32001R0382



Official Journal L 057 , 27/02/2001 P. 0010 - 0013


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 382/2001

tas-26 ta' Frar 2001

rigward l-implimentazzjoni ta' proġetti li jippromwovu koperazzjoni u relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi industrijalizzati ta' l-Amerka ta' Fuq, il-Lvant Imbiegħed u l-Awstralasja u r-Regolament abrogat (KE) Nru 1035/1999

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 133 u l-Artikolu 308 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1],

Billi:

(1) Il-promozzjoni ta' koperazzjoni u relazzjonijiet kummercjali ma' pajjiżi industrijalizzati għandhom jitkomplew għall-interess reċiproku tal-Komunità u l-pajjiż sħab ikkonċernat.

(2) Il-Parlament Ewropew adotta diversi riżoluzzjonijiet dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerka fl-1994, fl-1998 u fl-1999. L-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta' l-Amerka ftehmu li jsaħħu r-relazzjonjiet ta' bejniethom fid-Dikjarazzjoni Transatlantika ta' l-1990, fl-Aġenda Transatlantika Ġdida ta' l-1995, fil-Partnership Transatlantiku Ekonomiku ta' l-1998 u fid-Dikjarazzjoni ta' Bonn fl-1999. Il-politika kummerċjali komuni għandha tkun kompluta minn tixrid ulterjuri ta' għarfien ġenerali bi djalogu iktar intensiv bejn il-parteċipanti fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropew u l-Istati Uniti ta' l-Amerka.

(3) Fl-1996, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni u l-Kumitat Soċjali u Ekonomiku adotta opinjoni dwar ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada, b'sejħa għal relazzjonijiet eqreb mal-Kanada. Il-Komunitajiet Ewropej u l-Kanada ffirmaw Ftehim Kwadru għall-koperazzjoni kummerċjali u ekonomika [2] fl-1976 u ffirmaw Dikjarazzjoni fuq ir-relazzjonijiet bejn il-KE u l-Kanada fl-1990, u qablu li jsaħħu r-relazzjoni ta' bejniethom fid-Dikjarazzjoni Politika Konġunta ta' l-1996. Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada saru aktar varjati u l-Kanada hi sieħba prinċipali fl-oqsma tal-kummerċ multilaterali u f'kwistjonijiet dwar sfidi globali u dwar il-politika barranija u ta' sigurtà komuni. Hu għalhekk neċessarju li jitkomplew jissaħħu dawn ir-relazzjonijet permezz ta' proċess intensifikat ta' konsultazzjoni u koperazzjoni fuq numru dejjem jikber ta' kwistjonijiet.

(4) L-attivitajiet koperti minn strumenti speċifiċi, bħall-Ftehim bejn il-Komunità u l-Istati Uniti ta' l-Amerika u bejn il-Komunità u l-Kanada li jistabbilixxu programmi għall-koperazzjoni f'edukazzjoni għola u taħriġ, għandhom jiġu kompluti u mhux effettwati minn dan ir-Regolament.

(5) L-Unjoni Ewropea u l-Ġappun iddeċiedew li jintensifikaw id-djalogu tagħhom u li jsaħħu l-koperazzjoni u s-sħubija tagħhom fid-Dikjarazzjoni Konġunta ta' l-1991. Il-Parlament Ewropew adotta Risoluzzjoni fuq il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill bit-tema "Ewropa u Ġappun: il-passi li jmiss" [3]. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill fuq il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ġappun jirrikonoxxu l-problemi distinti u speċifiċi ta' l-aċċess għas-suq fil-Ġappun. Il-Kunsill ikkunsidra li għandha tingħata prijorità lit-titjib ta' l-aċċess għas-suq Ġappuniż. Fid-dawl ta' dan, il-Kunsill adotta ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1035/1999 tal-11 ta' Mejju 1999 dwar l-implimentazzjoni mill-Kummissjoni ta' programm ta' miżuri u azzjonijiet speċifiċi biex jittejjeb l-aċċess tal-merkanzija u tas-servizzi tul il-fruntieri ta' l-Unjoni Ewropea fil-Ġappun [4]. Dan ir-Regolament se jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2001. Ir-riżultati li jevalwaw il-programm tal-Kummissjoni deskritt hawn fuq urew l-utilità u l-effikaċja tal-programm. Hu għalhekk meqjus neċessarju li titkompla l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Kummissjoni deskritti fl-imsemmi Regolament. Dan ir-Regolament hu mingħajr preġudizzju għad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/278/KEE tat-18 ta' Mejju 1992 dwar il-konsolidament taċ-Ċentru Ewro-Ġappuniż għall-Koperazzjoni Industrijali [5] li jibqa' validu. Ir-Regolament (KE) Nru 1035/1999 għandu jitħassar u sostitwit minn dan ir-Regolament.

