32001R2422



Official Journal L 332 , 15/12/2001 P. 0001 - 0006


Ir-Regolament (KE) Nru 2422/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

tas-6 ta' Novembru 2001

dwar programm tal-Komunità dwar l-ittikkettjar ta' l-użu effiċjenti ta' l-enerġija għat-tagħmir ta' l-uffiċċju

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni [1],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [2],

Wara li kkonsultaw il-Kummitat tar-Reġjuni,

Waqt li jaġixxu bi qbil mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 251 tat-Trattat [3],

Billi:

(1) It-tagħmir ta' l-uffiċċju għandu sehem sinnifikanti mill-konsum totali ta' l-elettriku. L-iktar miżura effettiva għat-tnaqqis tal-konsum ta' l-elettriku tat-tagħmir ta' l-uffiċċju huwa li jitnaqqas il-konsum standby bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju ta' l-1999 dwar telf standby minn tagħmir elettroniku tal-konsumatur. Il-mudelli varji disponibbli fis-suq tal-Komunità għandhom ħafna livelli differenti ta' konsum fl-istandby mode.

(2) Hemm, iżda, miżuri oħra għat-tnaqqis tal-konsum ta' l-elettriku minn dan it-tagħmir, bħal li jintefa meta mhux meħtieġ, mingħajr ma tkun kompromessa il-funzjonalità. Il-Kummissjoni għandha taċċerta liema miżuri huma xierqa sabiex tisfrutta wkoll dan il-potenzjal li tinħela inqas enerġija.

(3) Huwa importanti li jkunu promossi miżuri immirati lejn il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

(4) Huwa mixtieq li jkunu koordinati l-inizjattivi nazzjonali dwar l-ittikkettjar dwar l-użu ta' l-enerġija biex jitnaqqas l-impatt ħażin fuq l-industrija u l-kummerċ.

(5) Huwa xieraq li jittieħed bħala bażi livell għoli ta' protezzjoni fi proposti għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati mil-liġi, regolament jew azzjoni amministrattiva fl-Istati Membri li jitrattaw is-saħħa, sigurtà, l-protezzjoni ambjentali u l-protezzjoni tal-konsumatur. Dan ir-Regolament jikkontribwixxi għal livell għoli ta' protezzjoni kemm għall-ambjent u kemm għall-konsumatur, waqt li jimmira għal titjib sinnifikattiv fl-użu effiċjenti ta' l-enerġija ta' dan it-tip ta' tagħmir.

(6) Peress li l-għanijiet ta' l-azzjoni proposta ma jistgħux ikunu suffiċjentament miksuba mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk ikunu miksuba aħjar fuq livell tal-Komunità, il-Komunità tista’ tadotta miżuri bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Bi qbil mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx ‘l hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-oġġettivi.

(7) Minbarra dan, l-Artikolu 174 tat-Trattat isejjaħ għall-protezzjoni u t-titjib ta' l-ambjent u l-utilizzazzjoni razzjonali u prudenti tar-risorsi naturali, liema żewġ oġġettivi huma fost dawk tal-politika tal-Komunità dwar l-ambjent. Il-ġenerazzjoini u l-konsum ta' l-elettriku ilaħħqu għal 30 % ta' l-emissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju magħmul mill-bniedem (CO2) u għal xi 35 % tal-konsum ta' enerġija primarja fil-Komunità. Dawn il-persentaġġi qed jiżdiedu, u telf minn standby minn tagħmir elettriku ilaħħaq għal madwar 10 % tal-konsum tiegħu.

(8) Minbarra dan, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/364/KEE tal-5 ta' Ġunju 1989 fuq programm ta' azzjoni tal-Komunità għat-titjib ta' l-effiċjenza ta' l-użu ta' l-elettriku [4] għandha bħala ż-żewġ oġġettivi tagħha li tħeġġeġ lill-konsumaturi biex jiffavorixxu apparat u tagħmir domestiku b'effiċjenza għolja ta' użu ta' elettriku u biex ittejbu l-effiċjenza ta' l-apparat u t-tagħmir. Iktar passi huma meħtieġa biex itejbu l-informazzjoni għall-konsumatur.

