Gżejjer Canary u jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 1601/92 (Poseican) [17] li jipprovdi għall-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi li jirrelataw mat-trobbija tan-nagħaġ u l-mogħoż fil-Gżejjer Canary. Dawk il-miżuri jinvolvu l-għotja ta’ suppliment għall-premium f’ammont, li jrid ikun speċifikat. (6) Il-kriterji ta’ l-eliġibbiltà għal ħlas dirett u, partikolarment il-kondizzjonijiet mitluba għandhom bżonn ikunu kjarifikati. (7) Biex tiġi sorveljata s-sistema ta’ l-għotja tal-premium u s-suq tal-laħam tan-nagħġa u l-laħam tal-mogħża l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw regolarment lill-Kummissjoni dwar dik il-materja. (8) Bil-għan li tiġi implimentata s-sistema ta’ limiti individwali kif inhi introdotta fl-Artikoli 8 sa 10 tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001, ir-regoli li jindikaw kemm huma dawk il-limiti u l-komunikazzjoni tagħhom lill-produtturi għandhom ikunu speċifikati. (9) Miżuri xierqa għandhom jittieħdu wkoll sabiex jassiguraw li drittijiet li jingħatw b’xejn mir-riserva nazzjonali qed jintużaw mill-benefiċjarji biss għall-għanijiet li għalihom huma intenzjonati. (10) Waqt li jkun ikkunsidrat l-effett regolatorju li s-sistema tal-limiti individwali jkollha fuq is-suq, għandha ssir disposizzjoni fuq id-drittijiet tal-premium li ma jkunux qed jintużaw mis-sid tagħhom waqt perijodu speċifiku biex imur lura għar-riserva nazzjonali. Madanakollu, din ir-regola m’għandhiex tgħodd fi ftit ċirkustanzi eċċezzjonali u ġustifikati, bħal fil-każ ta’ produtturi żgħar jew produtturi li qed jipparteċipaw fi programmi ta’ estensjoni u skemi ta’ irtirar kmieni li huma kontemplati fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Gwida ta’ l-Agrikoltura Ewropea u Fond Garantit (EAGGF) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti [18]. (11) Ikun opportun li tkun inkoraġġita l-mobilizzazzjoni tad-drittijiet għall-premium u daqstant ukoll li jkunu previsti miżuri li jwasslu biex drittijiet jerġgħu jingħataw lill-produtturi li jibbenefikaw minnhom. Għal dan il-għan għandu jiġi ffissat perċentwali minimu ta’ l-użu tad-drittjiet għall-premium. Dan il-perċentwali hemm bżonn li jkun biżżejjed biex jevita n-nuqqas ta’ utilizzazzjoni tad-drittijiet disponibbli f’ċerti Stati Membri, li jistgħu jwasslu għall-problemi għall-produtturi ta’ prijorità li jkunu qed japplikaw għal drittijiet mir-riserva nazzjonali. L-Istati Membri għandhom għaldaqstant ikunu awtorizzati li jgħollu l-perċentwali minimu għall-użu ta’ drittijiet, li m’għandux, madanakollu, jaqbeż id-90 %. (12) L-implimentazzjoni uniformi tad-disposizzjonijiet dwar it-trasferiment u l-kera temporanja ta’ drittijiet titlob li jiġu stipulati ċerti regoli amministrattivi. Sabiex ikun evitat xogħol amministrattiv żejjed, l-Istati Membri għandhom jitħallew jiffissaw numru minimu ta’ drittijiet li jistgħu jiġu trasferiti jew mikrija. Dawn ir-regoli għandhom ukoll jipprevjienu l-ksur ta’ l-impenn previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 li ċċedi, kull darba li d-drittijiet ikunu trasferiti mingħajr it-trasferiment tal-kumpanija, ċertu perċentwali ta’ dawn id-drittijiet trasferiti lir-riserva nazzjonali. Aktar minn hekk, għandu jkun hemm disposizzjoni għal din il-kera temporanja biex tkun limitata fiż-żmien sabiex ikun evitat abbuż tar-regoli tat-trasferiment. (13) Għandhom isiru disposizzjonijiet biex jipprovdu flessibbiltà biex jitħares it-temm għaż-żmien amministrattiv għat-trasferiment tad-drittijiet meta produttur jista’ jagħti prova li huwa wiret id-drittijiet legalment mingħand produttur li huwa mejjet. Produtturi għandhom ikunu notifikati f’każ ta’ tibdil fil-limitu individwali. (14) Il-każ speċjali fejn produttur juża biss art li hija propjetà pubblika jew kollettiva għal mergħa u jittrasferixxi d-drittijiet kollha tiegħu lil gabillott ieħor, u allura jwaqqaf il-produzzjoni, għandu jkun ikkunsidrat ekwivalenti għat-trasferiment tar-raba’. (15) Fejn fi ftit Stati Membri t-trasferiment tad-drittijiet mingħajr it-trasferiment