32001R0469



Official Journal L 067 , 09/03/2001 P. 0037 - 0049


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 469/2001

tas-6 ta' Marzu 2001

li jimponi obbligu definittiv kontra r-rimi fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu apparat elettroniku użat għall-użin li joriġina f'Singapor

Il-Kunsill ta l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni minn importazzjonijiet li jifqgħu s-suq minn pajjiżi terzi li mhumiex Membri tal-Komunità Ewropea [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 9 u l-Artikolu 11 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mogħtija mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. IL-PROĊEDURA

1. Investigazzjonijiet preċedenti li jinvolvu lil Singapor

(1) Permezz tar-Regolament (KEE) Nru 1103/93 [2] il-Kummissjoni imponiet obbligu proviżorju kontra r-rimi fuq l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' ċertu apparat elettroniku użat għall-użin li joriġina f'Singapor u fir-Repubblika tal-Korea u li jaqa' taħt il-kodiċi NM ex84238150.

(2) F'Ottubru 1993, bir-Regolament (KEE) Nru 2887/93 [3], il-Kunsill impona miżuri definittivi kontra r-rimi fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu apparat elettroniku użat għall-użin li oriġina f'Singapor u fir-Repubblika tal-Korea. Fl-1995 il-miżuri applikabbli għall-prodotti esportati minn Singapor ġew modifikati bir-Regolament (KE) Nru 2937/95 [4] li wasslu għal żieda fil-livell tat-tariffi minħabba li kien stabbilit li meta l-prodotti kienu esportati minn Singapor, il-pajjiż kien qiegħed jassorbi l-prodotti fil-post.

2. Investigazzjonijiet riċenti dwar il-prodotti kkonċernati

(3) F'April 1993, bir-Regolament (KEE) Nru 993/93 [5], il-Kunsill impona miżuri definittivi kontra r-rimi, fuq importazzjonijiet ta' ċertu apparat elettroniku użat għall-użin li joriġina fil-Ġappun. Dawn il-miżuri huma wkoll suġġetti għal reviżjoni li ġiet miftuħa f'April 1998 [6].

(4) Fis-16 ta' Settembru 1999, il-Kummissjoni ippubblikat Aħbar fil-Ġurnal Uffiċċjali tal-Komunitajiet Ewropej [7], li ħabbret it-tnedija ta' proċedimenti kontra r-rimi skond l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 384/96 (minn issa 'l quddiem imsejjaħ "Regolament Bażiku"), dwar l-importazzjonijiet fil-Komunità ta' ċertu apparat elettroniku użat għall-użin li joriġina fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan. Din l-investigazzjoni ġiet konkluża f'Novembru 2000, bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2605/2000 [8], li impona miżuri definittivi kontra r-rimi fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu apparat elettroniku użat għall-użin li joriġina f'dawn il-pajjiżi.

3. Talba għal reviżjoni

(5) Wara l-pubblikazzjoni ta' l-aħbar ta' l-iskadenza imminenti tal-miżuri kontra r-rimi fis-seħħ, fuq l-importazzjonijiet ta' ċertu apparat elettroniku użat għall-użin li joriġina f'Singapor u fir-Repubblika tal-Korea [9], il-Kummissjoni rċeviet talba biex tirrevedi l-miżuri (applikabbli għal Singapor biss) skond l-artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku.

It-talba saret f'isem il-produtturi tal-Komunità li l-produzzjoni kollettiva tagħhom iffurmat proporzjon ewlieni mill-produzzjoni totali tal-Komunità tal-prodott ikkonċernat.

(6) It-talba kienet ibbażata fuq il-bażi li l-iskadenza tal-miżuri x'aktarx li tirriżulta fil-kontinwazzjoni jew fir-rikorrenza tar-rimi u fi ħsara lill-industrija fil-Komunità. Wara li ddeterminaw, wara li kkonsultaw mal-Kumitat Konsultattiv, li kien hemm biżżejjed provi biex tinbeda reviżjoni, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni wara l-artikoli 11(2) u 11(3) tar-Regolament Bażiku [10]. Il-ftuħ ta' l-investigazzjoni taħt l-Artikolu 11(3), mill-Kummissjoni kien ibbażat fuq l-allegazzjoni fit-talba li il-limiti tar-rimi kienu żdiedu b'mod sinifikanti mill-aħħar investigazzjoni u li l-iskadenza tal-miżuri għalhekk kienet tirriżulta f'aktar rimi u aktar ħsara.

4. Investigazzjoni

(7) Il-Kummissjoni uffiċċjalment tat parir lill-produtturi tal-Komunità li jsostnu t-talba għar-reviżjoni, lill-produtturi ta' l-esportazzjoni, lill-impurtaturi u lil assoċjazzjoni ta' l-utenti magħrufa li huma kkonċernati, kif ukoll lir-rappreżentanti tal-pajjiżi esportaturi, u tat lill-partijiet interessati l-opportunità li juru l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u biex jitolbu s-smiegħ fil-limiti taż-żmien imniżżla fl-Aħbar tat-tnedija tar-reviżjoni.

(8) Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonnarji lill-partijiet magħrufa li huma kkonċernati u rċeviet tweġibiet mingħand żewġ produtturi fil-Komunità u mingħand produttur ta' l-esportazzjoni minn Singapor. Il-Kummissjoni bagħtet ukoll kwestjonnarji lill-importaturi u lill-Eurocommerce, l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta utenti kbar u żgħar fil-Komunità. Ma kienx hemm rispons formali la mill-importaturi, la mill-utenti u lanqas mill-assoċjazzjonijiet ta' l-utenti.

(9) Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li hi qieset neċessarja biex tkun tista' tiddetermina l-probabilità tal-kontinwazzjoni jew tar-rikorrenza tar-rimi u tal-ħsara u ta' l-interess tal-Komunità. Il-verifikazzjonijiet saru fuq il-lant tax-xogħol ta' dawn il-kumpanniji li ġejjin:

Produttur ta' l-esportazzjoni:

- Teraoka Weigh System PTE Ltd, Singapor

Produtturi tal-Komunità:

- Bizerba GmbH & Co. KG, Balingen, il-Ġermanja

- GEC Avery Ltd, (sussidjarja tal-General Electric Company, plc), Birmingham, ir-Renju Unit

(10) L-investigazzjoni tal-kontinwazzjoni u r-rikorrenza tar-rimi tkopri l-perijodu mill-1 ta' Ottubru 1997 sat-30 ta' Settembru 1998 (iżjed ‘il quddiem imsejjaħ "il-perijodu ta' l-investigazzjoni"). L-eżaminazzjoni tal-kontinwazzjoni u r-rikorrenza tal-ħsara tkopri l-perijodu mill-1994 sa l-aħħar tal-perijodu ta' l-investigazzjoni (iżjed ‘il quddiem imsejjaħ "il-perijodu ta' analiżi").

(11) Ir-reviżjoni preżenti teċċedi l-perijodu ta' 12-il xahar li fihom normalment kellha tkun konkluża wara l-artikolu 11(5) tar-Regolament Bażiku, minħabba fil-kumplessità ta' l-investigazzjoni u b'mod partikolari l-effett ta' l-euro fuq l-investigazzjoni (ara premess 39).

(12) Il-partijiet kollha kkonċernati ġew informati bil-fatti u l-konsiderazzjonijiet essenzali li a bażi tagħhom saret rekomandazzjoni li jinżammu l-miżuri eżistenti. Huma ġew mogħtija perijodu li fih setgħu jagħmlu r-rappreżentazzjonijiet wara dan l-isvelar. Il-kummenti tal-partijiet kienu kkunsidrati, u, fejn kien xieraq, ġew modifikati.

B. PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

1. Il-Prodott Ikkonċernat

(13) Il-prodott ikkonċernat hu l-istess bħal fl-investigazzjoni preċedenti, apparat elettroniku użat għall-użin biex jintuża fil-bejgħ bl-imnut (minn issa ’l quddiem imsejjaħ "REWS"), li jinkorpora wirja diġitali tal-piż, tal-prezz għal kull unit u tal-prezz li għandu jitħallas (li fih jew ma fiehx mezz biex jistampa din l-informazzjoni) li jaqa' taħt il-Kodiċi NM 84238150. REWS fih tipi jew livelli differenti ta' prestazzjoni u ta' teknoloġija. F'dan ir-rigward, l-industrija tiddefinixxi tliet taqsimiet ta' REWS; baxx, medju u għoli. Dawn ivarjaw minn REWS li joqogħdu waħedhom, mingħajr printers fihom sa mudelli aktar sofistikati b'sistemi ta' buttuni pre-set u l-possibilità ta' integrazzjoni f'kontroll relatat mal-kompjuter u ma' sistemi ta' amministrazzjoni.

(14) Għalkemm l-użu potenzali ta' REWS jista' jvarja, m'hemmx differenza sinifikanti fil-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi tat-tipi varji ta' REWS. Barra minn hekk, l-investigazzjoni uriet li bejn dawn it-tliet taqsimiet differenti, m'hemmx linji ċari x'jaqsmu, minħabba li segmenti f'mudelli simili normalment ikunu jinbidlu ma' xulxin.

2. Prodotti simili

(15) L-investigazzjoni uriet li d-diversi REWS prodotti f'Singapor u mibjugħa f'dak is-suq, għandhom, minkejja d-differenzi fid-daqs, fl-istennija tat-tul tal-ħajja, fil-vultaġġ jew fid-disinn, l-istess karatteristiċi tekniċi u fiżiċi bażiċi meta mqabbla mar-REWS esportati minn Singapor lejn il-Komunità, u skond dan għandhom jitqiesu bħala prodotti simili.

Bl-istess mod, minkejja differenzi tekniċi żgħar, il-firxa ta' REWS prodotti fil-Komunità huma bażikament l-istess bħar-REWS esportati minn Singapor lejn il-Komunità.

C. RIMI U L-PROBABILITA' TA' RIKORRENZA TAR-RIMI

1. Rimarki preliminari

(16) Kif indikat hawn fuq, din l-investigazzjoni hija kombinazzjoni ta' reviżjoni ta' skadenza bbażata fuq l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku u reviżjoni li saret sadanittant ibbażata fuq l-Artikolu 11(3), b'din ta' l-aħħar tiġi introdotta biex teżamina l-allegazzjoni li r-rimi li jikkawża ħsara żdied. Il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tkomplix ir-reviżjoni skond l-Artikolu 11(3) minħabba li l-volumi mibjugħa fis-suq tal-Komunità mill-produtturi ta' l-esportazzjoni kienu baxxi u ma kienx hemm evidenza biżżejjed biex ikun hemm bidla fit-tul fiċ-ċirkostanzi li għandhom jiġu stabbiliti. Is-sejbiet tal-Komunità huma għalhekk, ibbażati fuq dawk stabbiliti taħt l-Artikolu 11(2) dwar il-probabilità ta' kontinwazzjoni u rikorrenza ta' rimi li jikkawża ħsara jekk il-miżuri eżistenti jitneħħew.

(17) Skond l-Eurostat madwar 449 REWS minn Singapor ġew impurtati fil-Komunità matul il-perijodu ta' l-investigazzjoni meta mqabbel ma' 4500 units fil-perijodu ta' l-investigazzjoni preċedenti li fih huma bbażati l-miżuri suġġetti għar-reviżjoni.

(18) L-uniku produttur minn Singapor li qiegħed jikkopera, Teraoka Weigh System PTE Ltd, irrapporta li hu esporta 315 units lejn il-Komunità. Referenza għall-Eurostat tindika li din tirrappreżenta 70 % ta' l-esportazzjonijiet lejn il-Komunità u dan ifisser li hemm nuqqas ta' koperazzjoni sinifikanti.

2. Probabilità ta' kontinwazzjoni jew rikorrenza tar-rimi

(19) Skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Bażiku, l-għan ta' din it-tip ta' reviżjoni hu li liġi determinat jekk, l-iskadenza tal-miżuri hix ser twassal għal kontinwazzjoni jew rikorrenza tar-rimi li jikkawża ħsara.

Probabilità tal-kontinwazzjoni tar-rimi

(20) Meta jiġi eżaminat jekk hux probabbli li jitkompla r-rimi jekk il-miżuri jitneħħew, hu neċessarju li jiġi identifikat jekk ir-rimi jeżistix preżentement u jekk dan ir-rimi hux probabbli li jitkompla. F'dan ir-rigward, is-sejbiet imniżżla għall-Artikolu 11(3) reviżjoni għad-determinazzjoni tar-rimi japplikaw.

Probabilità tar-rikorrenza tar-rimi

(21) Hekk kif is-sejbiet dwar il-probabilità fil-kontinwazzjoni tar-rimi, waħedhom ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala deċiżivi dwar jekk dawn il-miżuri għandhomx jinżammu jew jitneħħew, sakemm dawn kienu bbażati fuq volum baxx ta' esportazzjonijiet lejn il-Komunità' fuq mudell li ftit ftit qiegħed jinqata', il-probabilità tar-rikorrenza tar-rimi jekk il-miżuri jitneħħew ukoll ġiet indirizzata. F'dan ir-rigward, hemm indikaturi li jkomplu dawn l-importazzjonijiet lejn il-Komunità fi kwantitajiet sinifikanti, probabbli. Iż-żieda fil-bejgħ aktarx li timmaterjalizza minn żewġ sorsi: permezz tat-trasferiment tal-kapaċità fil-produzzjoni, li hi relattivament mobbli, sa units relatati ma' produtturi ta' l-esportazzjoni minn Singapor lejn swieq ta' terzi pajjiżi lura lejn Singapor; u permezz ta' bidla fi ftit mill-bejgħ minn swieq ta' pajjiżi terzi numerużi oħra lejn il-Komunità biex jittieħed vantaġġ mill-prezzijiet li huma ftit jew wisq ogħla fis-suq tal-Komunità. Barra minn hekk, l-eżistenza ta' miżuri fis-seħħ kontra l-Ġappun, issaħħaħ din il-probabilità.

(22) Il-produttur li qiegħed jesporta qal li mhux probabbli li jkun hemm bidla fil-produzzjoni lura lejn Singapor ta' prodotti li wara jistgħu jinbiegħu fil-Komunit, b'mod partikolari l-produzzjoni ta' units li imbagħad jitpoġġew fil-Komunità. Iżda, dawn il-units ma kinux jikkoperaw ma' din l-investigazzjoni u kien impossibbli li dawn l-argumenti jiġu evalwati. F'kull każ, l-istorja ta' dan il-prodott turi li l-produzzjoni tiegħu hi mobbli ħafna u tista' tinbidel f'perijodu relattivament qasir b'reazzjoni għal avvenimenti bħall-obbligi kontra r-rimi. Per eżempju, il-units tal-Komunità ittellgħu wara li dawn l-obbligi ġew imposti.

(23) Rigward il-prezz fil-Komunità ta' importazzjonijiet ta' prodotti simili meta dawn jitkomplew, hemm raġuni tajba għalfejn wieħed għandu jifhem li dawn ikunu f'livelli ta' rimi, b'mod partikolari sakemm kwantità sinifikanti ta' esportazzjonijiet minn Singapor lejn swieq ta' terzi pajjiżi li m'għandhomx miżuri fis-seħħ (bħall-Istati Uniti ta' l-Amerika,il-Kanada, il-Malasja, l-Indoneżja, ir-Repubblika tal-Korea, l-Israel u t-Tajlandja), isiru fi prezzijiet ta' rimi. Jekk il-prezzijiet mitluba lil dawn is-swieq ta' terzi pajjiżi kienu mitluba wkoll għal bejgħ fil-Komunità ikun hemm ir-rimi ukoll. Dan ikun il-każ jekk il-prezzijiet ikunu ftit ogħla biex jirriflettu l-prezzijiet kemmxejn ogħla li preżentement qegħdin jipprevalu fil-Komunità meta kkomparati ma' dawn il-pajjiżi terzi. Barra minn hekk, m'hemm l-ebda indikazzjoni li l-livell relattivament ogħla ta' prezzijiet f'Singapor se jinbidel fuq medda qasira ta' żmien u għalhekk raġonevoli li wieħed jassumi li meta tittieħed kont ta' l-istorja tar-rimi ta' dan il-prodott, xi tkomplija sinifikanti ta' esportazzjonijiet lejn il-Komunità se tkun fi prezzijiet anqas minn dawk f'Singapor.

