32001R2429



Official Journal L 328 , 13/12/2001 P. 0028 - 0028


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2429/2001

tat-12 ta’ Diċembru 2001

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1623/2000 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 fuq l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid dwar mekkaniżmi tas-suq, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 442/2001 dwar ftuħ ta’ distillazzjoni ta’ kriżi, kif imsemmi fl-Artikolu 30 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 għal inbejjed tal-mejda fil-Portugall

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jwaqqaf il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju, 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ inbid [1], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2826/2000 [2], u partikolarment l-Artikolu 33 tiegħu,

Billi:

(1) Bħala riżultat tal-ftuħ ta’ distillazzjoni ta’ kriżi fil-Portugall fis-sena ta’ l-inbid 2000/01, jeħtieġ li jkun hemm aktar faċilitajiet pubbliċi għall-ħażna ta’ alkoħol li għandu jkun ikkonsenjat lill-aġenzija ta’ intervent. Minħabba dan kellu jsir xogħol kbir ta’ stallazzjonijiet li ma setax jitlesta fil-ħin. Din is-sitwazzjoni għamlitha impossibbli għad-distillaturi li jikkonsenjaw l-alkoħol fid-data miftiehma, jiġifieri t-30 ta’ Novembru, 2001. Din id-data għandha għalhekk tkun imtawla b’xahar, u li din l-emenda għandha tibda sseħħ mill-1 ta’ Diċembru, 2001.

(2) Skond l-Artikolu 62(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1623/2000 [3], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2047/2001 [4], id-data in kwistjoni hija dwar prodotti sekondarji. Skond l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 442/2001 [5], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1223/2001 [6], id-data in kwistjoni għandha x’taqsam ma’ alkoħol magħmul minn distillazzjoni.

(3) Il-miżuri stabbiliti b’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni ta’ l-Inbid,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Is-subparagrafu li ġej għandu jiżdied ma’ l-Artikolu 62(1) tar-Regolament (KE) Nru 1623/2000:

"Bla ħsara għall-ewwel subparagrafu, fir-rigward tal-Portugall, u għas-sena ta’ l-inbid 2000/01, distillaturi jistgħu jikkonsenjaw prodotti ta’ qawwa alkoħolika ta’ mill-anqas 92 % vol lill-aġenzija ta’ intervent sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru wara s-sena ta’ l-inbid in kwistjoni."

2. L-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 442/2001 għandu jinbidel b’dan li ġej:

"3. L-inbid għandu jkun ikkonsenjat fid-distilleriji sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Lulju, 2001. L-alkoħol miksub għandu jkun ikkonsenjat lill-aġenzija ta’ intervent sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru, 2001."

L-Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu japplika mill-1 ta’ Diċembru, 2001.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, it-12 ta’ Diċembru, 2001.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 179, ta’ l-14.7.1999, p. 1.

[2] ĠU L 328, tat-23.12.2000, p. 2.

[3] ĠU L 194, tal-31.7.2000, p. 45.

[4] ĠU L 276, tad-19.10.2001, p. 15.

[5] ĠU L 63, tat-3.3.2001, p. 52.

[6] ĠU L 168, tat-23.6.2001, p. 11.

--------------------------------------------------