tar-raba’ jseħħ biss permezz tar-riserva nazzjonali, ikun hemm il-bżonn li jiġu stabbiliti xi ftit regoli biex jippreservaw il-konsistenza mas-sistema ta’ trasferiment dirett bejn il-produtturi. Kriterji oġġettivi għandhom jiġu stabbiliti għad-determinazzjoni tas-somma li trid titħallas mir-riserva nazzjonali lill-produttur li jkun ittrasferixxa d-drittijiet tiegħu u s-somma li trid titħallas mill-produttur li jirċievi drittijiet ekwivalenti mir-riserva nazzjonali. (16) Huwa neċessarju li jiġu stabbiliti regoli għall-kalkolazzjoni u aġġustamenti għal-limiti indiviwali fuq id-drittijiet għall-premium sabiex ikun assigurat li jintużaw biss numri sħaħ. (17) Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-arranġamenti l-ġodda u bħala riżultat għandha bżonn li tkun provduta sew mill-Istati Membri bl-informazzjoni essenzjali dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-premium. (18) Informazzjoni dettaljata dwar ir-regoli nazzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-pagamenti addizzjonali għandhom jgħaddu lill-Kummisssjoni. (19) Sabiex jiġu implimentati b’mod effiċjenti r-regoli tal-premium u biex jiġi evitat xi tgħawiġ fis-suq, l-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji għall-applikazzjoni korretta ta’ dan ir-Regolament. (20) Hemm bżonn ta’ xi arranġamenti transitorji għall-Istati Membri biex ikollhom biżżejjed żmien biex jippreparaw għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Fid-dawl ta’ ammonti aktar għolja taħt ir-reġim il-ġdid u trasparenza akbar minħabba r-rata fissa tal-premium, għandu jkun hemm disposizzjoni sabiex tipproteġi l-interessi tal-produtturi għall-applikazzjonijiet li diġà saru taħt ir-reġim ta’ qabel biex jiġu kunsidrati bħala applikazzjonijiet taħt dak il-ġdid. (21) Sabiex jiġi protett l-interess finanzjarju tal-Komunità b’mod effettiv miżuri adekwati għandhom jiġu adottati li jippenalizzaw irregolaritajiet u frodi. Huwa neċessarju li jkunu introdotti disposizzjonijet xierqa għall-iskemi tal-premium tan-nagħaġ u l-mogħoż fir-Regolament (KE) Nru 2419/2001. (22) Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni tan-Nagħaġ u l-Mogħoż u l-Gwida għall-Agrikoltura Ewropea u l-Fond Garantit, ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT: Artikolu 1 Dan ir-Regolament jippreskrivi partikolarment ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-ħlas dirett previst fl-Artikoli 4, 5, 6, 8, 9 u 10 tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001. KAPITOLU I ĦLASIJIET DIRETTI Artikolu 2 Applikazzjonijiet 1. Flimkien mat-talbiet taħt is-sistema integrata, bi qbil mar-Regolamenti (KEE) Nru 3508/92 u (KE) Nru 2419/2001, produtturi għandhom jindikaw fl-applikazzjonijiet tal-premium jekk humiex qed ibiegħu ħalib tan-nagħġa, jew prodotti tal-ħalib ibbażati fuq il-ħalib tan-nagħġa, matul is-sena li għaliha qed jintalab il-premium. 2. Applikazzjonijiet għal premium favur il-produtturi tal-laħam tan-nagħġa u l-laħam tal-mogħża għandhom ikunu sottomessi lill-awtorità maħtura mill-Istat Membru, matul perijodu fiss fiż-żmien li jibda fl-1 ta’ Novembru ta’ qabel il-bidu tas-sena u jispiċċa fit-30 t’April ta’ wara l-bidu tas-sena li fiha qed jiġu sottomessi l-applikazzjonijiet. Madanakollu, ir-Renju Unit jista’ jistabbilixxi perijodu differenti għall-Irlanda ta’ Fuq minn dak stabbilit għall-Gran Brittanja. 3. Il-perijodu ta’ żamma li matulu l-produttur jaħdem biex iżomm fir-raba’ tiegħu n-numru ta’ nagħaġ u/jew mogħoż li għalihom ikun qed jintalab il-premium għandu jkun ta’ anqas minn 100 jum li jibdew fl-ewwel jum ta’ wara l-aħħar jum tal-perjiodu għas-sottomissjoni ta’ l-applikazzjonijiet riferuti fil-paragrafu 2. Artikolu 3 Żoni eliġibbli għall-premium għall-produtturi tal-laħam tal-mogħoż Il-kriterji riferuti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 huma milħuqa fiż-żoni mniżżla fl-Anness I. Artikolu 4 Applikazzjoni għall-premium supplimentari u għall-premium tal-mogħoż 1. Sabiex jibbenefika mill-premium supplimentari jew mill-premium tal-mogħoż, produttur li r-raba’ tiegħu