(24) Il-produttur li qiegħed jesporta qal li ma kien hemm l-ebda evidenza li l-bejgħ li sar lil dawn it-terzi pajjiżi mill-produttur li qiegħed jesporta kien f'livelli ta' rimi u f'dan ir-rigward ipproduċa kalkoli għall-esportazzjoni ta' mudell wieħed kif ukoll il-marġini ta' profitt ta' dan il-mudell lejn il-Komunità. Iżda, din ix-xhieda naqset li turi l-eżistenza, jew xort'oħra ta' rimi fuq dan il-bejgħ, mhux l-anqas għaliex l-informazzjoni kkonċernat biss mudell wieħed, u minħabba l-fatt li l-profitti fuq il-bejgħ lejn il-Komunità huma irrelevanti. Fil-fatt, l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-rimi, lejn dawn it-terzi pajjiżi, inġibdu minn informazzjoni prodotta mill-produttur li qiegħed jesporta, fuq il-bejgħ kollu tiegħu lejn pajjiżi terzi, u dan wera disinn distint ta' rimi bil-prezzijiet ta' l-esportazzjoni in ġenerali jkunu aktar baxxi b'mod sinifikanti minn dawk mitluba f'Singapor.

Determinazzjoni tar-rimi taħt l-Artikolu 11(3)

(25) Skond l-allegazzjoni fit-talba għar-reviżjoni, li l-marġini tar-rimi jiżdiedu jekk il-miżuri ma jitneħħewx, l-investigazzjoni inkludiet reviżjoni tar-rimi għall-perijodu ta' l-investigazzjoni. F'dan il-kuntest, produttur ta' l-esportazzjoni wieħed biss ikkopera fl-investigazzjoni u waqt l-investigazzjoni, din il-parti qalet li ma kinitx qiegħda tiddampja l-bejgħ tagħha lejn il-Komunità u li l-miżuri li japplikaw għall-esportazzjonijiet tagħha għandhom jitneħħew.

(26) Fir-rigward ta' l-allegazzjoni li saret mill-produttur ta' l-esportazzjoni li r-rimi sparixxa u li l-miżuri għandhom jitneħħew, ittieħed kont tal-fatt li l-miżuri kienu fis-seħħ matul il-perijodu ta' l-investigazzjoni, u li għalhekk, kwalunkwe kalkolu tar-rimi jista' jiġi affettwat mill-eżistenza ta' dawn il-miżuri b'mod partikolari fir-relazzjoni mal-volum u l-prezzijiet ta' dawn l-importazzjonijiet lejn il-Komunità. Matul il-perijodu ffissat għal din l-investigazzjoni, il-kwantità esportata mill-produttur ta' l-esportazzjoni kienet ta' 315 units. Dan kien ammont ferm iżgħar mill-ammont esportat waqt il-perijodu ta' l-investigazzjoni li wassal għall-miżuri eżistenti iżda dan il-livell, kif inhu, ma kienx ikkunsidrat mhux suffiċjenti għal rikalkulazzjoni ta' marġni ġdid tar-rimi. Madankollu, il-biċċa l-kbira ta' dawn l-importazzjonijiet saru lil importatur fl-Olanda li ma kkoperax f'din l-investigazzjoni iżda li kellu relazzjonijiet mal-produttur ta' l-esportazzjoni li estendew lil hinn minn relazzjoni purament bejn xerrej u bejjiegħ. In-nuqqas ta' koperazzjoni ta' din il-parti ma ppermettietx li jkun hemm eżaminazzjoni proprja dwar jekk din ir-relazzjoni setgħetx taffettwa l-prezzijiet ta' l-esportazzjonijiet in kwistjoni.

(27) Barra minn hekk, il-produttur ta' l-esportazzjoni rrapporta l-eżistenza ta' parti relatata fil-Komunità li wkoll ma kkoperatx f'din l-investigazzjoni ħlief biex tissottometti informazzjoni ġenerali dwar l-attivitajiet tagħha. Għalhekk ma kienx possibbli li jiġi stabbilit b'ċertezza jekk din il-kumpannija kinitx involuta direttament jew indirettament fil-bejgħ ta' prodotti simili fil-Komunità.

(28) B'żieda ma' dan, il-produttur ta' l-esportazzjoni bbaża l-istqarrija tiegħu ta' nuqqas ta' rimi fuq paragun mal-prezzijiet ta' l-esportazzjoni ta' mudell wieħed lejn il-Komunità meta kkomparat ma' prezzijiet ta' verżjoni ġdida ta' dak il-mudell meta mibjugħ f'Singapor b'dan ta' l-aħħar aġġustat b'aktar minn 20 % biex jittieħed kont ta' l-ispejjeż allegatament ogħla tal-produzzjoni tal-mudell mibjugħ f'Singapor.

(29) Fi kwalunkwe każ, il-produttur ta' l-esportazzjoni ma pproduċiex evidenza li dawn id-differenzi affettwaw il-prezzijiet mitluba fis-suq ta' Singapor. Per eżempju, ma ngħatatx evidenza rigward il-prezzijiet tal-mudelli l-qodma u l-ġodda meta dawn ta' l-aħħar ġew introdotti fis-suq. Bejgħ lejn pajjiżi terzi, ħlief lejn il-Komunità, kien eżaminat biex jiġi stabbilit jekk dan setax jipprovdi bażi għal aġġustament u dan wera li meta ż-żewġ mudelli kienu mibjugħa fl-istess suq, ma kienx hemm sekwenza ċara tal-prezzijiet li kienu jikkonformaw ma' l-istqarrija. Għal xi pajjiżi, il-prezzijiet taż-żewġ mudelli kienu bejn wieħed u ieħor l-istess, għal xi pajjiżi, il-verżjoni l-aktar "qadima" kellha l-aktar prezz għoli u għal xi pajjiżi l-verżjoni l-ġdida kellha l-ogħla prezz. Paragun medju tal-prezzijiet taż-żewġ mudelli ma' terzi pajjiżi urew li l-verżjoni l-aktar ġdida kellha prezz ogħla ta' madwar 6 %.

(30) F'dawn iċ-ċirkostanzi, kien osservat li r-rimi jisparixxi biss jekk l-aġġustament għad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi kien jingħata, iżda jekk ma jingħatax, jew jingħata biss sad-differenza fil-prezz għaż-żewġ mudelli kkonċernati lejn swieq terzi, kien jibqa' rimi sinifikattiv.

(31) Għalhekk, il-volum relattivament baxx ta' importazzjonijiet li jirrelataw ma' mudell wieħed biss li qiegħed fil-proċess li jinqata' għal kollox u li m'għandux mudell ekwivalenti mibjugħ f'Singapor, in-nuqqas ta' parteċipazzjoni fl-investigazzjoni ta' partijiet relatati jew assoċjati fil-Komunità, ta' l-anqas sa fejn jestendi lil hinn minn relazzjoni normali bejn xerrej u bejjiegħ, iwassal għall-konklużjoni li marġni tar-rimi ta' min joqgħod fuqu fit-tul ma jistax jiġi stabbilit, għall-perijodu ta' l-investigazzjoni.