(6) Il-koperazzjoni bilaterali mar-Repubblika tal-Korea f'oqsma ekonomiċi u f'setturi oħrajn għandha tiġi msaħħa skond il-prinċipji tal-Ftehim Kwadru fuq il-Kummerċ u l-Koperazzjoni mal-Korea, skond l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, u skond il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Peninsula Koreana. L-Unjoni Ewropea għandha tappoġġa l-prinċipji tas-suq fil-Korea u tippromwovi t-tneħħija ta' tfixkil eżistenti lill-kummerċ u lill-investiment.

(7) Fid-Dikjarazzjoni Konġunta ta' l-1997, l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja qablu li jsaħħu r-relazzjoni ta' bejniethom u jikkoperaw fid-diversi setturi li fihom jaqsmu interessi komuni. Bil-għan li jissaħħew aktar dawn ir-relazzjonijiet, hu neċessarju proċess intensifikat ta' konsultazzjoni u koperazzjoni fuq numru dejjem jikber ta' kwistjonijiet bilaterali u internazzjonali.

(8) Fid-Dikjarazzjoni Konġunta ta' l-1999, l-Unjoni Ewropea u n-New Zealand qablu li jsaħħu r-relazzjonijiet u l-koperazzjoni ta' bejniethom ibbażati fuq interess komuni għall-benefiċċju reċiproku tal-popli tagħhom, u biex jattribwixxu għar-relazzjonijiet reċiproċi perspettiva għal terminu fit-tul.

(9) Attwalment hemm numru ta' linji żgħar ta' bilanċ għall-finanzjament tad-diversi azzjonijiet tal-Komunità fir-rigward tal-promozzjoni tal-koperazzjoni u tar-relazzjonijiet kummerċjali mal-pajjiżi industrijalizzati msemmija f'dan ir-Regolament. Ċerti approprjazzjonijiet għall-finanzjament tqiegħdu għad-disposizzjoni fil-qafas ta' dawn il-linji ta' bilanċ għall-finanzjament ta' proġetti pilota u ta' azzjonijiet preparatorji. Wara sentejn esperjenza f'dawn il-proġetti pilota u f'azzjonijiet preparatorji, il-miżuri implimentati s'issa wrew l-utilità tagħħhom u wrew il-ħtieġa għal kontinwazzjoni bħala attivitajiet regolari. Il-Komunità għandu jkollha l-mezzi neċessarji għad-disposizzjoni tagħha fuq bażi regolari sabiex tkun tista' timplimenta t-tali miżuri fil-futur. Hu għalhekk meqjus neċessarju, għal effikaċja maġġuri, għar-razzjonaliżmu u għall-kontinwazzjoni, biex tiġi stabbilita linja ta' bilanċ għall-finanzjament ta' l-attivitajiet imsemmija f'dan ir-Regolament. Dan m'għandux, madankollu, jaffettwa t-trasparenza ta' l-utilizzazzjoni ta' dawn il-linji ta' bilanċ neċessarji għall-proċeduri ta' kontroll tal-Parlament Ewropew.

(10) Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament għandhom jiġu adottati skond id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju tal-poteri ta' implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni [6].

(11) Hi r-responsabbiltà primarja ta' l-Istati Membri li jelaboraw u jimplimentaw programmi ta' miżuri u azzjonijiet biex jappoġġaw l-isforzi ta' l-esportaturi tagħhom biex jibnu preżenza kummerċjali fi swieq barranin.

(12) Dan ir-Regolament m'għandux jaffettwa l-attivitajiet ta' l-Istati Membri fil-promozzjoni ta' l-esportazzjoni tagħhom tal-merkanzija u tas-servizzi tul il-fruntieri lejn swieq ta' terzi pajjiżi.

(13) Il-Kummissjoni għandha tikkopera ma' l-Istati Membri biex timplimenta programm speċifiku, koerenti u mmirat ta' miżuri u azzjonijiet li jikkompleta u jżid il-valur lill-isforzi meħuda mill-Istati Membri fis-suq Ġappuniż.

(14) Parti mill-attivitajiet li jidħlu fl-iskop ta' dan ir-Regolament huma koperti mill-Artikolu 133 tat-Trattat; għall-attivitajiet l-oħra, it-Trattat ma jipprevedix poteri għajr dawk li hemm fl-Artikolu 308 tiegħu.

(15) Dan ir-Regolament għandu jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2005,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Il-Komunità għandha tkompli timplimenta azzjonijiet biex tippromwovi l-koperazzjoni u r-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-Komunità u l-pajjiżi industrijalizzati ta' l-Amerika ta' Fuq, tal-Lvant Imbiegħed u ta' l-Awstralasja.