(9) Il-Protokol ta' l-UNFCCC miftiehem fi Kyoto nhar l-10 ta' Diċembru tal-1997 isejjaħ għal tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gass tas-serra għall-Komunità ta' 8 % mhux aktar tard mill-perjodu 2008 sa 2012. Sabiex jinkiseb dan l-oġġettiv, miżuri iktar b'saħħithom huma meħtieġa biex inaqqsu emissjonijiet CO2 fil-Komunità.

(10) Minbarra dan, id-Deċiżjoni Nru 2179/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 1998 dwar ir-reviżjoni tal-programm tal-Komunità Ewropea dwar il-politika u l-azzjoni relatati ma’ l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli "Lejn is-sostenibilità" [5] indikat bħala prijorità ewlenija għall-integrazzjoni tal-ħtiġiet ambjentali fir-rigward ta' l-enerġija il-provvediment ta' l-itikkettjar dwar l-użu effiċjenti ta' l-enerġija ta' l-apparat.

(11) Ir-Resoluzzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 1998 dwar l-effiċjenza ta' l-enerġija fil-Komunità Ewropea [6] għamlet sejħa biex jiżdied l-użu ta' l-ittikkettjar ta' apparat u tagħmir.

(12) Huwa mixtieq li jkunu koordinati r-rekwiżiti għall-użu effiċjenti ta' l-enerġija, tikketti u metodi ta' testijiet kull fejn huwa xieraq.

(13) Il-biċċa l-kbira tat-tagħmir ta' l-uffiċċju li juża l-enerġija b'mod effiċjenti hu disponibbli bi ftit jew bl-ebda nfieq żejjed u jista’ għalhekk f’ħafna każijiet jikkumpensa għal kull infieq addizzjonali permezz ta' tnaqqis fil-ħela ta' l-elettriku fi żmien raġonevolment qasir. L-oġġettivi ta' tnaqqis fil-ħela ta' l-enerġija u tnaqqis CO2 jistgħu għalhekk jinkisbu b'mod li huwa cost-effective f'dan il-qasam, mingħajr żvantaġġi għall-konsumatur jew l-industrija.

(14) Tagħmir ta' l-uffiċċju hu kummerċjalizzat madwar id-dinja kollha. Il-Ftehim bejn il-Gvern ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar il-koordinazzjoni tal-programmi ta' l-ittikkettjar fir-rigward ta' l-użu effiċjenti ta' l-enerġija għat-tagħmir ta' l-uffiċċju għandu jiffaċilita l-kummerċ internazzjonali u l-protezzjoni ta' l-ambjent għal dan it-tagħmir. Dan ir-Regolament hu bil-għan li jimplimenta l-Ftehim hawn fuq imsemmi fil-Komunità.

(15) Sabiex ikunu influwenzati r-rekwiżiti tat-tikketta Energy Star, li hi wżata mad-dinja kollha, il-Komunità għandha tipparteċipa f'din l-iskema ta' tikkettjar u fit-tfassil ta' l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa. Iżda, reviżjonijiet regolari għandhom jitwettqu biex jaċċertaw jekk il-kriterji tekniċi stipulati humiex ambizjużi biżżejjed u jqisux biżżejjed it-tħassib tal-Komunità.

(16) Sistema ta' rinfurzar effettiva hi meħtieġa biex tassigura li l-programm ta' l-ittikkettjar fir-rigward ta' l-użu effiċjenti ta' l-enerġija għat-tagħmir ta' l-uffiċċju hu implimentat sew, tiggarantixxi kundizzjonijiet ġusti tal-kompetizzjoni għall-produtturi u tipproteġi d-drittijiet tal-konsumatur.

(17) Dan ir-Regolament hu ristrett għall-prodotti tat-tagħmir ta' l-uffiċċju.

(18) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE tat-22 ta' Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz ta' tikkettjar u informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum ta' enerġija u risorsi oħra minn apparat domestiku [7] mhux l-iktar strument adatt għat-tagħmir ta' l-uffiċċju. Il-miżura li hi l-aktar cost-effective għal promozzjoni ta' l-effiċjenza fl-użu ta' l-enerġija tat-tagħmir ta' l-uffiċċju hu programm ta' tikkettjar volontarju.

(19) Hu meħtieġ li x-xogħol għall-kontribuzzjoni għall-istabbiliment u r-reviżjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jingħata lil organu adatt, il-Bord ta' l-Energy Star tal-Komunità Ewropea (ECESB), sabiex tinkiseb l-implimentazzjoni effiċjenti u newtrali ta' l-iskema. Il-ECESB għandu jkun magħmul minn rappreżentanti nazzjonali.