(32) Għall-istess raġunijiet, l-istqarrija li l-miżuri għandhom jiżdiedu hi riġettata. Il-miżuri jisgħu jiġu reveduti biss ‘il fuq jew ‘l isfel fuq il-bażi tas-sejbiet għall-perijodu ta' l-investigazzjoni jekk dawn jistgħu jiġu kkunsidrati ta' min joqgħod fuqhom fit-tul. F'dan ir-rigward, m'hemmx evidenza ta' min jorbot fuqha li tista' tiġġustifika żieda fil-miżuri. Fil-fatt, l-eżistenza ta' miżuri kienet tidher li kien qiegħed ikollha impatt konsiderevoli fil-prevenzjoni tar-rimi fi kwantitajiet sinifikanti.

(33) Għal dawk il-produtturi ta' l-esportazzjoni li qegħdin joperaw minn Singapor, li naqsu li jikkoperaw ma' l-investigazzjoni, ir-rimi kien determinat fuq il-bażi tal-fatti disponibbli skond l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Bażiku. F'dan ir-rigward, hu xieraq li jiġi kkunsidrat li l-aktar fatti raġonevoli disponibbli huma dawk stabbiliti għall-investigazzjoni li saret qabel. Marġni tar-rimi residwu kien għalhekk determinat, billi sostna il-marġni residwu ta' qabel ta' 31,0 % espress bħala persentaġġ tal-prezz ta' l-importazzjoni cif fil-fruntiera tal-Komunità.

Konklużjoni

(34) Ir-reviżjoni ta' l-Artikolu 11(2) tindika li jekk il-miżuri kellhom jitneħħew kien ikun hemm probabilità ta' kontinwazzjoni u/jew rikorrenza ta' rimi. Ir-reviżjoni ta' l-Artikolu 11(3) ma setgħetx tiġi segwita għax din ir-reviżjoni hi ġustifikata biss fejn hemm murija bidla fit-tul fiċ-ċirkostanzi.

D. SITWAZZJONI FIS-SUQ TAL-KOMUNITÀ REWS

1. Struttura ta' l-industrijat tal-Komunità

(35) Minn meta ġew imposti l-miżuri kurrenti kontra r-rimi, fuq l-importazzjonijiet tar-REWS minn Singapor fl-1993, l-industrija tal-Komunità għaddiet minn ristrutturar u minn programm ta' konsolidazzjoni sabiex issostni l-kompetittività tagħha. Total ta' disa' kumpanniji kkoperaw fl-investigazzjoni ta' qabel iżda wara l-proċess ta' ristrutturar fl-industrija, ħames kumpanniji biss baqgħu fil-perijodu ta' l-investigazzjoni. Kif imsemmi fil-premess 8, tnejn minn dawn il-kumpanniji kkoperaw fl-investigazzjoni preżenti. Sar evidenti matul l-investigazzjoni li l-produtturi l-oħra tal-Komunità irristrutturaw fl-istess direzzjoni.

(36) Il-produtturi tal-Komunità li qegħdin jikkoperaw jirrappreżentaw 39 % tal-produzzjoni tal-Komunità fil-perijodu ta' l-investigazzjoni, u għalhekk jikkwalifikaw bħala proporzjon ewlieni tal-produzzjoni tal-Komunità. Dawn il-produtturi huma msejħa "l-industrija tal-Komunità" minn issa ‘l quddiem. Barra minn hekk, żewġ kumpanniji kbar sostnew it-talba għar-reviżjoni iżda ma kkoperawx ma' l-investigazzjoni b'mod sħiħ. Ir-rappreżentattività tal-produzzjoni tal-Komunità li kienet qiegħda ssostni l-ilment kienet, għalhekk, ta' aktar minn 50 %.

(37) Għandu jiġi osservat li għar-raġunijiet tal-kalkolu ta' hawn fuq tar-rappreżentattività tal-produzzjoni tal-Komunità, skond l-Artikoli 4(1)(a) u (2) tar-Regolament bażiku, kwalunkwe kumpannija li qiegħda topera fil-Komunità relatata mal-produtturi ta' l-esportazzjoni f'pajjiżi li nstabu li qegħdin jiddumpjaw, kienet eskluża mid-definizzjoni tal-produzzjoni totali tal-Komunità.

2. Il-konsum tar-REWS fis-suq tal-Komunità

(38) Il-konsum fil-Komunità kien ikkalkulat fuq informazzjoni tal-bejgħ verifikata ipprovduta mill-industrija tal-Komunità, figuri fit-talba għar-reviżjoni (għal bejgħ lil produtturi tal-Komunità li mhux qegħdin jikkoperaw) u volumi ta' l-importazzjoni miksuba permezz ta' l-Eurostat. Il-konsum tul il-perijodu ta' l-investigazzjoni kien kif ġej:

Konsum tar-REWS fil-Komunità

(units) |

1994 | 1995 | 1996 | 1997 | Perijodu ta' l-investigazzjoni |

174448 | 161682 | 172314 | 177391 | 191341 |

(39) Iż-żieda fil-konsum fl-1997 u fil-perijodu ta' l-investigazzjoni kienet dovuta għal żieda ta' darba biss fit-talba mill-bejjiegħa kkawżata mill-introduzzjoni ta' l-euro ("effett ta' l-euro"). Mill-1997 ‘il quddiem, il-bejjiegħa rrealizzaw aktar u aktar li kellhom jibdlu r-REWS il-qodma ma' mudelli tar-REWS konformi ma' l-euro. Dan ħoloq żieda fid-domanda għar-REWS fil-Komunità u l-volum tal-bejgħ żdied. Din is-sitwazzjoni imtejba se tkun ta' durazzjoni qasira u l-volum tal-bejgħ hu mistenni li jinżel lura għal livelli normali sa l-2000, u jinżel għal aktar mil-livelli normali mill-2001 qabel ma jerġa' lura għan-normal sa l-2004.

(40) Figura alternattiva tal-konsum kienet provduta mir-rappreżentanti legali tal-produtturi ta' l-esportazzjoni f'Singapor. Din il-figura kienet estrapolazzjoni bbażata l-aktar fuq Stat Membru wieħed juża l-figuri ta' l-1996. Il-Kummissjoni kkunsidrat, għalhekk, li l-informazzjoni mis-sorsi msemmija hawn fuq kienet aktar preċiża, kompleta u aġġornata.

3. Imporazzjonijiet ikkonċernati

Volum ta' importazzjonijiet

(41) Ibbażata fuq l-informazzjoni mill-Eurostat (bl-użu tal-kodiċi ddedikat TARIC

8423815010

), ir-REWS impurtat minn Singapor matul il-perijodu ta' l-analiżi żviluppa kif ġej:

Volum ta' importazzjonijiet

(units) |

| 1994 | 1995 | 1996 | 1997 | Perijodu ta' l-investigazzjoni |

Importazzjonijiet minn Singapor | 1785 | 3776 | 863 | 987 | 449 |

Sehem mis-suq | 1,0 % | 2,3 % | 0,5 % | 0,6 % | 0,2 % |

(42) Il-waqa' fil-volum ta' l-importazzjonijiet fl-1996 kienet l-aktar attribwita għaż-żieda fir-rata tat-tariffi applikati għat-Teraoka Weigh System PTE Ltd wara r-reviżjoni ta' l-investigazzjoni kontra l-assorbiment li rriżultat fl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 2937/95.

(43) Il-bejgħ tal-produttur ta' l-esportazzjoni minn Singapor li qiegħed jikkopera fis-suq tal-Komunità matul il-perijodu ta' l-investigazzjoni involva biss mudell wieħed (minn issa ‘l quddiem imsejjaħ Mudell A) u kien impurtat matul il-perijodu ta' l-analiżi f'volumi baxxi ħafna kif ġej:

Volum ta' importazzjonijiet

(units) |

| 1995 | 1996 | 1997 | Perijodu ta' l-investigazzjoni |

Mudell A | 1 | 487 | 738 | 315 |

(44) Teraoka Weigh System PTE Ltd issottomettiet li s-sehem baxx mis-suq ta' l-importazzjonijiet minn Singapor kien de minimis. Madankollu, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet de minimis fir-Regolament bażiku jirrelataw biss ma' proċeduri li jinvolvu każijiet ġodda taħt l-Artikolu 5 aktar milli reviżjonijiet ta' l-Artikolu 11 tal-miżuri eżistenti. Barra minn hekk, għandu jiġi mistenni li l-eżistenza ta' miżuri jista' jkollha effett ta' tnaqqis fuq il-volumi ta' l-importazzjoni minn dak il-pajjiż.