Għall-iskop ta' dan ir-Regolament, il-pajjiżi industrijalizzati ta' l-Amerika ta' Fuq, tal-Lvant Imbiegħed u ta' l-Awstralasja għandhom jinkludu l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun, ir-Repubblika tal-Korea (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejħa "Korea"), l-Awstralja u n-New Zealand, hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsejħa "il-pajjiżi sħab".

Artikolu 2

L-ammont tal-kontribut tal-Komunità meqjus neċessarju għall-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet identifikati f'dan ir-Regolament għandu jiġi stabbilit mill-awtorità tal-budget fuq bażi annwali.

Artikolu 3

Koperazzjoni

L-azzjonijiet għall-promozzjoni tal-koperazzjoni għandhom jintużaw biex jappoġġaw l-għanijiet stabbiliti fid-diversi strumenti bilaterali f'dan il-qasam bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi sħab, sabiex jiġi maħluq ambjent aktar favorevoli għat-twettiq u għal żvilupp aktar tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi sħab.

Artikolu 4

Il-finanzjament tal-Komunità fil-qasam tal-koperazzjoni għandu jkopri, b'mod partikolari, it-tipi ta' attivitajiet li ġejjin:

(a) l-edukazzjoni u l-informazzjoni għall-pubbliku dwar ir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi sħab, b'referenza partikolari għall-operaturi politiċi, għal dawk li jsawru l-opinjoni u għal multiplikaturi oħrajn;

(b) it-tisħiħ tar-rabtiet kulturali, akkademiċi u ta' persuni għal persuni;

(ċ) il-promozzjoni tad-djalogu bejn is-sħab politiċi, ekonomiċi u soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (OMG) fid-diversi setturi rilevanti

(d) ix-xogħol ta' riċerka u studji destinati biex jipprovdu input għax-xogħol tal-Kummissjoni, bil-għan ta' żvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet bilaterali;

(e) il-proġetti ta' koperazzjoni fuq kwistjonijiet relattivi mas-setturi xjentifiku u teknoloġiku, ta' l-enerġija, tat-trasport u ta' l-ambjent;

(f) il-promozzjoni tal-koperazzjoni doganali bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi sħab;

(g) il-promozzjoni tal-viżibilità ta' l-Unjoni Ewropea fil-pajjiżi sħab;

(h) il-proġetti pilota, li sussegwentament jistgħu jwasslu għall-finanzjament ta' attivitajiet regolari ġodda.

Artikolu 5

Il-finanzjament ta' proġetti ta' koperazzjoni jsir mill-budget tal-Komunità jew b'mod sħiħ jew fil-forma ta' ko-finanzjament ma' sorsi oħra fil-pajjiżi sħab u/jew ta' l-Unjoni Ewropea. Fl-implimentazzjoni ta' l-Artikolu 4, il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-proġetti ta' koperazzjoni huma koerenti b'mod ġuridiku u sostanzjali ma' l-attivitajiet iffinanzjati fil-qafas ta' politika rilevanti oħra tal-Komunità.

Artikolu 6

Relazzjonijiet kummerċjali

1. B'koperazzjoni ma' l-Istati Membri, li huma primarjament responsabbli għall-elaborazzjoni u għall-implimentazzjoni tal-programmi u ta' l-azzjonijiet biex jippromwovu l-esportazzjoni tal-merkanzija u tas-servizzi tul il-fruniteri tal-Komunità fi swieq ta' pajjiżi terzi, il-Komunità għandha timplimenta programmi speċifiċi, koerenti u mmirati ta' miżuri u azzjonijiet li jikkompletaw u jżidu l-valur lill-isforzi meħuda mill-Istati Membri u minn korpi pubbliċi oħra ta' l-Unjoni Ewropea fis-suq Ġappuniż.

L-attivitajiet ta' l-Istati Membri fil-proġettazzjoni u fl-implimentazzjoni ta' politika, programmi u arranġamenti għall-promozzjoni ta' l-esportazzjoni tagħhom tal-merkanzija u tas-servizzi tul il-fruntiera lejn swieq ta' pajjiżi terzi m'għandhomx jiġu milquta minn dan ir-Regolament.

2. Il-finanzjament komunitarju f'dan il-qasam għandu jkopri, b'mod partikolari, ir-reklutaġġ, it-taħriġ, il-preparazzjoni ta' qabel il-missjoni u l-parteċipazzjoni ta' gruppi ta' diriġenti Ewropew, notevolment minn intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (IŻM), biex jipparteċipaw f'azzjonijiet fil-Ġappun immirati għat-titjib tal-preżenza kummerċjali tagħhom fis-suq Ġappuniż (il-kampanja ta' "Aċċess għas-suq Ġappuniż").