għandha mill-inqas 50 % imma mhux anqas minn 100 % taż-żona tagħha tintuża għall-agrikultura misjuba f’żoni li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 2419/2001 jew f’żoni eliġibbli għall-premium tal-mogħoż, għandu jissottometti dikjarazzjoni jew dikjarazzjonijiet li jindikaw il-lokalità ta’ l-art tiegħu, bi qbil mar-regoli li ġejjin: (a) produttur li hu mitlub li jissottometti kull sena dikjarazzjoni taż-żona totali agrikola li qed tintuża tar-raba’ tiegħu, permezz ta’ formola ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna għal "żona", kif previst fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema integrata għall-amministrazzjoni u kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna fil-Komunità, għandu jindika f’dik id-dikjarazzjoni dawk il-partijiet użati għall-agrikultura li huma misjuba f’żoni riferuti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 jew f’żoni mniżżla fl-Anness I kif inhu xieraq; (b) produttur li m’huwiex mitlub jissottometti dikjarazzjoni riferuta f’(a), għandu jissottometti kull sena dikjarazzjoni speċifika juża, fejn ikun xieraq, is-sistema għall-identifikazzjoni ta’ partijiet agrikoli previsti fis-sistema integrata. Dik id-dikjarazzjoni għandha tindika l-lokalità ta’ l-art kollha li jippossedi, jikri jew juża taħt kull arranġament, tindika ż-żona tagħha u turi d-dettalji ta’ dawk il-partijiet użati għall-agrikultura li huma misjuba f’żoni riferuti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 jew f’żoni mniżżla fl-Anness I kif inhu xieraq. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu dikjarazzjoni speċifika li għandha tkun inkluża fl-applikazzjoni għall-premium tan-nagħaġ u/jew mogħoż. L-Istati Membri jistgħu wkoll jitolbu li d-dikjarazzjoni speċifika issir permezz ta’ formola ta’ l-applikazzjoni għall-għajnuna għaż-"żona". 2. L-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ titlob il-preżentazzjoni ta’ kuntratt tal-propjetà, kuntratt tal-kera jew ftehim bil-miktub bejn il-produtturi u, fejn hu xieraq, attestazzjoni mill-awtorità lokali jew reġjonali li tkun indikat l-art bħala wżata għall-agrikultura u disponibbli għall-produttur konċernat. L-attestazzjoni għandha tindika ż-żona ta’ l-art mogħtija lill-produttur u l-partijiet fiż-żoni riferuti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 jew żoni mniżżla fl-Anness I kif inhu xieraq. Artikolu 5 Produtturi jipprattikaw transhumance 1. Applikazzjonijiet għall-premium sottomessi minn produtturi li l-indirizzi reġistrati ta’ l-irziezet tagħhom huma f’waħda miż-żoni ġeografiċi riferuti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 u li jixtiequ jikkwalifikaw għall-premium supplimentari għandhom jindikaw: - il-post jew postijiet fejn ‘transhumance’ għandha ssir għas-sena kurrenti, - il-perijodu ta’ mill-inqas 90 ġurnata riferut fl-imsemmi paragrafu u stipulat għas-sena kurrenti. 2. Applikazzjonijiet għall-premium minn produtturi kif riferut fil-paragrafu 1 għandhom ikunu akkumpanjati minn dokumenti li jiċċertifikaw li ‘transhumance’ seħħet tassew, ħlief f’każijiet ta’ forza maġġuri jew minħabba l-impatt ġustifikat ta’ ċirkustanzi naturali li jaffettwaw il-ħajja tal-merħla, matul is-sentejn ta’ qabel u partikolarment permezz ta’ attestazzjoni minn awtorità lokali jew reġjonali fuq il-post ta’ ‘transhumance’ li tiċċertifika li din attwalment seħħet matul, mill-anqas, 90 jum konsekuttiv. Meta jkun qed isir iċċekkjar amministrattiv fuq applikazzjonijiet l-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-post ta’ ‘transhumance’ speċifikat fl-applikazzjoni tal-premium huwa fil-fatt fiż-żona riferuta fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001. Artikolu 6 Suppliment għal Gzejjer Canary Bi qbil ma’ l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1454/2001, is-suppliment tal-premium li għandu jingħata lill-produtturi li jbiegħu l-laħam tan-nagħġa u tal-mogħża li qegħdin fil-Gżejjer Canary, għandu jkun ta’ 4.2 Ewro, kull nagħġa u/jew mogħża. Artikolu 7 Eliġibbiltà 1. Il-premium għandu jitħallas lill-produtturi fuq il-bażi tan-numru ta’ nagħaġ u/jew mogħoż miżmum fil-fond tiegħu matul il-perijodu taż-żamma riferut fl-Artikolu 2(3). 