Imġieba fil-prezzijiet tal-produtturi ta' l-esportazzjoni

(45) In vista tan-nuqqas sinifikanti ta' koperazzjoni mill-produtturi ta' l-esportazzjoni, il-Kummissjoni kellha tassessja liema informazzjoni kienet disponibbli biex tkun tista' twettaq analiżi ta' l-imġieba tal-prezzijiet tal-produtturi ta' l-esportazzjoni. F'dan ir-rigward ma kienx ikkunsidrat xieraq li informazzjoni ta' l-Eurostat tintuża biex tingħata indikazzjoni tal-mudelli involuti. Kien, għalhekk, ikkunsidrat xieraq li tintuża l-informazzjoni pprovduta mill-uniku produttur ta' l-esportazzjoni li pprovda l-informazzjoni tal-bejgħ għas-suq tal-Komunità. Paragun bejn il-prezzijiet tal-mudelli rappreżentattivi reklamati mill-industrija tal-Komunità u l-mudell komparabbli tal-produttur ta' l-esportazzjoni li qiegħed jikkopera sar fuq il-bażi tal-bejgħ, bl-esklużjoni ta' l-obbligi ta' kontra r-rimi, fl-istess livell tal-kummerċ (prezzijiet għan-negozjanti/importaturi) matul il-perijodu ta' l-investigazzjoni. L-ebda aġġustament għad-differenza fil-kwalità ma sar minħabba li l-mudelli użati kienu identiċi fil-perċezzjoni tax-xerrej u kienu komparabbli direttament u b'mod sħiħ. Waqt li kien maħsub li dawn il-mudelli pprovdew paragun ġust, il-valur baxx ta' l-esportazzjonijiet mibjugħa minn dan il-produttur ta' l-esportazzjoni inevitabbilment jagħmilha diffiċli, jekk mhux impossibbli, li jinġibdu konklużjonijiet ċari. Fuq il-bażi tan-numru limitat ta' transazzjonijiet disponibbli, madankollu, qtugħ fil-prezzijiet sinifikanti kien identifikat mill-importazzjonijiet mormija ikkonċernati.

(46) Għandu jiġi osservat hawnhekk, li l-informazzjoni qarrieqa kienet ipprovduta mill-produttur ta' l-esportazzjoni li qiegħed jikkopera dwar l-istatus ta' l-importatur ewlieni involut fil-kalkolu ta' hawn fuq. Inizzjalment is-servizzi tal-Kummissjoni kienu nfurmati li l-importatur ma kienx relatat ma' l-esportatur ta' Singapor iżda fi stadju aktar tard dawn kienu deskritti bħala li huma "parti mill-grupp Teraoka" . Għalkemm l-importatur ma kkoperax ma' l-investigazzjoni u mar-relazzjoni tagħha mal-produttur ta' l-esportazzjoni, din għalhekk ma setgħetx tiġi ddeterminata b'mod konkludenti, il-Kummissjoni aċċettat il-prezzjijiet tax-xiri ta' l-importazzjoni bħala li ma kinux affettwati mir-relazzjoni possibbli u użathom bħala l-aħjar sors ta' informazzjoni disponibbli skond l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

4. Sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità

(47) Skond l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, l-eżaminazzjoni ta' l-impatt ta' l-importazzjonijiet mormija fuq l-industrija tal-Komunità inkludiet evalwazzjoni tal-fatturi kollha ekonomiċi u indiċi li kellhom effett fuq l-istat ta' l-industrija. Madankollu, ċerti fatturi m'humiex ittrattati fid-dettall hawn taħt għax instabu li ma kinux relevanti għas-sitwazzjoni fl-industrija tal-Komunità matul din l-investigazzjoni. Għandu jiġi nnutat li l-ebda minn dawn il-fatturi neċessarjament ma jagħti linja ta' gwida deċiżiva.

Produzzjoni, utilizzazzjoni tal-kapaċità u inventarji

(48) Produzzjoni tar-REWS kollha waqgħet fil-perijodu 1994 sa 1996, iżda mbagħda żdiedet fil-linja ta' l-effett ta' l-euro kif spjegat fil-premess 39. Ir-rata tal-kapaċità ta' l-utilizzazzjoni fl-industrija tal-Komunità żdiedet bi 13 % fil-perijodu ta' l-analiżi.

Produzzjoni u kapaċità fl-industrija tal-Komunità

Indiċi: 1994 = 100 | 1994 | 1995 | 1996 | 1997 | Perijodu ta' l-investigazzjoni |

Volum tar-REWS kollha prodotti | 100 | 93 | 95 | 104 | 102 |

Kapaċità (ir-REWS kollha) | 100 | 101 | 98 | 98 | 90 |

Rata tal-kapaċità ta' l-utilizzazzjoni (REWS kollha) | 100 | 92 | 98 | 105 | 113 |

Kien ikkunsidrat li l-livell ta' l-inventarji ma setax jiġi kkunsidrat li kellu xi effett sinifikanti fuq is-sitwazzjoni fl-industrija tal-Komunità għax l-industrija tal-Komunità użat sistema ta' produzzjoni għall-ordni fejn il-ħażniet kienu kważi non-eżistenti.

Volum tal-bejgħ

(49) Bejgħ tal-units totali tar-REWS li sar mill-industrija tal-Komunità fuq is-suq tal-Komunità, waqa' matul il-perijodu ta' l-1994 sa l-1996, iżda mbagħad żdied fil-linja ta' l-effett ta' l-euro kif spjegat fil-premess 39.

Volum ta' bejgħ f'units

Indiċi: 1994 = 100 | 1994 | 1995 | 1996 | 1997 | Perijodu ta' l-investigazzjoni |

Bejgħ fl-industrija tal-Komunità | 100 | 91 | 94 | 100 | 103 |

Profitti mill-bejgħ

(50) Il-profitt mill-bejgħ tar-REWS totali li sar mill-industrija tal-Komunità fuq is-suq tal-Komunità waqa' fuq il-perijodu 1994 sa l-1997, iżda mbagħad żdied fid-direzzjoni ta' l-effett ta' l-euro kif spjegat fil-premess 39.

Profitti mill-bejgħ

Indiċi: 1994 = 100 | 1994 | 1995 | 1996 | 1997 | Perijodu ta' l-investigazzjoni |

Bejgħ ta' l-industrija tal-Komunità | 100 | 93 | 90 | 85 | 90 |

Sehem u tkabbir fis-suq

(51) Is-sehem tas-suq ta' l-industrija tal-Komunità niżel bi 3 punti perċentwali mill-1994 sa' l-aħħar tal-perijodu ta' l-investigazzjoni. Għalhekk, l-industrija tal-Komunità ma setgħetx tibbenefika bis-sħiħ mit-tkabbir fis-suq.

Żvilupp fil-prezzijiet

(52) Analiżi tal-prezzijiet tar-REWS fil-Komunità saret b'referenza mal-prezzijiet tal-bejgħ ta' mudelli minn kull firxa ta' mudelli mibjugħa mill-industrija tal-Komunità. L-iżvilupp tal-prezzijiet medji għall-bejgħ lil konsumaturi mhux relatati matul il-perijodu ta' analiżi kien kif ġej:

Żvilupp tal-prezzijiet tar-REWS

(ECU/unit) |

Indiċi: 1994 = 100 | 1994 | 1995 | 1996 | 1997 | Perijodu ta' l-investigazzjoni |

REWS kollha | 100 | 103 | 95 | 83 | 87 |

Prezzijiet tal-bejgħ niżlu bi 13 % għall-firxiet kollha bejn l-1994 u l-perijodu ta' l-investigazzjoni. Dan it-tnaqqis globali fil-prezz kien konsistenti tul il-firxiet kollha tal-mudelli tar-REWS.

