32001R1010



Official Journal L 140 , 24/05/2001 P. 0031 - 0032


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1010/2001

tat-23 ta’ Mejju 2001

dwar il-kondizzjonijiet minimi ta’ kwalità meħtiega għall-frott imħallat taħt l-iskema ta’ għajnuna għall-produzzjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq ta’ prodotti ta’ frott u ħaxix proċessat [1], kif l-aħħar emendat bir-regolament (KE) Nru 2699/2000 [2], u b’mod partikulari l-Artikolu 6(1) ta’ dan,

Billi:

(1) l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2201/96 jipprovdi għal sistema ta’ għajnuna lill-organizzazzjonijiet ta’ produtturi li jibgħatu ħawħ u lanġas għall-ipproċessar fil-prodotti elenkati f’L-Anness I ta’dan ir-Regolament.

(2) Taħlitiet ta’ frott fil-ġulepp u fil-meraq naturali tal-frott żdiedu ma’ l-Anness imsemmi hawn fuq bir-Regolament (KE) Nru 2699/2000. Il-kondizzjonijiet minimi meħtiega dwar kwalità għal dawk il-prodotti għandhom ikunu definiti fuq il-bażi ta’ metodi ta’ produzzjoni tradizzjonali u ġusti u bil-għan li tkun evitata l-produzzjoni ta’ prodotti li għalihom ma jkunx hemm talba jew li jġibu ditorsjoni fis-suq.

(3) Il-kondizzjonijiet meħtiega dwar kwalità definiti f’dan ir-Regolament jikkostitwixxu miżuri ta’ implimentazzjoni flimkien mar-Regolamenti tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2319/89 [3] u (KEE) Nru 2320/89 [4], kif emendati bir-Regolament (KE) Nru 996/2001 [5], li jistipulaw il-kondizzjonijiet minimi meħtiega dwar kwalità, rispettivament, għall-lanġas Williams u Rocha u għall-ħawħ fil-ġulepp u fil-meraq naturali tal-frott eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna għall-produzzjoni, u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 449/2001 tat-2 ta’ Marzu 2001 li jistipula r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/96 fir-rigward ta’ l-iskema ta’ għajnuna għall-prodotti proċessati minn frott u ħxejjex [6].

(4) Il-miżuri li għalihom jipprovdi dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Prodotti Proċessati minn Frott u Ħxejjex,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

L-Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistipula l-kondizzjonijiet minimi meħtiega dwar kwalità li jridu jissodisfaw it-taħlitiet ta’ frott fil-ġulepp u/jew fil-meraq naturali tal-frott, minn hawn "il quddiem msejħa ’ frott imħallat", kif imsemmija fl-Artikolu 1(2)(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 449/2001.

L-Artikolu 2

Il-frott imħallat irid jissodisfa l-kondizzjonijiet minimi li ġejjin:

(a) Il-kontenut minimu ta’ ħawħ u lanġas irid ikun ta’ 60 % tal-piż nett imnixxef tat-taħlita.

(b) Il-ħawħ u l-lanġas iridu jkunu preżentati bħala frott sħiħ, nofsijiet, kwarti, biċċiet jew dadi kif hu definit fl-Artikolu 3(2) tar-Regolamenti (KEE) Nru 2319/89 u (KEE) Nru 2320/89.

(ċ) Il-kondizzjonijiet minimi meħtiega dwar kwalità definiti f’L-Artikoli 2, 3(4), (5) u (6), u 4 tar-Regolamenti (KEE) Nru 2319/89 għall-lanġas Williams u Rocha fil-ġulepp u/jew fil- meraq naturali tal-frott u (KEE) Nru 2320/89 għall-ħawħ fil-ġulepp u/jew fil-meraq naturali tal-frott japplikaw għall-ingredjenti ta’ ħawħ u lanġas tal-frott imħallat.

L-Artikolu 3

1. Il-frott imħallat irid jieħu mill-anqas 90 % tal-volum ta’ ilma li jesa’ l-kontenitur.

2. Il-piż nett imnixxef tat-taħlita irid ikun bħala medja ta’ mill-inqas daqs il-persentaġġi li ġejjin tal-volum ta’ ilma li jesa’ l-kontenitur, espress fi grammi:

Mod | Kontenituri li jesgħu volum |

nominali ta' ilma ta' 425 ml jew aktar | anqas minn 425 ml |

Sħiħ | 50 % | 46 % |

Nofs | 54 % | 46 % |

Kwart | 56 % | 46 % |

Biċċiet | 56 % | 46 % |

Dadi | 56 % | 50 % |

3. Meta l-frott imħallat ikun imqiegħed f’kontenituri tal-ħġieġ il-volum ta’ l-ilma li jesgħu jrid jitnaqqas b’20 ml qabel ma’ l-persentaġġi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ikunu kalkulati.

L-Artikolu 4

1. Il-proċessur irid ta’ kuljum u f’intervalli regolari matul il-perjodu ta’ proċessar jivverifika li l-frott imħallat jissodisfa l-kondizzjonijiet mitluba minn dan ir-Regolament u għandu jirreġistra r-riżultati tal-verifikazzjoni.

2. Il-kontenituri kollha jrid ikollhom marka li tidentifika l-proċessur u d-data tal-produzzjoni. L-immarkar, li jista’ jkun taħt forma ta’ kodiċi, irid ikun approvat mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru fejn issir il-produzzjoni. Dawk l-awtoritajiet jistgħu jadottaw miżuri addizzjonali dwar l-immarkar.

L-Artikolu 5

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-23 ta’ Mejju 2001.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 297, tal-21.11.1996, p. 29.

[2] ĠU L 311, tat-12.12.2000, p. 9.

[3] ĠU L 220, tad-29.7.1989, p. 51.

[4] ĠU L 220, tad-29.7.1989, p. 54.

[5] ĠU L 139, tat-23.5.2001, p. 9.

[6] ĠU L 64, tas-6.3.2001, p. 16.

--------------------------------------------------