32001R1852



Official Journal L 253 , 21/09/2001 P. 0017 - 0018


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1852/2001

ta' l-20 ta' Settembru 2001

li jistabbilixxi regoli dettaljati biex ċerta informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku u għall-protezzjoni ta' l-informazzjoni mressqa skond ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 258/97

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 258/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Jannar 1997 li jittratta l-ikel ġdid u l-ingredjenti ta' l-ikel ġodda [1], u partikolarment l-Artikolu 4(5) u l-Artikolu 10 tiegħu,

Billi:

(1) L-esperjenza wriet il-ħtieġa li jkun hemm regoli dettaljati għall-protezzjoni ta' l-informazzjoni pprovduta minn applikanti biex jiġi żgurat li l-valutazzjoni ta' l-applikazzjonijiet skond ir-Regolament (KE) Nru 258/97 timxi bla intopp.

(2) Dawn ir-regoli għandhom jiżguraw il-konfidenzjalità ta' informazzjoni li għandha x'taqsam mal-proċess tal-manifattura fejn il-kxif ta' din l-informazzjoni jista' jkun ta' ħsara b'mod mhux proporzjonat għall-pożizzjoni kompetittiva ta' l-applikant.

(3) Sabiex titjieb it-trasparenza fl-operat tal-proċeduri stabbiliti mill-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 258/97, ċerta informazzjoni dwar il-prodotti li jkunu qed jiġu valutati skond dak l-Artikolu, u dwar ir-riżultat tal-valutazzjoni għandha tkun disponibbli għall-pubbliku. Dik l-informazzjoni għandha tkun disponibbli mill-Kummissjoni fuq l-Internet.

(4) Dawn ir-regoli għandhom ikunu konsistenti mal-qafas leġislattiv il-ġdid stabbilit fid-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2001 fuq ir-rilaxx deliberat fl-ambjent ta' organiżmi ġenetikament modifikati waqt li d-Direttiva tal-Kunsill 90/220/KEE [2] tiġi revokata.

(5) Il-miżuri previsti f'dan ir-regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar l-Oġġetti ta' l-Ikel,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

1. Il-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali ta' l-Istati Membri u l-korpi li jistmaw l-oġġetti ta' l-ikel imsemmija fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 258/97 m'għandhomx jiżvelaw informazzjoni identifikata bħala konfidenzjali skond il-paragrafu 3, minbarra l-informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata jekk iċ-ċirkostanzi hekk jitolbu sabiex tkun protetta s-saħħa umana.

2. L-applikant jista' jindika l-informazzjoni mressqa minnu skond ir-Regolament (KE) Nru 258/97 rigward il-proċess tal-manifattura li għandha tinżamm konfidenzjali minħabba li l-kixfa tagħha tista' tagħmel ħsara lill-pożizzjoni kompetittiva tiegħu. Ġustifikazzjoni verifikabbli għandha tingħata f'dawn il-każi.

3. L-awtorità kompetenti tal-Membru, li jkun irċieva l-applikazzjoni, għandha tiddetermina, wara konsultazzjoni ma' l-applikant, liema informazzjoni relatata mal-proċess tal-manifattura għandha tinżamm konfidenzjali u għandha tinforma lill-applikant, lill-korp kompetenti li jistma l-ikel u lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tagħha.

4. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-Istati Membri jiġu informati b'kull deċiżjoni komunikata lilha skond il-paragrafu 3.

L-Artikolu 2

1. Meta l-istima inizjali tat-talba ssir skond l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 258/97, il-Kummissjoni għandha tara li l-informazzjoni li ġejja tkun disponibbli għall-pubbliku:

(a) l-isem u l-indirizz ta' l-applikant;

(b) id-deskrizzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta' l-ikel jew ta' l-ingredjent ta' l-ikel;

(ċ) l-użu maħsub ta' l-ikel jew ta' l-ingredjent ta' l-ikel;

(d) ġabra fil-qosor tad-dossier, minbarra dawk il-partijiet li għalihom il-karattru konfidenzjali jkun ġie determinat skond l-Artikolu 1(3);

(e) id-data ta' l-irċevuta tat-talba kompluta.

2. Il-Kummissjoni għandha tara li r-rapport ta' l-istima inizjali jkun għad-disponibbli tal-pubbliku, minbarra għal kull informazzjoni identifikata bħala konfidenzjali skond l-Artikolu 1(3), bil-metodu li ġej:

(a) fejn ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni skond l-Artikolu 6(4) tar-Regolament (KE) Nru 258/97, ir-rapport ta' l-istima inizjali għandu jkun disponibbli għall-pubbliku wara d-data ta' l-għeluq tal-perijodu tas-60 jum imsemmija f'dak l-Artikolu u wara ż-żmien meħtieġ għall-informazzjoni ta' l-applikant;

(b) fejn, skond l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 258/97, deċiżjoni għall-awtorizzazzjoni tkun meħtieġa, ir-rapport ta' l-istima inizjali għandu fejn ikun possibli jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fl-istess waqt li tingħata l-opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel jew, jekk l-ebda tip ta' opinjoni ma tkun meħtieġa, fil-waqt li d-deċiżjoni tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

L-Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fl-20 ta' Settembru 2001.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 43, ta' l-14.2.1997, p. 1.

[2] ĠU L 106, tas-17.4.2001, p. 1.

--------------------------------------------------