Profitabilità

(53) Ir-ritorn fuq il-profitt tar-REWS kollha kemm huma tela' minn livelli pożittivi baxxi fl-1994 għal aktar minn 10 % fil-perijodu ta' l-investigazzjoni. Fil-bidu tal-perijodu ta' l-analiżi, ir-ritorn fuq il-profitt kien konsistentement baxx aktar mir-rata kkunsidrata neċessarja għall-viabilità ta' l-industrija. Il-figuri mtejba għall-1997 u l-perijodu ta' l-investigazzjoni kienu dovuti għall-effett ta' l-euro msemmi aktar ‘il fuq li ta spinta temporanja lill-bejgħ u, għalkemm ftit anqas, l-effetti tar-ristrutturar fuq skala kbira li sar mill-industrija kif imsemmi fil-premess 35. B'żieda ma dan, l-eżistenza ta' miżuri kontra r-rimi ukoll ħalliet effett pożittiv.

Fatturi oħra relatati mal-prestazzjoni

(54) Ebda analiżi dettaljata ma saret fuq il-cash flow, l-abilità li jiġi ġġenerat il-kapital (jew l-investimenti) u r-ritorn fuq investimenti għax din l-analiżi kienet tirrelata mas-sitwazzjoni tal-kumpannija kollha kemm hi. Il-linji l-oħra tan-negozju tal-kumpannija jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-profitt totali tal-kumpannija u, għalhekk, analiżi globali mhux neċessarjament tkun rappreżentattiva tal-prodott in konsiderazzjoni.

F'dak li jirrigwarda l-impatt fuq l-industrija tal-Komunità ta' daqs kbir bħall-marġni attwali tar-rimi, sakemm hemm il-volum u l-prezzijiet ta' l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, dan l-impatt ma jistax jiġi kkunsidrat li hu negliġibbli.

Produttività, impjiegi u salarji

(55) Il-kaxxa hawn taħt turi li matul il-perijodu ta' l-analiżi l-impjiegi fl-industrija tal-Komunità naqsu bi 32 %.

Produttività kull impjegat

Indiċi: 1995 = 100 | 1995 | 1996 | 1997 | 1998 | Perijodu ta' l-investigazzjoni |

Numru ta' units prodotti | 100 | 93 | 95 | 104 | 102 |

Numru ta' impjegati | 100 | 94 | 86 | 75 | 68 |

Produttività kull impjegat | 100 | 99 | 111 | 138 | 150 |

(56) Produttività għal kull impjegat żdiedet b'50 % tul il-perijodu ta' l-analiżi.

(57) Ebda analiżi dettaljata ma saret fuq is-salarji minħabba fl-importanza ta' linji oħra tan-negozju fl-attivitajiet ġenerali tal-kumpanniji. Analiżi bħal din kienet tirrelata mas-sitwazzjoni tal-kumpannija kollha kemm hi u mhux neċessarjament tkun rappreżentattiva għall-prodott in konsiderazzjoni.

Konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fl-industrija tal-Komunità

(58) L-industrija tal-Komunità għaddiet minn programm ta' ristrutturar kbir u tejbet it-tekniki tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni sabiex tkun tista' tibbenefika mill-miżuri fis-seħħ. Madankollu, hi kompliet issofri minn pressjonijiet tal-prezz, li naqqsu l-marġni u rriżultaw f'telf mis-sehem tas-suq u tnaqqis fl-impjiegi. Il-profitabilità tjiebet fuq il-perijodu ta' l-analiżi, iżda, kif imsemmi fil-premess 39, kienet biss f'livelli suffiċjenti biex issostni l-viabilità ta' l-industrija tal-Komunità, u dan kien dovut l-aktar għal benefiċċji ta' darba li rriżultaw mill-effett ta' l-euro u l-livelli tal-profitt huma mistennija li jerġgħu lura għal dawk realizzati fil-parti ewlenija tal-perijodu ta' l-analiżi.

Huwa għalhekk ikkunsidrat li l-industrija tal-Komunità ma rkupratx b'mod sħiħ mis-sitwazzjoni negattiva li nstabet fiha fl-investigazzjoni ta' qabel.

E. PROBABILITA' TA' RIKORRENZA TA' INĠURJA

1. Analiżi tas-sitwazzjoni tal-produtturi ta' l-esportazzjoni ta' Singapor

(59) L-iżvilupp ta' l-importazzjonijiet minn Singapor hu muri fil-premess 41. L-applikazzjoni taż-żieda ta' l-obbligi kontra r-rimi wara l-investigazzjoni kontra l-assorbiment li daħlet fis-seħħ f'Diċembru ta' l-1995 se tkun affettwat il-livell ta' importazzjonijiet minn dik id-data.

(60) Għalkemm f'volumi baxxi aktar minn qabel, il-produtturi ta' l-esportazzjoni minn Singapor komplew ibiegħu fis-suq tal-Komunità, u kien sottomess mill-industrija li qiegħda tilmenta li dawn ikkonċentraw il-bejgħ tagħhom fi swieq ta' ċerti Stati Membri b'mudelli speċifiċi, aktar milli fuq il-bejgħ ta' firxa sħiħa ta' mudelli. Din l-istqarrija kienet eżaminata mill-Kummissjoni u kien ċar mill-figuri tal-bejgħ sottomessi mill-produttur ta' l-esportazzjoni li qiegħed jikkopera, li ċerti swieq kienu, fil-fatt, qegħdin jiġu immirati b'mudelli speċifiċi, fejn l-esportaturi ħassew li setgħu jikkompetu, l-aktar fuq il-bażi tal-prezzijiet baxxi, mingħajr il-bejgħ kbir u n-netwerks tad-distribuzzjoni neċessarji għall-industrija tal-Komunità.

Is-settur tal-bejgħ tal-Komunità hu ddominat aktar u aktar minn ktajjen ta' supermarkets li jinnegozjaw kuntratti annwali ta' bejgħ għar-REWS. Għalhekk is-suq tar-REWS hu suxxettibbli għal pressjoni fil-prezzijiet fil-forma ta' offerti bi prezz baxx biex tiżdied il-pressjoni l-isfel fuq il-prezzijiet. Il-Kummissjoni tikkunsidra, għalhekk, li l-offerti bi prezz baxx li jinvolvu importazzjonijiet minn Singapor jistgħu faċilment iwasslu għar-rikorrenza ta' inġurja jekk il-miżuri ta' kontra r-rimi fis-seħħ jitħallew jiskadu.

(61) L-istorja ta' l-investigazzjonijiet kontra r-rimi li jinvolvu dan il-prodott uried li l-produzzjoni hi mobbli. L-opinjoni tal-Kummissjoni hi li, jekk il-miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jiskadu, l-esportazzjonijiet minn Singapor malajr jerġgħu jġibu l-livelli ta' inġurji ta' qabel, u, in vista tas-sejbiet ta' din l-investigazzjoni li r-rimi tħalla jkompli jseħħ, fi prezzijiet mormija. Dan hu partikolarment importanti hawn, fejn il-produttur ewlieni minn Singapor hu relatat ma' produttur fil-Ġappun; il-pajjiż li għalih instabet il-probabilità ta' rikorrenza ta' rimi inġurjuż.

(62) B'żieda mal-punt t'hawn fuq dwar il-movimenti fil-produzzjoni, il-figuri miksuba mill-produttur ta' l-esportazzjoni li qiegħed jikkopera m'humiex ċari fir-rigward ta' l-utilizzazzjoni tal-kapaċità. Aħna konna nfurmati li l-kapaċità ta' l-utilizzazzjoni kienet 63 % tal-produzzjoni tan-nameplate u aktar minn 100 % tal-livelli tal-produzzjoni miksuba fil-perijodu ta' l-investigazzjoni. Il-Kummissjoni kkonkludiet, madankollu, li l-mobilità tal-produzzjoni u l-faċilità li biha jitwaqqfu faċilitajiet ġodda fissret li l-produzzjoni u l-esportazzjonijiet segħu jiżdiedu jekk jiskadu l-miżuri.