2. L-annimali li jissodisfaw il-kondizzjonijiet previsti fid-definizzjonijiet riferuti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 fil-jum finali tal-perijodu taż-żamma għandhom ikunu kkunsidrati bħala annimali eliġibbli. Artikolu 8 Inventarju ta’ produtturi tan-nagħaġ li jbiegħu l-ħalib tan-nagħġa jew il-prodotti tal-ħalib tan-nagħġa. Għal kull sena l-Istati Membri għandhom ifasslu, mhux aktar tard mit-30 ġurnata tal-perijodu taż-żamma, inventarju tal-produtturi tan-nagħaġ li jbiegħu l-ħalib tan-nagħġa jew prodotti tal-ħalib tan-nagħġa. L-inventarju għandu jitfassal fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet tal-produtturi riferuti fl-Artikolu 2(1). Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom, meta jkunu qed ifasslu l-inventarju, jikkunsidraw ir-riżultati tal-kontrolli u kull sors ta’ informazzjoni oħra disponibbli lill-awtorità kompetenti, partikolarment informazzjoni miksuba minn proċessuri jew distributuri li jirrelataw mal-marketing tal-ħalib tan-nagħġa jew prodotti tal-ħalib tan-nagħġa mill-produtturi. Artikolu 9 In-Notifika 1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni l-aktar tard sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena bl-informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet tal-premium sottomessi għas-sena kurrenti. Għal dak il-għan għandhom jużaw formola mudell inkluża fl-Anness II hawnhekk. Għandhom ukoll jinnotifikaw sal-31 ta’ Lulju bil-premium imħallas is-sena ta’ qabel mal-formola pprovduta fl-Anness III u sal-31 t’Ottubru b’kull tibdil fil-lista ta’ żoni ġeografiċi li jipprattikaw it-transhumance u li huma riferuti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) 2529/2001 u l-Artikolu 5 tar-Regolament preżenti. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-entitajiet nazzjonali responsabbli għat-tfassil ta’ l-istatistika uffiċjali fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ u l-laħam tal-mogħoż, fuq talba tagħhom. 2. Meta l-informazzjoni mitluba min-notifika obbligatorja tinbidel, partikolarment bħala riżultat ta’ l-iċċekkjar jew tiswjiet jew tranġar ta’ figuri ta’ qabel, il-Kummissjoni għandha tkun aġġornata fi żmien xahar wara li tkun saret il-bidla. KAPITOLU II LIMITI, RIŻERVI U TRASFERIMENTI Artikolu 10 Drittijiet miksuba b’xejn Meta produttur jikseb drittijiet għall-premium b’xejn mir-riserva nazzjonali u ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali ġustifikati ma jkunx awtorizzat li jittrasferixxi d-drittijiet tiegħu jew jikrihom temporanjament matul it-tliet snin ta’ wara. Artikolu 11 L-użu ta’ drittijiet 1. Produttur li għandu d-drittijiet jista’ jużahom billi jiddisponi minn dawk id-drittijiet u/jew jikri dawk id-drittijiet lill-produttur ieħor. 2. Meta produttur ma jkunx għamel użu minn perċentwali minimu ta’ drittijiet tiegħu preskritti skond il-paragrafu 4, matul kull sena, il-parti li ma tintużax għandha tiġi trasferita lir-riserva nazzjonli, ħlief: (a) fil-każ ta’ produtturi li għandhom massimu ta’ 20 dritt, fejn dan il-produttur ma jkunx għamel użu mill-perċentwali minima ta’ drittijiet tiegħu, matul it-tnejn mis-sentejn kalendarji konsekuttivi, il-parti mhix użata matul l-aħħar sena kalendarja għandha tiġi trasferita lir-riserva nazzjonali; (b) fil-każ ta’ produttur li qed jipparteċipa fi program ta’ estenzjoni rikonoxxut mill-Kummissjoni; (ċ) fil-każ ta’ produttur li qed jipparteċipa fi skema ta’ irtirar kmieni rikonoxxuta mill-Kummissjoni fejn it-trasferiment u/jew il-kera temporanja ta’ drittijiet mhix obbligatorja, jew (d) f’ċirkustanzi eċċezzjonali u ġustifikati. 