32001R0283



Official Journal L 041 , 10/02/2001 P. 0022 - 0023


Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 283/2000

tad-9 ta’ Frar 2001

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 rigward ix-xiri għall-ħażna fis-settur tal-laħam taċ-ċanga, u r-Regolament (KE) Nru 2734/2000

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1254/1999 ta’ l-17 ta’ Mejju 1999 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-laħam taċ-ċanga u l-vitella [1], u b’mod partikolari Artikolu 47(8) tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2734/2000 ta’ l-14 ta’ Diċembru 2000 li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1627/89 dwar ix-xiri għall-ħażna b’sejħa għall-offerti u li jidderoga minn jew jemenda r-Regolament (KE) Nru 562/2000 li jistabbilixxi regoli ddettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1254/1999 rigward ix-xiri għall-ħażna tal-laħam taċ-ċanga [2], kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 3/2001 [3], jintroduċi numru ta’ emendi jew derogi mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 562/2000 [4] sabiex jindirizza s-sitwazzjoni eċċezzjonali fis-suq li tirriżulta mill-avvenimenti riċenti li għanhom x’jaqsmu ma’ l-enċifalopatija sponġiformi ta’ l-ifrat (BSE).

(2) Minħabba din is-sitwazzjoni eċċezzjonali fis-suq u sabiex tittejjeb l-effikaċja tal-miżuri ta’ intervent previsti bir-Regolament (KE) Nru 2734/2000, għandha ssir deroga minn Artikolu 4(2)(g) tar-Regolament (KE) Nru 562/2000 rigward il-piż massimu tal-karkassi, u dana billi ma jiġi ffissat l-ebda limitu tal-piż fiż-żewġ sejħiet għall-offerti fi Frar 2001 u billi jiżdied il-piż għal 430 kg fis-sejħiet għall-offerti li jifdlu fl-ewwel kwart ta-sena 2001, filwaqt li jitħalla x-xiri ta’ bhejjem iktar tqal imma bi prezz tax-xiri egwali għall-piż massimu awtorizzat.

(3) Ir-Regolament (KE) Nru 2734/2000 għandu għalhekk jiġi emendat.

(4) Ġaladarba l-prodotti mixtrija għall-ħażna jistgħu jiġu mibjugħa wkoll wara l-1 ta’ Jannar 2002, meta trid tibda tapplika s-sistema tat-tikkettjar obbligatorju bażat fuq l-oriġini stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Lulju 2000 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u rigward it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti miċ-ċanga u li jħassarir-Regolament (KE) Nru 820/97 [5], it-tikkettjar tal-prodotti maħsuba għall-intervent skond il-kuntratti konklużi fit-12 ta’ Frar 2001 jew wara (jiġifieri b’effett mill-ewwel sejħa għall-offerti fix-xahar ta’ Frar) irid jinkludi l-indikazzjoni tal-pajjiż jew tal-pajjiżi tat-twelid u tas-simna tal-bhejjem interessati, skond Artikolu 13(5) tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000, flimkien ma’ l-indikazzjonijiet stabbiliti f’Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1825/2000 [6] li jippreskrivi regoli dettaljati sabiex jiġi applikat ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000, kif jixraq.

(5) Anness III mar-Regolament (KE) Nru 562/2000 jiddikjara d-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-karkassi, in-nofs karkassi u l-kwarti li jistgħu jinxtraw għall-ħażna. Bil-ħsieb li tintlaħaq konformità mal-prattika kummerċjali preżenti, id-deskrizzjoni ta’ nofs karkassa f’dan l-Anness għandha tiġi emendata billi jiġi introdott marġini ta’ tolleranza fid-deskrizzjoni.

(6) Ir-Regolament (KE) Nru 562/2000 għandu għalhekk jiġi emendat.

(7) Minħabba l-mod kif qiegħda tiżviluppa s-sitwazzjoni, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih.

(8) Il-miżuri pprovvduti f’dan ir-Regolament huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Maniġerjali tal-Laħam taċ-Ċanga u l-Vitella.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Artikolu 6(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2734/2000 huwa mibdul b’dan li ġej:

"1. Minkejja Artikolu 4(2)(g) tar-Regolament (KE) Nru 562/2000, il-piż massimu tal-karkassi msemmi f’dan l-Artikolu għandu jkun ta’ 430 kg. Madanakollu:

- l-ebda limitu massimu tal-karkassi ma għandu japplika għaż-żewġ sejħiet għall-offerti fi Frar 2001,

- mis-sejħiet għall-offerti li jifdlu fl-ewwel kwart tas-sena 2001, il-karkassi ta’ piż itqal minn 430 kg jistgħu jinxtraw għall-ħażna imma l-prezzijiet tax-xiri tagħhom għandom jittieħdu minn dan il-piż massimu."

Artikolu 2

Ir-Regolament (KE) Nru 562/2000 huwa emendat kif ġej:

1. Artikolu 4(3)(d) huwa mibdul b’dan li ġej:

"(d) ittikkettjat skond is-sistema introdotta mill-Parlament Ewropew u mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1760/2000 [7] u għandu jinkludi, fil-każ tal-kuntratti konklużi fit-12 ta’ Frar 2001 jew wara, l-indikazzjonijiet stabbiliti f’Artikolu 13(5) ta’ dan ir-Regolament."

2. Il-Punt 2(b) t’Anness III jiġi mibdul b’ dan li ġej:

"(b) in-nofs karkassa: il-prodott miksub permezz tas-separazzjoni tal-karkass kif imsemmi fil-(a) b’mod simmetriku minn nofs tal-għadam tas-sinsla ċerviċi, dorsali, lumbari u sakrali u minn nofs ta’ l-isternum u s-simfisi iskjopubiku. Matul il-proċessar tal-karkassa, il-għadam dorsali u lumbari tas-sinsla ma jistgħux jiġu żlugati minn posthom b’mod gravi; il-muskoli u l-għeruq assoċjati magħhom ma jridux juru ħsara serja mis-srieraq jew mis-skieken."

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fid-9 ta’ Frar 2001.

Għall-Kummissjoni

Franz Fischler

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 160, tas-26.6.1999, p. 21.

[2] ĠU L 316, tal-15.12.2000, p. 45.

[3] ĠU L 1, ta’ l-4.1.2001, p. 6.

[4] ĠU L 68, tas-16.3.2000, p. 22.

[5] ĠU L 204, tal-11.8.2000, p. 1.

[6] ĠU L 216, tas-26.8.2000, p. 8.

[7] ĠU L 204, tal-11.8.2000, p. 1.

--------------------------------------------------