32001R2248



Official Journal L 304 , 21/11/2001 P. 0001 - 0002


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2248/2001

tad-19 ta' Novembru 2001

dwar ċerti proċeduri għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, għall-parti waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, għall-parti l-oħra u għall-applikazzjoni tal-Ftehim Temporanju bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kroazja

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Billi:

(1) Il-Kunsill qiegħed jikkonkludi Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, ta' parti waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, tal-parti l-oħra, li kien iffirmat fil-Lussemburgu fid-29 ta' Ottubru 2001 (minn hawnhekk ‘il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni").

(2) Sadattant il-Kunsill qiegħed jikkonkludi ukoll Ftehim Temporanju bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kroazja [1] ffirmat fil-Lussemburgu fid-29 ta' Ottubru 2001 (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "Il-Ftehim Temporanju") li se jipprovdi għal dħul fis-seħħ kmieni tal-kummerċ u tad-disposizzjonijiet relatati mal-kummerċ tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(3) Huwa neċessarju li jitniżżlu l-proċeduri għall-applikazzjoni ta' ċerti disposizzjonijiet ta' dawn il-ftehim.

(4) Dawn il-ftehim jistipulaw li ċerti prodotti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Kroazja jistgħu jiġu importati fil-Komunità, bil-limiti tal-kwoti tat-tariffi, b'rata mnaqqsa ta' dazju doganali jew rata żero. Għalhekk huwa neċessarju li jitniżżlu disposizzjonijiet għall-kalkulazzjoni tar-rati mnaqqsa ta' dazji doganali.

(5) Dawn il-ftehim diġaÌ jispeċifikaw il-prodotti li huma eliġibbli għal dawk il-miżuri ta' tariffi, il-volumi relevanti (u żidiet tagħhom), id-dazji applikabbli, perjodi ta' applikazzjoni u kwalunkwe kriterji ta' eliġibbiltaÌ.

(6) Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni li jemendaw in-Nomenklatura Magħquda u l-kodiċi ta' Taric ma jesiġux tibdiliet sostantivi.

(7) Fl-interess tas-sempliċità u tal-pubblikazzjoni fil-ħin tar-regolamenti li jimplimentaw il-kwoti tat-tariffi tal-Komunità, għandha ssir provediment għall-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 248a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta' Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunità [2], biex tadotta r-regolamenti li jiftħu u jipprovdu għall-amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffi għall-prodotti tas-sajd. Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Kumitat previst fl-Artikolu 42 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq tal-laħam taċ-ċanga u l-vitella [3], għandha tadotta r-regolamenti li jagħmlu aċċessibbli u jipprovdu għall-amministrazzjoni tal-kwoti tat-tariffi għall-prodotti ta' "baby-beef".

(8) Id-dazji għandhom jiġu totalment sospiżi fejn trattament preferenzali jirriżulta f'dazji ad valorem ta'1 % jew inqas, jew f'dazji speċifiċi ta' EUR 1 jew inqas.

(9) Dan ir-Regolament għandu jiġi applikat mad-dħul fis-seħħ jew ma' l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Temporanju u jibqa' jiġi applikat sad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(10) Il-miżuri meħtieġa sabiex jiġi implimentat dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tniżżel il-proċeduri għall-eżerċizzju ta' l-implimentazzjoni tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni [4],

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Materja tas-suġġett

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiddefinixxi ċerti proċeduri għall-adozzjoni ta' regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' disposizzjonijiet varji tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, ta' parti waħda, u r-Repubblika tal-Kroazja, tal-parti l-oħra (minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni") u l-Ftehim Temporanju bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kroazja (minn hawnhekk ‘il quddiem imsejjaħ "il-Ftehim Temporanju").

Artikolu 2

Konċessjonijiet fuq il-baby-beef

Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 14(2) tal-Ftehim Temporanju, u wara dan, l-Artikolu 27(2) tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, dwar il-kwota tat-tariffi għall-prodotti ta' "baby-beef" għandhom jiġu adottatti mill-Kummissjoni skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 3(2).

Artikolu 3

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat previst fl-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 1254/1999.

2. Fejn ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu mniżżel fl-Artikolu 4( ) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal xahar.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu.

Artikolu 4

Konċessjonijiet fuq prodotti tas-sajd

Regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-Artikolu 15(1) tal-Ftehim Temporanju, u wara dan l-Artikolu 28(1) tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, dwar il-kwoti ta’ tariffi għall-ħut u prodotti tas-sajd imniżżla fl-Anness Va taż-żewġ ftehim, għandhom ikunu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura mniżżla fl-Artikolu 5(2).

Artikolu 5

Kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat ta’ Kodiċi Doganali stabbilit bl-Artikolu 248a tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92.

2. Fejn ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Il-perjodu preskritt fl-Artikolu 4(3) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tliet xhur.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 6

Tnaqqis tat-tariffi

1. Soġġetti għall-paragrafu 2, rati ta' dazju preferenzali għandhom ikunu approssimattivi għall-ewwel post deċimali

2. Fejn ir-riżultat tal-kalkulazzjoni tar-rata tad-dazju preferenzali skond paragrafu 1 huwa wieħed minn dawn li ġejjin, ir-rata ta' preferenza għandha tkun eżenzjoni sħiħa:

(a) 1 % jew inqas fil-każ ta' dazji ad valorem, jew

(b) EUR 1 jew inqas kull ammont individwali fil-każ ta' dazji speċifiċi.

Artikolu 7

Adattamenti tekniċi

Emendi u adattamenti tekniċi tar-regoli dettaljati dwar implimentazzjoni adottati skond dan ir-Regolament, li huma neċessarji wara l-bidliet fil-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda u fis-sottodiviżjonijiet ta' Taric jew dawk li jiġu mill-konklużjoni ta' ftehim ġodda, protokolli, skambji ta' ittri jew atti oħra bejn il-Komunità u l-Kroazja, għandhom jiġu adattati skond il-proċeduri mniżżlin fl-Artikolu 3(2) u fl-Artikolu 5(2) ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-publikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ jew mid-data ta' applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim Temporanju. Dik id-data għandha tkun ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-19 ta' Novembru 2001.

F'isem il-Kunsill

Il-President

L. Michel

[1] Il-Ftehim Temporanju jkun ippubblikat f'Ġurnal Uffiċjali bid-data ta' l-14 ta' Diċembru 2001.

[2] ĠU L 302, tad-19.10.1992, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000 (ĠU L 311, tat-12.12.2000, p. 17).

[3] ĠU L 160, 26.06.99, p. 21.

[4] ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

--------------------------------------------------