(63) Il-produttur ewlieni ta' l-esportazzjoni ssottometta li l-faċilitajiet tal-produzzjoni issa kienu stabbiliti fil-Komunità, li fisser li ma kienx probabbli li l-esportazzjonijiet minn Singapor lejn il-Komunità kienu jiżdiedu jekk il-miżuri jiskadu. Madankollu, dawn il-units tal-produzzjoni naqsu li jikkoperaw ma' l-investigazzjoni. Kien ċar mill-ammont limitat ta' informazzjoni fornuta li firxa żgħira ħafna ta' mudelli kienu prodotti mill-Komunità u s-servizzi tal-Kummissjoni kkonkludew li, sabiex joffru firxa aktar kompleta, l-importazzjonijiet kellhom jiġu attirati minn Singapor. Fil-fatt, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, kien possibbli li l-produzzjoni fl-Ewropa kienet titmexxa lura lejn Singapor.

(64) Għandu jiġi osservat ukoll li l-produttur ta' l-esportazzjoni ewlieni ibiegħ ukoll bi prezzijiet baxxi fi swieq oħra (l-Istati Uniti ta' l-Amerika, il-Kanada, l-Israel, ir-Repubblika tal-Korea, l-Indonesia u l-Malasja). Għal volum totali ta' bejgħ ta' 655 units lejn dawn il-pajjiżi, il-prezzijiet tal-bejgħ (mingħajr dazji) kienu ta' madwar 9 % anqas minn prezzijiet ta' l-istess mudell fis-suq tal-Komunità. Dan jissuġġerixxi b'mod ċar li s-suq tal-Komunità kien ikun attraenti ħafna għal produtturi ta' l-esportazzjoni minn Singapor fl-assenza ta' miżuri kontra r-rimi.

(65) Jekk il-miżuri jiskadu, dawn il-prezzijiet kienu jibqgħu baxxi u f'livelli mormija, u l-importazzjonijiet kienu jeżerċitaw pressjoni fuq is-suq tal-Komunità minħabba fil-volumi miżjuda li probabbilment kienu jsiru nvoluti minħabba fiż-żieda fl-attraenza tas-suq.

2. Analiżi tas-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità

(66) Matul il-perijodu ta' l-investigazzjoni, l-industrija tal-Komunità kienet qiegħda tgawdi minn żieda fil-volum tal-bejgħ ikkawżat mill-effett ta' l-euro, iżda kif spjegat fil-premess 39, dan mhux se jkun fenomenu permanenti. Minħabba fil-potenzal għal importazzjonijiet mormija bi prezz baxx minn Singapor jekk il-miżuri jitneħħew, jista' jiġi mistenni li l-prezzijiet u s-sehem mis-suq ta' l-industrija tal-Komunità jkomplu jiddgħajfu.

(67) Prezzijiet tal-bejgħ naqsu b'medja ta' 13,3 % matul il-perijodu mill-1994 sal-perijodu ta' l-investigazzjoni u hu mistenni li din ix-xejra tkompli kif l-industrija tal-Komunità tipprova ssostni s-sehem tas-suq tagħha.

3. Konklużjoni dwar ir-rikorrenza ta' l-inġurja

(68) Fid-dawl tas-sejbiet fil-premessi 59 sa 67, hu konkluż li l-iskadenza tal-miżuri fuq dawn l-importazzjonijiet aktarx li twassal għal rikorrenza ta' inġurja kif definita mid-diversi indikaturi użati fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku. Biex waslet għal din il-konklużjoni, il-Kummissjoni ħadet kont tal-fatt li s-suq tal-Komunità għar-REWS hu suxxettibbli għal pressjoni fil-prezz li hi ddominata minn utenti kbar.

(69) Il-Kummissjoni ħadet kont tal-konklużjoni li l-faċilitajiet tal-produzzjoni jistgħu jiġu trasferiti f'faċilità relattiva bejn il-pajjiżi li żżid il-kapaċità relattiva, u l-premessi 59 sa 65 jispjegaw l-attraenza kontinwa tas-suq tal-Komunità għal produtturi ta' l-esportazzjoni minn Singapor meta mqabbla ma' uħud mis-swieq ta' terzi pajjiżi.d

(70) L-iskadenza tal-miżuri, għalhekk, aktarx li twassal għal rikorrenza ta' inġurja lill-industrija tal-Komunità, li eventwalment tpoġġi lill-viabilità tal-produzzjoni tal-Komunità f'riskju.

F. INTERESS TAL-KOMUNITÀ'

1. Konsiderazzjonijiet Ġenerali

(71) Skond l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku kien eżaminat jekk iż-żieda fit-tul taż-żmien ta' l-obbligi ta' kontra r-rimi kinux ser ikunu kontra l-interess tal-Komunità kollha kemm hi. Id-determinazzjoni ta' l-interess tal-Komunità kien ibbażat fuq apprezzamnet ta' l-interessi varji kollha, bħall-industrija tal-Komunità, l-importaturi, in-negozjanti u l-utenti tal-prodott ikkonċernat. Sabiex issir stima ta' l-impatt probabbli tal-kontinwazzjoni tal-miżuri, il-Kummissjoni talbet informazzjoni mill-partijiet kollha interessati imsemmija hawn fuq.

(72) Għandu jiġi mfakkar li, fl-investigazzjoni preċedenti, l-adozzjoni ta' miżuri kienet ikkunsidrata li ma tmurx kontra l-interess tal-Komunità. Barra minn hekk, l-investigazzjoni preżenti hi reviżjoni, għalhekk tanalizza s-sitwazzjoni fejn miżuri kontra r-rimi huma fis-seħħ. Konsegwentement, il-ħin u n-natura ta' l-investigazzjoni preżenti ħalliet stima ta' kwalunkwe impatt negattiv fuq il-partijiet ikkonċernati mill-miżuri ta' kontra r-rimi imposti.

(73) Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll l-effetti ta' l-obbligi ta' kontra r-rimi fuq ir-REWS impurtati minn Singapor f'relazzjoni ma' l-interessi speċifiċi ta' l-industrija tal-Komunità u partijiet oħra interessati li jinkludu utenti professjonali.

2. Interessi ta' l-industrija tal-Komunità

(74) In vista tas-sitwazzjoni ekonomika dgħajfa ta' l-industrija tal-Komunità, speċjalment f'termini tal-profitabilità inadekwata (fil-bidu tal-perijodu ta' analiżi u f'termini tax-xejra fit-terminu medju), impjiegi u sehem mis-suq, il-Kummissjoni tikkonsidra li, fl-assenza ta' miżuri kontra rimi inġurjuż, is-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità ċertament li tiddeterjora. L-investigazzjoni tar-reviżjoni preċedenti li tinvolvi r-REWS minn Singapor stenniet li ċerti produtturi tal-Komunità probabbilment iwaqqfu l-produzzjoni tar-REWS, u li forsi jkun hemm tnaqqis fil-livelli ta' l-impiegi, minħabba fil-livell ta' telf minn ċerti produtturi f'dak iż-żmien. Għalkemm il-miżuri kienu sostnuti fl-1993, it-tnaqqis fl-impjiegi fil-fatt irriżulta, il-kumpanniji komplew bil-preżenza fis-suq tal-Komunità minħabba proċess ta' konsolidazzjoni li nvolva l-għaqda ta' kumpanniji/akkwisti flimkien.

(75) Aktar tnaqqis jew deterjorament ta' l-industrija tal-Komunità kien ser ikollu implikazzjonijiet negattivi għall-impjiegi u l-investiment fl-industrija nnifisha, b'effetti knock-on sew fuq il-fornituri ta' l-industrija u fuq is-setturi relatati tal-produzzjoni fl-industrija tal-Komunità. Fil-fatt, it-teknoloġiji tar-REWS u firxa sħiħa ta' prodotti oħra huma relatati. Eżempji ta' dawn huma tipi oħra ta' apparat elettroniku għall-użin (bħal apparat għall-użin industrijali) u tagħmir użat fis-settur tal-bejgħ (bħall-magni għat-tqattiegħ). Kwalunkwe telf fl-għarfien teknoloġiku tal-prodotti tar-REWS se jfisser telf globali fil-kompetittività f'dawk is-setturi relatati.