3. Kera temporanja għandha tkun biss effettiva għal snin sħaħ u għandha tinvolvi għall-inqas in-numru minimu ta’ annimali previst fl-Artikolu 12(1). Fl-aħħar ta’ kull perijodu ta’ kera temporanja, li m’għandhiex taqbeż tliet snin konsekuttivi, produttur għandu, ħlief fil-każ ta’ trasferiment ta’ drittijiet, jiġbor lura għalih id-drittijiet kollha tiegħu, għall-inqas għal sentejn konsekuttivi. Jekk il-produttur ma jużax għall-inqas il-perċentwali minima ta’ drittijiet tiegħu, iffissat skond il-paragrafu 4, matul kull waħda mis-sentejn, l-Istat Membru għandu, ħlief f’każijet eċċezzjonali u ġustifikati, jiġbed lura u jirritorna kull sena lir-riserva nazzjonali dik il-parti ta’ drittijiet mhux użata mill-produttur. Madankollu, fil-każ ta’ produtturi li qed jipparteċipaw fl-iskemi ta’ irtirar kmieni rikonoxxuti mill-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għat-tul kollu tal-kera temporanja abbażi ta’ dawn l-iskemi li jiżdiedu. Produtturi li jkunu intrabtu li jipparteċipaw fi program ta’ estenzjoni skond il-miżura riferuta fl-Artikolu 2(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2078/92 [19] jew fi program ta’ estensjoni skond l-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 ma jkunux awtorizzati li jikru temporanjament u/jew jittrasferixxu d-drittijiet tagħhom ma’ tul il-perijodu ta’ dik il-parteċipazzjoni. Madanakollu, din id-disposizzjoni ma tgħoddx f’każijijet fejn il-program jippermetti t-trasferiment u/jew il-kera temporanja ta’ drittijiet lill-produtturi li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-miżuri oħra li mhux riferuti f’dan is-subparagrafu tirrikjedi l-akkwist ta’ drittijiet. 4. Il-perċentwali minimu ta’ l-użu tad-drittjiet għall-premium għandu jkun 79 %. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jżidu dan il-perċentwali għal 90 %. Għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-quddiem bil-perċentwali li bi ħsiebhom japplikaw. Artikolu 12 Trasferiment ta’ drittijiet u kera temporanja 1. L-Istati Membri jistgħu jistipulaw, fuq il-bażi ta’ l-istrutturi tal-produzzjoni tagħhom, numru minimu ta’ drittijiet għall-premium li jista’ jkun suġġett għal trasferiment parzjali li ma jinvolvix it-trasferiment tar-raba’. Dan il-minimu ma għandux jaqbeż 10 drittijiet għall-premium. 2. It-trasferimenti tad-drittijiet għall-premium u l-kera temporanju ta’ dawn id-drittijiet għandhom ikunu effettivi biss wara li jkunu ġew avżati lill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru mill-produttur li jittrasferixxi u/jew jikri d-drittijiet u mill-produttur li jirċievi d-drittijiet. Dawn in-notifiki għandhom isiru f’perijodu ta’żmien stabbilit mill-Istat Membru u mhux iktar tard mid-data li fiha jtemm il-perijodu taż-żmien għall-applikazzjoni għall-premium għajr f’dawk il-każijiet fejn it-trasferiment tad-drittijiet jiġri permezz ta’ wirt. F’dak il-każ, il-produttur li jirċievi d-drittijiet irid ikun f’pożizzjoni li jforni d-dokumenti legali xierqa sabiex jipprova illi hu jew hija jkunu l-benefiċjarji tal-produttur il-mejjet. 3. Fil-każ ta’ trasferiment mingħajr it-trasferiment tar-raba, in-numru ta’ drittijiet trasferiti mingħajr kumpens għar-riserva nazzjonali ma jista’ fl-ebda każ ikun anqas minn wieħed. Artikolu 13 Bidla fil-limitu individwali Fil-każ ta’ trasferimenti jew kera temporanja tad-drittijiet tal-premium, l-Istati Membri għandhom jistipulaw il-limitu individwali l-ġdid u għandhom jinnotifikaw lill-produtturi konċernati bin-numru tad-drittijiet tal-premium li huma intitolati għalihom mhux aktar tard minn 60 il-jum mill-aħħar jum tal-perijodu li matulu l-produttur ikun issottometta l-applikazzjoni tiegħu. L-ewwel subparagrafu ma jgħoddx fil-każ fejn it-trasferiment iseħħ permezz ta’ wirt taħt il-kondizzjonijiet riferuti fl-Artikolu 12(2). Artikolu 14 Produtturi li ma jippossedux l-art li fiha jaħdmu r-raba’ Produtturi li jaħdmu biss art għar-raba’ li hija pubblika jew kollettiva li jiddeċiedu li jieqfu jużaw dik l-art għall-mergħa u li jittrasferixxu d-drittijiet kollha tagħhom lill-produttur ieħor għandhom ikunu trattati bl-istess mod bħal produtturi li jbiegħu jew jitrasferrixu r-raba’ tagħhom. Fil-każijiet l-oħra kollha dawn il-produtturi għandhom ikunu trattati bl-istess mod bħal produttri li jittrasferixxu d-drittijiet tal-premium tagħhom biss. Artikolu 15 Trasferiment permezz tar-riserva nazzjonali Fejn l-Istati