32001R0784



Official Journal L 113 , 24/04/2001 P. 0004 - 0004


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) NRU 784/2001

tat-23 ta’ April 2001

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1227/2000 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid, fir-rigward tal-potenzjal tal-produzzjoni

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1493/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ta’ l-inbid [1], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2826/2000 [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (KE) Nru 1493/1999 jippreskrivu li l-istrutturar u l-konverżjoni ta’ l-egħlieqi tad-dwieli jinvolvu t-tagħżiq u t-tħawwil mill-ġdid ta’ żoni li fihom jitkabbar l-għeneb għall-inbid u li jkunu jidħlu fil-pjanijiet imfassla mill-Istati Membri. Madankollu, f’ċerti każi s-sitwazzjoni strutturali teħtieġ li jiġu assenjati drittijiet ġodda għat-tħawwil. L-assenjazzjoni ta’ dawn id-drittijiet trid tkun limitata strettament għaż-żona meħtieģa mill-aspett tekniku biex jiġi milħuq l-għan ta’ l-istrutturar. Dik il-possibbiltô għandha għalhekk tiġi kkunsidrata u għandhom jiġu miżjuda d-dispożizzjonijiet konċernati.

(2) Fil-prattika, il-ħidmiet agrikoli involuti biex tiġi strutturata u konvertita għalqa tad-dwieli jitwettqu fuq roqgħa art kull darba. Bil-għan li jitħaffef it-twettiq tal-pjanijiet, il-kondizzjonijiet li bihom il-produtturi jikkwalifikaw għal ħlas ta’ għajnuna bil-quddiem għandhom jiġu stipulati qabel ma tkun imwettqa xi miżura partikolari.

(3) Il-kliem ta’ l-Artikolu 16(1)(a) m’huwiex riprodott b’mod korrett fil-Lista 4.1 ta’ l-Anness (ħlief fil-verżjonijiet bil-Portugiż, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż u bil-Finlandiż). Biex ma jkunx hemm taħwid, iż-żewġ testi għandhom jiġu armonizzati.

(4) Il-Kumitat ta’ Ġestjoni dwar l-Inbid ma tax opinjoni fiż-żmien stipulat mill-Presidenza tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1227/2000 [3] huwa emendat kif ġej:

1. Fl-Artikolu 13(c), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

"Dawk ir-regoli għandhom ikopru l-użu ta’ drittijiet ġodda ta’ tħawwil. Għandhom jippreskrivu li dawn id-drittijiet jistgħu jintużaw biss fejn ikun hemm il-ħtieġa teknika neċessarja u ma jistgħux jeċċedu l-10 % taż-żona totali li tkun fil-pjan. Ir-regoli għandhom jiddisponu għal tnaqqis xieraq fl-għajnuna mogħtija għaż-żoni konċernati."

2. Fl-Artikolu 15(c), wara l-kliem

"fir-rigward ta’ miżura oħra"

, jiżdied dan li ġej:

"fuq l-istess roqgħa art."

3. Fil-Lista 4.1 fl-Anness (ħlief fil-verżjonijiet bil-Portugiż, bl-Ingliż, bil-Ġermaniż u bil-Finlandiż) in-nota (2) t’hawn taħt tiġi sostitwita:

"L-ispiża sad-data murija (L-Artikolu 16(1)(a) ta’ dan ir-Regolament)."

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-23 ta’ April 2001.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 179, ta’ l-14.7.1999, p. 1.

[2] ĠU L 328, tat-23.12.2000, p. 2.

[3] ĠU L 143, tas-16.6.2000, p. 1.

--------------------------------------------------