32001R1017



Official Journal L 140 , 24/05/2001 P. 0044 - 0045


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1017/2001

tas-17 ta’ Mejju 2001

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 296/96 dwar l-informazzjoni li trid tiġi trażmessa mill-Istati Membri u l-prenotazzjoni ta’ kull xahar tan-nefqa ffinanzjata mit-Taqsima Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanziji (FAEGG), u li jistabbilixxi ċerti regoli ddettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola [1], u b’mod partikolari l-Artikoli 4 u 5 tiegħu,

Billi:

(1) L-Istati Membri jistgħu jiddedikaw l-ammonti rrilaxxjati bit-tnaqqis jew il-kanċellazjoni tal-ħlasijiet skond l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999 tas-17 ta' Mejju 1999 li jistabbilixxi r-regoli komuni għall-iskemi diretti ta' appoġġ skond il-politika komuni agrikola [2] għal ċerti miżuri ta’ għajununa ta’ żvilupp agrikolu pprovduti fl-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-Regolament. Sabiex jiġi żgurat illi l-ammonti hekk magħmula disponibbli jiġu mmaniġġjati u ssorveljati kif approprjat u li jintużaw skond ir-regoli tat-Taqsima Garanziji tal-FAEGG, iridu jiġu stabbiliti regoli tal-kontabilità għalihom.

(2) L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 963/2001 tas-17 ta’ Mejju 2001 dwar regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999 rigward l-appoġġ addizzjonali Komunitarju u t-trażmissjoni tat-tagħrif lill-Kummissjoni [3] jistabbilixxi illi l-ammonti miżmuma skond l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 1259/1999 għandhom jintużaw għall-ħlas ta’ appoġġ addizzjonali Komunitarju l-aktar tard sat-tmiem tat-tielet sena finanzjarja li tiġi wara dik li matulha jinżammu. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 296/96 [4], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2785/2000 [5], għandu jiġi addattat kif jixraq.

(3) Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L- Artikolu 1

Ir-Regolament (EEC) Nru 296/96 huwa emendat kif ġej:

1) It-titolu huwa mibdul b'dan li ġej:

"Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 296/96 tas-16 ta’ Frar 1996 dwar l-informazzjoni li trid tiġi trażmessa mill-Istati Membri u l-prenotazzjoni ta’ kull xahar tan-nefqa ffinanzjata mit-Taqsima Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG)."

2) Il-paragrafi 2, 3, 4 u 5 li ġejjin jiżdiedu ma’ l-Artikolu 2:

"2. L-ammonti miżmuma mill-ħlasijiet ta’ għajnuna referiti fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 1259/1999 għandhom jiġu akkreditati lil kont speċjali miftuħ għal kull aġenzija tal-ħlas jew lil kont wieħed speċjali miftuħ minn kull Stat Membru.

Il-kontabilità trid tippermetti l-identifikazzjoni ta’ l-oriġini tal-kreditu f’relazzjoni mal-ħlas lill-benefiċjarju ta’ l-għajnuna fil-kwistjoni.

3. L-Istati Membri jistgħu jqassmu mill-ġdid l-ammonti hekk miġbura lil aġenziji oħra tal-ħlas, bil-ħsieb li jiġu utilizzati. Dawn l-ammonti għandhom jiġu akkreditati lill-kont ta’ l-aġenzija tal-ħlas referita fil-paragrafu 2 jew, fejn japplika, f’kont separat maħsub esklussivament għall-finanzjament ta’ l-appoġġ addizzjonali Komunitarju referit fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1259/1999.

4. Fejn l-imgħax jiġi ggwadanjat mill-fondi mhux użati, dan għandu jiġi miżjud mal-bilanċ disponibbli fit-tmiem ta’ kull sena finanzjarja. Dan l-imgħax għandu jintuża mill-Istati Membri sabiex jiffinanzja l-appoġġ addizzjonali Komunitarju referit fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1259/1999, jew għandu jitnaqqas mill-avvanzi skond l-Artikolu 6 ta’ dan ir-Regolament.

5. L-aġenziji tal-ħlas għandhom iżommu l-kontijiet tan-nefqa rigward il-miżuri pprovduti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru li huma separati mill-kontijiet tan-nefqa l-oħra fuq l-iżvilupp rurali. Il-kontijiet għandhom jiddistingwu rigward kull ħlas bejn il-fondi nazzjonali u l-fondi li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 1259/1999."

3) L-Artikolu 6 huwa mibdul b'dan li ġej:

"L- Artikolu 6

L-ammonti miżmuma skond l-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 1259/1999 u l-imgħax possibbli fuqhom li ma jkunx tħallas skond l-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 963/2001 għandhom jitnaqqsu mill-avvanzi li għandhom x'jaqsmu man-nefqa ta’ Ottubru tas-sena finanzjarja interessata."

L- Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jkun jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-17 ta’ Mejju 2001.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 103.

[2] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 113.

[3] ĠU L 136, tat-18.5.2001, p. 4.

[4] ĠU L 39, tas-17.2.1996, p. 5.

[5] ĠU L 323, tal-20.12.2000, p. 3.

--------------------------------------------------