Membri jipprovdu li t-trasferiment tad-drittijiet għandu jseħħ permezz tar-riserva nazzjonali, għandhom japplikaw disposizzjonijiet analogi ma’ dawk f’dan il-kapitolu. Iktar minn hekk, f’dawn il-każijiet: - l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kera temporanja permezz tar-riserva nazzjonali, - fil-każ tat-trasferiment tad-drittijiet tal-premium jew kera temporanja bi qbil ma’ l-ewwel inċiż, trasferiment għar-riserva ma jidħolx fis-seħħ sa wara n-notifika mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru lill-produttur li jkun se jittrasferixxi jew jikri d-drittijiet, u trasferimenti mir-riserva għal produttur ieħor ma jidħlux fis-seħħ sa wara n-notifika lil dak il-produttur mill-awtoritajiet. Barra minn hekk, dawn id-disposizzjonijiet għandhom jassiguraw li l-parti tad-drittijiet li m’hijiex koperta bit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 għandha tiġi kanċellata permezz ta’ pagament mill-Istat Membru li jikkorrispondi mal-pagament li kien jirriżulta minn trasferiment dirett bejn il-produtturi, b’attenzjoni partikolari meħuda fuq ix-xejra fil-produzzjoni ta’ l-Istat Membru konċernat. Dan il-pagament għandu jkun daqs il-pagament imħallas minn produttur li jirċievi drittijiet ekwivalenti mir-riserva nazzjonali. Artikolu 16 Kalkulazzjoni fuq il-limiti individwali Għandhom jintużaw biss numri sħaħ fil-kalkoazzjonijiet tal-bidu u fl-aġġustamenti sussegwenti għal-limiti individwali fuq id-drittijiet tal-premium. Għal dak l-għan, meta r-riżultat finali tal-kalkolazzjonijiet aritmetiċi ma jkunx numru sħiħ, għandu jintuża n-numru sħiħ l-aktar viċin. Madanakollu, meta r-riżultat tal-kalkolazzjonijiet jaqa’ eżatt bejn żewġ numri sħaħ, għandu jintuża n-numru l-aktar għoli. Artikolu 17 In-Notifika 1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Marzu 2002 bil-proċeduri wżati biex jiġi implimentat it-tnaqqis tal-limiti individwali skond l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001, kif ukoll in-numru totali ta’ drittijiet mogħtija lill-produtturi u n-numru ta’ drittijiet allokati għar-riserva. 2. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard l-1 ta’ Marzu 2002 bil-metodu biex jiġi kalkulat it-tnaqqis skond l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 u fejn hu applikabbli bil-miżuri meħuda taħt l-Artikolu 9(3) u, qabel l-1 ta’ Jannar kull sena, b’kull emenda. 3. Permezz tat-tabella mniżżla fl-Annessi IV u V, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa mhux iktar tard mit-30 t’April ta’ kull sena b’: (a) in-numru ta’ drittijiet tal-premium ritornati mingħajr ħlas kompensatorju lir-riserva nazzjonali li jirriżultaw mit-trasferimenti ta’ drittijiet mingħajr it-trasferimenti tar-raba’ matul is-sena ta’ qabel; (b) in-numru ta’ drittijiet tal-premium mhux użati riferuti fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 trasferiti lir-riserva nazzjonali matul is-sena ta’ qabel; (ċ) in-numru ta’ drittijiet mogħtija taħt l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001 matul is-sena ta’ qabel; (d) in-numru ta’ drittijiet tal-premium mogħtija lill-produtturi f’żoni anqas favoriti mir-riserva nazzjonali matul is-sena ta’ qabel; (e) id-dati li jikkonċernaw il-perijodi u t-temm taż-żmien relatati mat-trasferimenti ta’ drittijiet u ma’ l-applikazzjonijiet għall-premium. KAPITOLU III ĦLASIJIET ADDIZZJONALI Artikolu 18 Sat-30 t’April 2002 l-Istati Membri għandhom jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni dwar l-arranġamenti nazzjonali tagħhom li jikkonċernaw l-għotja ta’ pagamenti addizzjonali maħsuba minn quddiem taħt l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001. Fejn ikun xieraq din l-informazzjoni għandha tinkludi partikolarment: 1. Pagamenti kull ras: (a) ammonti indikattivi kull ras u arranġementi ta’ l-għotja; (b) previżjoni indikattiva tan-nefqa totali u n-numru ta’ annimali konċernati; (ċ) talbiet speċifiċi tad-densità tal-ħażniet; (d) informazzjoni oħra dwar ir-regoli ta’ l-applikazzjoni. 