3. B'addizzjoni għall-miżura msemmija fil-paragrafu 2 jista' jingħata sostenn lill-azzjonijiet u lill-miżuri li ġejjin, fejn xieraq:

(a) il-ġbir ta' informazzjoni u konsulenza strateġika fuq kwistjonijiet relatati mas-settur kummerċjali mal-Ġappun;

(b) konferenzi u seminars għall-promozzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun;

(ċ) missjonijiet ta' kummerċ ta' livell għoli biex jiġu ndirizzati kwistjonijiet speċifiċi għas-suq fil-Ġappun;

(d) azzjonijiet speċjali li jiffaċilitaw l-aċċess lis-suq Ġappuniż minn impriżi tal-Komunità, notevolment l-IŻM.

4. Fl-implimentazzjoni tal-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-kompatibilità sħiħa ta' attivitajiet speċifiċi mal-politika tal-Komunità u l-Istati Membri.

Artikolu 7

Il-finanzjament komunitarju jkompli jkopri l-programmi għall-formazzjoni għall-ħolqien ta' gruppi ta' diriġenti Ewropew kapaċi jikkomunikaw u joperaw fid-dinja tal-kummerċ tal-Ġappun u tal-Korea ("Programmi għal Taħriġ Eżekuttiv").

Artikolu 8

Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' l-Artikoli 6 u 7 għandhom jiġu adottati skond il-proċedura ta' konsulenza stabbilita fl-Artikolu 9.

Artikolu 9

Proċeduri ta' implimentazzjoni

1. Il-Kummissjoni għandha tiġi mgħejjuna minn Kumitat.

2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 3 sa 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura.

4. Il-Parlament Ewropew għandu jingħata l-informazzjoni fuq bażi regolari mill-Kummissjoni dwar ix-xogħol tal-Kumitat. Għal dan l-iskop, hu għandu jirċievi l-aġendi tal-laqgħat tal-Kumitat, il-miżuri abbozzati mogħtija lill-Kumitat għall-implimentazzjoni tal-proġetti, ir-riżultati tal-voti u s-sommarji tad-diskussjonijiet fil-laqgħat.

Artikolu 10

1. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi, fuq talba ta' kwalunkwe parti interessata fil-Komunità u fil-pajjiżi sħab, dokumentazzjoni kompluta u l-informazzjoni kollha neċessarja fuq il-programmi u fuq il-kondizzjonijiet tal-parteċipazzjoni.

2. Ir-riżultati tas-sejħa għal offerti ta' xogħol inkluż l-informazzjoni fuq in-numru ta' sejħiet riċevuti, id-data ta' l-għotja tal-kuntratt, l-isem u l-indirizz ta' dawk li għamlu l-offerti li rnexxew għandhom jiġu ppubblikati fuq l-Internet. Dawn għandhom jiġu kkomunikati regolarment lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 11

Il-Kummissjoni għandha tippreżenta kull sentejn rapport fuq l-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapport għandu jistabbilixxi r-riżultati ta' l-implimentazzjoni tal-budget u jippreżenta l-azzjonijiet u l-programmi ffinanzjati matul is-sena.

B'addizzjoni, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-azzjonijiet u l-programmi ffinanzjati fil-qafas ta' dan ir-Regolament sabiex tistabbilixxi jekk dawn kisbux l-għanijiet tagħhom. Din l-evalwazzjoni għandha ssir fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Fejn hu l-każ, ir-rapporti ta' evalwazzjoni għandhom iqisu wkoll l-obbligazzjonijiet kuntrattwali u l-prinċipji ta' ġestjoni ġusta u għandhom jinkludu r-riżultati ta' analiżi effettiva.

Parti limitata tal-budget annwali għandha tintuża għall-finanzjament ta' studji ta' evalwazzjoni ta' l-azzjonijiet u tal-programmi meħuda fil-qafas ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 12

1. Ir-Regolament (KE) Nru. 1035/1999 huwa hawnhekk imħassar.

2. Kwalunkwe referenza magħmula għar-Regolament imħassar għandha titqies bħala referenza għal dan ir-Regolament.

Artikolu 13

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Għandu jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2005.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fis-26 ta' Frar 2001.

F'isem il-Kunsill

Il-President

A. Lindh

[1] Opinjoni mogħtija fil-31 ta' Jannar (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 260, ta' l-24.09.76, pġ. 2.

[3] ĠU C 304, tas-06.10.97, pġ. 119.

[4] ĠU L 127, tal-21.05.99, pġ. 1.

[5] ĠU L 144, tas-26.05.92, pġ. 19.

[6] ĠU L 184, tas-17.07.99, pġ. 3.

--------------------------------------------------