(76) Barra minn hekk, l-investigazzjoni uriet li l-industrija tal-Komunità għamlet kull sforz biex tilħaq il-kompetizzjoni minn Singapor u minn pajjiżi oħra. Eżempji ta' dawn il-passi huma:

(a) Progress lejn konsolidazzjoni akbar (anqas kumpanniji).

(b) L-għeluq ta' eċċess fil-kapaċità

(ċ) Użu akbar ta' tekniki moderni fil-produzzjoni (eż: produzzjoni għall-ordni, mekkanizzazzjoni akbar u kompjuterizzazzjoni).

(d) Titjib fil-produttività.

(e) Tnaqqis fl-ispejjeż billi l-manifattura ta' ċerti komponenti tiġi kkuntrattata lil manifatturi oħra, u

(f) Investiment f'firxiet ta' mudelli ġodda.

(77) Il-produtturi tal-Komunità, għalhekk, urew rieda u determinazzjoni li jsostnu preżenza kompetittiva fis-suq tal-Komunità u għalhekk huma kapaċi jibbenefikaw mid-difiża minn kummerċ mhux ġust li ġej minn miżuri kontra r-rimi.

3. Interessi ta' partijiet oħra

(78) Il-Kummissjoni fittxet il-koperazzjoni ta' entità li tirrappreżenta l-interessi ta' ħwienet, inkluż ħafna utenti tal-prodott ikkonċernat (supermarkets), sabiex tidentifika jekk kienx hemm xi impatt sinifikanti fuq xi ħadd mill-utenti.

(79) Il-Kummissjoni ġiet notifikata b'mod informali minn din l-entità li ma kienx ser ikun hemm rispons minn utenti tal-bejgħ. Fil-fatt, l-ebda parti interessata ma uriet l-identità tagħha. Dan in-nuqqas ta' koperazzjoni hu bla dubju dovut għal proporzjon baxx ħafna ta' l-ispejjeż totali ta' l-utenti rrappreżentati mir-REWS. L-impatt taż-żamma tal-miżuri, f'dak li hu suq kompetittiv ħafna, jista' jiġi assunt li huwa negliġibbli.

(80) Il-Kummissjoni fittxet ukoll l-opinjonijiet ta' l-importaturi fil-Komunità iżda ma rċevejna l-ebda tweġiba għall-kwestjonnarju tagħna. Hu evidenti li t-tneħħija tal-miżuri se tippermetti lill-importaturi jnaqqsu l-prezzijiet tal-bejgħ u jżidu l-marġni. Madankollu, in vista tas-sejbiet fuq ir-rimi u l-inġurja hawn fuq, din iż-żieda fil-profitabilità aktarx li tkun dovuta biss għal kontinwità fir-rimi.

4. Konklużjoni

(81) Il-livell baxx ta' koperazzjoni mill-utenti u mill-importaturi kjarament jagħmilha diffiċli li jinġibdu konklużjonijiet fuq l-impatt f'dawn is-setturi. Ġie konkluż, madankollu, li l-impatt kien se jkun negliġibbli, partikolarment għas-settur tal-bejgħ fejn il-proporzjoni tal-bejgħ irrappreżentat mir-REWS hu żgħir ħafna.

(82) Għandu jiġi mfakkar, madankollu, li hemm probabilità ta' rikorrenza fl-inġurja materjali lill-industrija tal-Komunità, li għamlet sforzi kbar biex tibqa' kompetittiva. L-industrija tal-Komunità qiegħda tibbenefika b'mod temporanju mill-introduzzjoni ta' l-euro. Madankollu, jekk il-miżuri jiskadu, u in vista ta' l-effett imnaqqas ta' l-euro, aktarx li l-industrija tal-Komunità se tiddeterjora fil-futur u thedded il-viabilità tal-produzzjoni tal-Komunità kollha.

(83) Fuq il-bażi ta' dan t'hawn fuq, il-Kummissjoni ssib li m'hemmx raġunijiet ta' l-interess tal-Komunità kontra l-manteniment ta' miżuri kontra r-rimi.

G. MIŻURI DEFINITTIVI

(84) Għandu jiġi mfakkar li r-reviżjoni kurrenti nfetħet sew taħt l-Artikolu 11(2) u l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Il-ftuħ taħt l-Artikolu 11(3) inbeda biex jinvestiga allegazzjoni mill-industrija tal-Komunità li ċ-ċirkostanzi kienu nbidlu u li l-iskadenza tal-miżuri kienet se twassal għal żieda fir-rimi. F'dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma ssegwix ir-reviżjoni ta' l-Artikolu 11(3) għar-raġunijiet spjegati fil-premess 16. Is-sejbiet tal-Kummissjoni huma, għalhekk, ibbażati fuq dawk stabbiliti taħt l-Artikolu 11(2) rigward il-probabilità tal-kontinwazzjoni u r-rikorrenza ta' rimi inġurjuż jekk il-miżuri eżistenti jitneħħew.

(85) Bħalma ġie miftiehem li t-tneħħija tal-miżuri aktarx twassal għal tkomplija jew rikorrenza ta' rimi inġurjat taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, id-dazji li ġejjin dwar l-antirimi għandhom jiġu immponuti:

Tereoka Weigh System PTE Ltd | 15,4 % |

Dawk kollha li m'humiex jikkoperaw | 31,0 % |

(86) Għar-raġunijiet spjegati fil-premess 11 dwar it-tul ta' l-investigazzjoni, hu kkunsidrat xieraq li t-tul tal-miżuri għandu jiġi limitat għal erba' snin,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Obbligu definittiv kontra r-rimi qiegħed jiġi impost fuq l-importazzjoni ta' apparat elettroniku użat għall-użin biex jintuża fil-bejgħ li jinkorpora wirja diġitali tal-piż, il-prezz għal kull unit u l-prezz li għandu jitħallas (li fih il-mezzi biex din l-informazzjoni tiġi stampata jew le) li bħalissa tista' tiġi kklassifikata fil-kodiċi NM ex84238150 (kodiċiTARIC 8423815010 u li joriġina f'Singapor.

2. It-tariffa, kkalkulata fuq il-bażi tal-prezz nett tal-prodott, free-at-Community-frontier, qabel it-taxxa għandha tkun:

31,0 % (kodiċi addizzjonali TARIC 8704), bl-eċċezzjoni għal apparat elettroniku għall-użin prodott mill-kumpannija mniżżla hawn taħt, li għaliha għandha tapplika din ir-rata li ġejja:

Tereoka Weigh System PTE Ltd (kodiċi addizzjonali TARIC 8703). | 15,4 % |

3. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji tad-dwana għandhom japplikaw.

Artikolu 2

L-obbligi ta' kontra r-rimi għandhom jiġu imposi għal perijodu ta' erba' snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, 6 Marzu 2001.

F'isem il-Kunsill

Il-President

I. Thalén

[1] ĠU L 56, tas-06.03.96, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2238/2000 (ĠU L 257, tal-11.10.00, p. 2).

[2] ĠU L 112, tas-06.05.93, p. 20.

[3] ĠU L 263, tat-22.10.93, p. 1.

[4] ĠU L 307, ta' l-20.12.95, p. 30.

[5] ĠU L 104, 29.04.93, p. 4.

[6] ĠU C 128, tal-25.04.98, p. 11.

[7] ĠU C 262, tas-16.09.99, p. 8.

[8] ĠU L 301, tat-30.11.00, p. 42.

[9] ĠU C 125, tat-23.04.98, p. 3.

[10] ĠU C 324, tat-22.10.98, p. 4.

--------------------------------------------------