2. Pagamenti taż-żona (fejn hu neċessarju): (a) kalkolazzjoni taż-żoni bażi reġjonali; (b) ammonti indikattivi għal kull ettaru; (b) previżjoni indikattiva tan-nefqa totali u tan-numru ta’ ettari konċernati; (d) informazzjoni oħra dwar ir-regoli ta’ l-applikazzjoni. 3. Dettalji ta’ skemi oħra li ġew stabbiliti biex isiru ħlasijiet addizzjonali. 4. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’kull tibdiliet fl-arranġamenti fi żmien xahar wara kull bidla. KAPITOLU IV DISPOŻIZZJONIJIET TEMPORANJI U FINALI Artikolu 19 Miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri xierqa kollha sabiex jassiguraw li dan ir-Regolament qed jiġi applikat sewwa. Għandhom jgħarrfu bihom lill-Kummissjoni. Artikolu 20 Miżuri temporanji Applikazzjonijiet għall-premium għas-sena 2002 magħmula qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-qafas tar-reġim tal-premium previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 2467/98 għandhom ikunu kkunsidrati bħala applikazzjonijiet taħt ir-reġim imwaqqaf fir-Regolament (KE) Nru 2529/2001. Ir-Regolament (KE) Nru 2419/2001 fil-verżjoni tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-regolament għandu jgħodd għal dawn l-applikazzjonijiet kollha. Artikolu 21 Tħassir Ir-Regolamenti (KEE) Nru 2814/90, (KEE) Nru 2385/91, (KEE) Nru 2230/92, (KEE) Nru 3567/92, (KEE) Nru 2700/93, u (KE) Nru 2738/1999 huma mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2002. Għandhom jibqgħu jgħoddu għall-applikazzjonijiet sottomessi għas-sena 2001 u s-snin ta’ marketing ta’ qabel. Ir-riferenzi għar-Regolamenti ripetuti għandhom jinftiehmu bħala riferenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b’mod konformi mat-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness VI. Artikolu 22 Emendi għas-sistema integrata It-test ta’ l-Artikolu 40(4) tar-Regolament (KE) Nru 2419/2001 jiġi mibdul b’dan li ġej: "L-Artikolu 40 1. Fejn, għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt l-iskema ta’ l-għajnuna għan-nagħaġ/mogħoż, tinstab differenza skond l-Artikolu 36(3), l-Artikolu 38(2), (3) u (4) għandu jgħodd mutatis mutandis mill-ewwel annimal li għalih jinstabu l-irregolaritajiet. 2. Jekk jiġi stabbilit li produttur tan-nagħaġ li jbigħ il-ħalib tan-nagħġa u prodotti tal-ħalib tan-nagħġa jonqos milli jiddikjara fuq l-applikazzjoni tiegħu tal-premium li kien qed jagħmel hekk, l-ammont ta’ l-għajnuna li hu intitolat għalih għandu jitnaqqas għall-premium dovut lill-produtturi tan-nagħaġ li jbiegħu ħalib tan-nagħaġ u prodotti tal-ħalib tan-nagħaġ li minnu titnaqqas id-differenza bejn dan u l-ammont sħiħ tal-premium tan-nagħaġ. 3. Fejn, fil-każ t’applikazzjonijiet għall-premium supplimentari, jiġi determinat li anqas minn 50 % taż-żona tar-raba’ wżata għall-agrikultura hija misjuba f’żoni riferuti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2529/2001 [20], il-premium supplimentari m’għandux jitħallas u l-premium tan-nagħaġ u l-mogħoż għandu jintnaqqas bl-ammont ekwivalenti għal 50 % tal-premium supplimentari. 4. Fejn ikun determinat li l-perċentwali taż-żona tar-raba’ wżata għall-agrikoltura misjuba f’żoni mniżżla fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2550/2001 [21] huwa anqas minn 50 %, il-premium tal-mogħoż m’għandux jitħallas. 5. Fejn, huwa stabbilit li l-produttur li qed jipprattika ‘transhumance’ li ssottometta applikazzjoni għall-premium supplimentari ma jirgħax 90 % ta’ l-annimali tiegħu għal mill-inqas 90 jum f’żona riferuta fl-Artikolu 5(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 2529/2001(20) il-premium supplimentari m’għandux jitħallas u l-premium tan-nagħaġ u l-mogħoż għandu jintnaqqas b’ammont ekwivalenti għal 50 % tal-premium supplimentari. 6. Fejn jinstab li l-irregolarità riferuta f’paragrafi 2, 3, 4 u 5 tirriżulta min-nuqqas ta’ qbil intenzjonat l-ammont totali ta’ għajnuna riferut f’dawn il-paragrafi għandu jiġi rifjutat. F’dan il-każ, il-gabilott għandu jkun eskluż għal darba oħra milli jirċievi għajnuna daqs dak l-ammont. Dan l-ammont għandu jiġi kumpensat minn ħlas ta’ għajnuna fl-iskema ta’ l-għajnuna għan-nagħaġ/mogħoż li għalihom il-gabilott huwa intitolat skond l-applikazzjonijiet li huwa jagħmel fil-kors ta’ tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tar-riżultati." Artikolu 23 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Għandu jbda japplika mill-1 ta’ Jannar 2002. Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussel, fil-21 ta’ Diċembru 2001. Għall-Kummissjoni Franz Fischler Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 341, tat-22.12.2001, p 1. [2] ĠU L 355, tal-5.12.1992, p. 1. [3] ĠU L 72, ta' l-14.3.2001, p. 6. [4] ĠU L 312, ta' l-20.11.98, p. 1. [5] ĠU L 193, tad-29.7.2000, p. 8. [6] ĠU L 268, tad-29.9.1990, p. 35. [7] ĠU L 281, tas-17.10.1998, p. 6. [8] ĠU L 219, tas-7.8.1991, p. 15. [9] ĠU L 275, tas-26.10.1999, p. 9. [10] ĠU L 218, ta' l-1.8.1992, p. 97. [11] ĠU L 362, tal-11.12.1992, p. 41. [12] ĠU L 148, tat-22.6.2000, p. 31. [13] ĠU L 245, ta' l-1.10.1993, p. 99. [14] ĠU L 164, tat-30.6.1999, p. 53. [15] ĠU L 328, tat-22.12.1999, p. 59. [16] ĠU L 327, tat-12.12.2001, p. 11. [17] ĠU L 198, tal-21.7.2001, p. 45. [18] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 80 [19] ĠU L 215, tat-30.07.92, p. 85. [20] ĠU L 341, tat-22.12.2001, p. 3. [21] ĠU L 341, tat-22.12.2001, p. 105. -------------------------------------------------- ANNESS I Żoni eliġibbli biex jirċievu l-premium tal-mogħoż 1. Franza: Korsika u ż-żoni tal-muntanji kollha kif imfissra fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 situwati barra minn dan ir-reġjun. 2. Il-Greċja: il-pajjiż kollu. 3. L-Italja: Il-Lazjo, l-Abruzzo, l-Molise, l-Kampanja, l-Apulja, l-Basilkata, l-Kalabrija, Sqallija u Sardenja u ż-żoni tal-muntanji kollha skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 sitwati barra minn dawn ir-reġjuni. 4. Spanja: ir-reġjuni awtonomi ta’ l-Anadalusija, Aragona, il-Gzejjer Baleariċi, Castile-La Mancha, Castile-Leon, il-Katalonja, l-Extremadura, l-Galizja (bl-eċċezzjoni tal-provinċji ta’ Corua u Lugo), Madrid, Murcia, La Rioja, Comunidad Valenciana u l-Gzejjer Canary u ż-żoni tal-muntanji kollha kif imfissra fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999 situwati barra minn dawn ir-reġjuni. 5. Il-Portugall: il-pajjiż kollu, bl-eċċezzjoni ta’ l-Azores. 6. L-Awstrija: iż-żoni tal-muntanji kollha kif imfissra fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1257/1999. -------------------------------------------------- ANNESS II Applikazzjonijiet għall-premia tan-nagħaġ u l-mogħoż +++++ TIFF +++++ -------------------------------------------------- ANNESS III Ħlasijiet għall-premia tan-nagħaġ u l-mogħoż +++++ TIFF +++++ -------------------------------------------------- ANNESS IV Tħaddim tar-riserva nazzjonali +++++ TIFF +++++ -------------------------------------------------- ANNESS V Perijodi u temm taż-żmien relatati mat-trasferimenti tad-drittjiet u applikazzjonijiet għall-premium +++++ TIFF +++++ -------------------------------------------------- ANNESS VI Tabella tal-korrelazzjoni Regolament (KEE) Nru 2700/93 | Dan ir-Regolament | – | Artikolu 1 | Artikolu 1 | Artikolu 2 | – | Artikolu 3 | Artikolu 1 a (1) u (2) | Artikolu 4 | Artikolu 3 | Artikolu 7 | Artikolu 4(2) | Artikolu 8 | Artikolu 1 a (6) | Artikolu 22 | Artikolu 2 | Artikolu 9 | Anness I | Anness II | Anness II | – | – | Anness III | – | Anness IV | Regolament (KEE) Nru 3567/92 | Dan ir-Regolament | Artikolu 6 | Artikolu 10 | Artikolu 6a | Artikolu 11 | Artikolu 7 | Artikolu 12 | Artikolu 9 | Artikolu 13 | Artikolu 10 | Artikolu 14 | Artikolu 11 | Artikolu 15 | Artikolu 12 | Artikolu 16 | – | Artikolu 17 | Artikolu 15 | Artikolu 18 | Regolament (KEE) Nru 2814/90 | Dan ir-Regolament | L-Artikoli kollha | – | Regolament (KEE) Nru 2385/91 | Dan ir-Regolament | L-Artikoli 3(1), (2) u (3) | Artikolu 5 | Regolament (KEE) Nru 2230/92 | Dan ir-Regolament | Artikolu 1 | Artikolu 6 | Regolament (KEE) Nru 2738/1999 | Dan ir-Regolament | Artikolu 1 | Artikolu 3 u Anness I | Regolament (KEE) Nru 2467/98 | Dan ir-Regolament | Anness 1 | Anness I | --------------------------------------------------