(20) Hu meħtieġ biex ikun żgurat li l-programm ta' l-ittikkettjar fir-rigward ta' l-użu effiċjenti ta' l-enerġija għat-tagħmir ta' l-uffiċċju ikun konsistenti u koordinat mal-prijoritajiet tal-politika tal-Komunità u ma’ skemi oħra ta' tikkettjar jew ċertifikazzjoni tal-kwalità tal-Komunità bħal dawk stabbiliti mid-Direttiva 92/75/KEE u mir-Regolament (KE) Nru 1980/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2000 dwar reviżjoni ta' skemi ta' għoti ta' tikketta-eco tal-Komunità [8].

(21) Hu mixtieq li jkun ikkoordinat il-programm Energy Star tal-Komunità u skemi oħra volontarji ta' tikkettjar fir-rigward ta' l-użu effiċjenti ta' l-enerġija għat-tagħmir ta' l-uffiċċju fil-Komunità, sabiex jipprevenu konfużjoni għall-konsumaturi u distorsjonijiet potenzjali tas-suq.

(22) Hu meħtieġ li tkun garantita trasparenza fl-implimentazzjoni ta' l-iskema u tkun assigurata konsistenza ma’ l-istandards internazzjonali relevanti sabiex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-skema għall-manifatturi u esportaturi minn pajjiżi barra l-Komunità u l-parteċipazzjoni fiha.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Oġġettivi

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-programm ta' tikkettjar dwar l-użu effiċjenti ta' l-enerġija tal-Komunità għat-tagħmir ta' l-uffiċju (minn hawn ’il quddiem l-"Programm Energy Star") kif definit fil-Ftehim bejn il-Gvern ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar il-koordinazzjoni tal-programmi ta' tikkettjar dwar l-użu effiċjenti ta' l- enerġija għat-tagħmir ta' l-uffiċċju (minn hawn ’il quddiem msemmija bħala "l-Ftehim"). Parteċipazzjoni fil-programm Energy Star hu fuq bażi volontarja.

L-Artikolu 2

Firxa ta' Applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għal gruppi ta' prodotti ta' tagħmir ta' l-uffiċċju definit fl-Anness Ċ tal-Ftehim, bla ħsara għal kull emendi miġjuba fih bi qbil ma’ l-Artikolu X tal-Ftehim.

L-Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:

(a) "logo komuni" tfisser il-marka msemmija fl-Anness;

(b) "il-programm tal-parteċipanti" tfisser manifatturi, muntaturi, esportaturi, importaturi, bejjiegħa bl-imnut u organi oħra li jikkommettu lilhom infushom biex jippromwovu prodotti ta' l-uffiċju mfassla għal enerġija effiċjenti li jilħqu l-ispeċifikazzjonijiet tal-programm Energy Star u li għażlu li jipparteċipaw fil-programm Energy Star billi jirreġistraw mal-Kummissjoni;

(ċ) "speċifikazzjonijiet" tfisser il-ħtiġiet fir-rigward ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija u tal-prestazzjoni, inklużi metodi ta' l-ittestjar, wżati biex jiddeterminaw jekk il-prodotti tat-tagħmir ta' l-uffiċċju li jużaw l-enerġija b'mod effiċjenti jikkwalifikawx għal-logo komuni.

L-Artikolu 4

Prinċipji ġenerali

1. Il-programm Energy Star għandu jkun koordinat, kif xieraq, ma’ arranġamenti oħra tal-Komunità dwar l-ittikkettjar jew ċertifikazzjoni ta' kwalità kif ukoll ma’ skemi bħal, partikolarment, l-għoti ta' l-iskema tat-tikketta-eco tal-Komunità kif stabbilit mir-Regolament (KEE) Nru 880/92 u l-indikazzjoni permezz ta' l-ittikkettjar u l-informazzjoni standard dwar il-konsum ta' l-enerġija tal-prodott u risorsi oħra minn apparat domestiku kif stabbilit mid-Direttiva 92/75/KEE.

2. Il-logo komuni jista’ jintuża minn parteċipanti fil-programm u organi oħra fuq il-prodotti tat-tagħmir ta' l-uffiċċju individwali tagħhom u fuq il-promozzjoni assoċjata.

3. Prodotti ta' tagħmir għall-uffiċċju li għalihom l-użu tal-logo komuni kienet mgħotija mill-"Aġenzija għall-Protezzjoni ta' l-Ambjent ta' l-Istati Uniti" (USEPA) huma meqjusa konformi ma’ dan ir-Regolament, sakemm ma jkunx hemm xhieda tal-kuntrarju.

4. Mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-Komunità dwar l-istima tal-konformità u l-immarkar ta' konformità u/jew għal xi ftehim internazzjonali konkluż bejn il-Komunità u pajjiżi terzi għar-rigward ta' aċċess għas-suq tal-Komunità, prodotti koperti minn dan ir-Regolament li huma mqiegħda fis-suq tal-Komunità jistgħu ikunu ttestjati mill-Kummissjoni jew mill-Istati Membri sabiex jivverifikaw il-konformità tagħhom mal-ħtiġiet ta' dan ir-Regolament.

L-Artikolu 5

Reġistrazzjoni ta' parteċipanti fil-programm

1. Applikazzjonijiet biex wieħed isir parteċipant fil-programm jistgħu ikunu sottomessi lill-Kummissjoni.

2. Id-deċiżjoni li tawtorizza applikant li jsir parteċipant fil-programm għandha tittieħed mill-Kummissjoni, wara li tkun ivverifikat li l-applikant qabel li jikkonforma mal-linja ta' gwida mall-utent tal-logo li hemm fl-Anness B għal Ftehim. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista aġġornata ta' parteċipanti fil-programm u tikkomunikaha lill-Istati Membri fuq bażi regolari.

L-Artikolu 6

Promozzjoni u informazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-isforz massimu tagħha biex tħeġġeġ, f'kooperazzjoni ma’ l-Istati Membri u l-Membri tal-ECESB, l-użu tal-logo komuni b'azzjonijiet xierqa li jqajmu għarfien u kampanji ta' informazzjoni għal konsumatur, il-fornituri, in-negozjanti u l-pubbliku ġenerali.

2. Kull Stat Membru għandu jfittex li jassigura li l-konsumaturi u korpi interessati oħra huma magħmula konxji ta' l-informazzjoni dettaljata dwar il-programm Energy Star, u għandhom aċċess għaliha, bl-użu tal-għodod kollha possibbli tal-Komunità.

3. Sabiex ikun inkoraġġit il-bejgħ ta' prodotti ta' tagħmir għall-uffiċċju bil-logo komuni, il-Kummissjoni u l-istituzzjonijiet oħra tal-Komunità, kif ukoll awtoritajiet pubbliċi oħra fuq livell nazzjonali, għandhom, mingħajr preġudizzju għal Komunità u l-liġi nazzjonali u kriterji ekonomiċi, jinkoraġixxu l-użu ta' rekwiżiti ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija mhux inqas eżiġenti minn speċifikazzjonijiet ta' l-Energy Star meta jiddefinixxu r-rekwiżiti tagħhom għall-prodotti tat-tagħmir ta' l-uffiċċju.

L-Artikolu 7

Skemi volontarji oħra ta' tikkettjar dwar l-enerġija

1. Skemi volontarji eżistenti u ġodda ta' tikkettjar dwar l-enerġija għall-prodotti tat-tagħmir ta' l-uffiċċju fl-Istati Membri jistgħu jeżistu flimkien mal-programm Energy Star.

2. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu azzjoni sabiex jiżguraw il-koordinazzjoni meħtieġa bejn il-programm Energy Star u skemi nazzjonali u skemi oħra ta' tikkettjar fil-Komunità jew fl-Istati Membri.

L-Artikolu 8

Bord ta' l-Energy Star tal-Komunità Ewropea

1. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Bord ta' l-Energy Star tal-Komunità Ewropea (ECESB) li jkun magħmul minn rappreżentanti nazzjonali kif msemmi fl-Artikolu 9 kif ukoll minn partijiet relevanti interessati. Il-ECESB għandu jirrevedi l-implimentazzjoni fil-Komunità tal-programm Energy Star u għandu jipprovdi pariri u assistenza lill-Kummissjoni, kif xieraq, biex jippermettilha twettaq xogħlha bħala l-entità amministrattiva.

2. Sena wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u kull sena minn hemm ’il quddiem, il-ECESB għandu jfassal rapport dwar il-penetrazzjoni fis-suq tal-prodotti li jkollhom il-logo komuni u dwar it-tekonoloġija disponibbli għat-tnaqqis fil-konsum ta' l-enerġija.

3. Il-Kummissjoni għandha tassigura li, safejn possibbli fit-tmexxija ta' l-attivitajiet tagħha, il-ECESB josserva, b'rispett lejn kull grupp ta' prodott ta' tagħmir għall-uffiċċju, parteċipazzjoni bilanċjata tal-partijiet relevanti interessati kollha ma’ dak il-grupp ta' prodott bħal manifatturi, bejjiegħa bl-imnut, importaturi, gruppi ta' protezzjoni ta' l-ambjent u organizzazzjonijiet tal-konsumatur.

4. Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-proċedura tar-regoli tal-ECESB, u tikkunsidra l-fehmiet tar-rappreżentatni ta' l-Istati Membri fl-ECESB.

5. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill informati bl-attivitajiet tal-ECESB.

L-Artikolu 9

Rappreżentanti nazzjonali

Kull Stat Membru għandu jinnomina, kif xieraq, esperti nazzjonali għal politika ta' l-enerġija, awtoritajiet jew persuni (minn hawn ’il quddiem referiti bħala "rappreżentanti nazzjonali") responsabbli għat-twettieq ta' xogħolijiet li hemm provvediment dwarhom f'dan ir-Regolament. Fejn iktar minn rappreżentant wieħed nazzjonali hu nnominat, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-poteri rispettivi ta' dawk ir-rappreżentati u r-rekwiżiti koordinati applikabbli lilhom.

L-Artikolu 10

Pjan ta' xogħol

Bi qbil mal-oġġettivi stipulati fl-Artikolu 1, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi pjan ta' xogħol fi żmien sitt xhur mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament u tipproponih lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, wara konsultazzjonijiet mal-ECESB. Il-pjan ta' xogħol għandu jinkludi strateġija għall-iżvilupp ta' programm Energy Star, li għandu jistabbilixxi għal tliet snin sussegwenti:

- l-oġġettivi għat-titjib ta' l-effiċjenza ta' l-enerġija, tenut kont tal-ħtieġa li jkun segwit standard għoli ta' protezzjoni għall-konsumatur u għall-ambjent u tal-penetrazzjoni fis-suq li l-programm Energy Star għandu jfittex li jikseb fuq livell tal-Komunità,

- lista ta' prodotti ta' tagħmir ta' l-uffiċċju mhux eżawrijenti li għandhom ikunu kunsidrati bħala prijoritajiet għall-inklużjoni fil-programm Energy Star,

- tissottolineja proposti għal kampanji edukattivi u promozzjonali u azzjonijiet oħra meħtieġa,

- proposti għal koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn il-programm Energy Star u skemi volontarji oħra ta' tikkettjar ta' l-enerġija fl-Istati Membri.

Il-pjan tax-xogħol għandu jkun revedut perjodikament. Għandu jkun revedut għall-ewwel darba mhux aktar tard minn 12-il xahar wara li jkun sottomess lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, u sussegwentament f'intervalli ta' 12-il xahar.

L-Artikolu 11

Proċeduri preparatorji għar-reviżjoni ta' kriterji tekniċi

Sabiex issir il-preparazzjoni tar-reviżjoni ta' l-ispeċifikazzjonijiet u tal-gruppi tal-prodotti tat-tagħmir ta' l-uffiċċju koperti minn l-Anness Ċ għall-Ftehim, u qabel ikun sottomess abbozz ta' proposta jew tingħata risposta lill-USEPA skond il-proċeduri stabbiliti fil-Ftehim u fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/469/KE tal-14 ta' Mejju 2001 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea tal-Ftehim bejn il-Gvern ta' l-Istati Uniti ta' l-Amerika u l-Komunità Ewropea dwar il-koordinazzjoni ta' programmi ta' l-ittikkettjar fir-rigward ta' l-użu effiċjenti ta' l-enerġija għat-tagħmir ta' l-uffiċċju [9], il-passi segwenti għandhom jittieħdu.

1. Il-Kummissjoni għandha titolob lill-ECESB biex jagħmlu suġġerimenti għar-reviżjoni tal-Ftehim. Il-ECESB jista’ wkoll jagħmel suġġerimenti lill-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tiegħu stess.

2. Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-ECESB kull meta tirċievi proposta għar-reviżjoni tal-Ftehim mill-USEPA.

3. Meta l-ECESB jagħti l-opinjoni tiegħu lill-Kummissjoni hu għandu jikkunsidra r-riżultati ta' kemm jistgħu ikunu fattibbli u studji tas-suq, u t-teknoloġija disponibbli għat-tnaqqis tal-konsum ta' l-enerġija. Il-Kummissjoni għandha tikkunsidra partikolarment l-għan li tistabbilixxi speċifikazzjonijiet tekniċi f'livell għoli, wara li titqies kif tixraq it-teknoloġija disponibbli u l-kost assoċjat, għat-tnaqqis tal-konsum ta' l-enerġija analizzat fir-rapport tal-ECESB imsemmi fl-Artikolu 8(2).

L-Artikolu 12

Sorveljanza tas-suq u kontroll ta' abbużi

1. Il-logo komuni għandu jintuża biss b'konnessjoni mal-prodotti koperti mill-Ftehim u bi qbil mal-linji ta' gwida ta' l-utent tal-logo miġbura f'Anness B għall-Ftehim.

2. Kull pubbliċità falza jew ta' tfixkil, jew l-użu ta' kull tikketta jew logo li jwassal għal konfużjoni mal-logo komuni introdott minn dan ir-Regolament, għandu jkun projbit.

3. Il-Kummissjoni għandha tassigura l-użu sew tal-logo komuni billi tieħu jew tikkoordina azzjonijiet deskritti fl-Artikolu VIII, paragrafi 2, 3 u 4 tal-Ftehim. L-Istati Membri għandhom jieħdu azzjonijiet kif xieraq biex jiżguraw konformità mad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament fit-territorju tagħhom stess u jinformaw lill-Kummissjoni. L-Istati Membri jistgħu jirreferu evidenza ta' nuqqas ta' konformità minn parteċipanti tal-programm u korpi oħra lill-Kummissjoni għal azzjoni tal-bidu.

L-Artikolu 13

Implimentazzjoni

Fi żmien 12-il xahar mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Kummissjoni bil-miżuri meħuda biex jiżguraw qbil magħha.

L-Artikolu 14

Reviżjoni

Qabel il-Partijiet għal Ftehim għandhom jiddiskutu t-tiġdid tal-Ftehim bi qbil ma’ l-Artikolu XII miġjub fih, il-Kummissjoni għandha tistma l-programm Energy Star fid-dawl ta' l-esperjenza miksuba matul l-operazzjoni tiegħu.

Il-Kummissjoni għandha tipproduċi u tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-15 ta' Jannar 2005 rapport li jissorvelja l-effiċjenza ta' l-enerġija tas-suq tat-tagħmir ta' l-uffiċċju fil-Komunità, jagħti valutazzjoni ta' l-effettività tal-programm Energy Star u jipproponi, jekk meħtieġ, miżuri komplimentari għall-programm. Ir-rapport għandu jeżamina r-riżultat tad-djalogu bejn l-UE u l-USA u partikolarment jekk l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-Energy Star humiex effettivi biżżejjed.

L-Artikolu 15

Disposizzjonijiet finali

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-30 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-6 ta' Novembru 2001.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

N. Fontaine

Għall-Kunsill

Il-President

D. Reynders

[1] ĠU C 150 E, tat-30.5.2000, p. 73u ĠU C 180 E, tas-26.6.2001, p. 262.

[2] ĠU C 204, tat-18.7.2000, p. 18.

[3] Opinjoni tal-Parlament Ewropew ta' l-1 ta' Frar 2001 (ĠU C 267, tal-21.9.2001, p. 49), il-Posizzjoni Komuni tal-Kunsill tal-31 Mejju 2001 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali) u id-Deċiżjonijiet tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Ottubru 2001.

[4] ĠU L 157, tad-9.6.1989, p. 32.

[5] ĠU L 275, ta’ l-10.10.1998, p. 1.

[6] ĠU C 394, tas-17.12.1998, p. 1.

[7] ĠU L 297, tat-13.10.1992, p. 16.

[8] ĠU L 237, tal-21.9.2000, p. 1

[9] ĠU L 172, tas-26.6.2001, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

LOGO TA' L-ENERGY STAR

Verżjoni bajda u sewda

+++++ TIFF +++++

Verżjoni bil-kulur

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------