32001R0132



Official Journal L 023 , 25/01/2001 P. 0001 - 0008


Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 132/2001

tat-22 ta' Jannar 2001

li jimponi dazju definittiv kontra d-dumping u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjoni ta' nitrat ta' l-ammonju li joriġina fil-Polonja u fl-Ukrajna, u li jtemm il-proċedura kontra d-dumping dwar l-importazzjonijiet li joriġinaw fil -Lituwanja

Il-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li jifqgħu s-suq minn pajjiżi terzi li mhux membri tal-Komunità Ewropea [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 9 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mogħtija mill-Kummissjoni wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

A. MIŻURI PROVVIŻORJI

(1) Il-Kummissjoni, bir-Regolament (KE) Nru 1629/2000 [2] (ir-"Regolament provviżorju") imponiet dazju provviżorju kontra d-dumping fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat ta' l-ammonju li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 31023090 u 31024090 u li joriġinaw fil-Polonja u fl-Ukrajna.

(2) Fl-istess Regolament, kien hemm konklużjoni provviżorja li ebda dazju kontra d-dumping ma kellu jkun impost fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat li joriġina fil-Lituwanja, bla ħsara wkoll għall-istess investigazzjoni, billi nstab li dawn l-importazzjonijiet ma kienux mixtrija taħt il-prezz.

B. PROĊEDURA SUSSEGWENTI

(3) Wara l-isvelar tal-fatti u kunsiderazzjonijiet essenzali li fuq il-bażi tagħhom kienet deċiża l-imposizzjoni ta' miżuri provviżorji fuq l-importazzjoni ta' nitrat ta' l-ammonju li joriġina fil-Polonja u fl-Ukrajna, bosta partijiet interessati taw il-kummenti tagħhom bil-miktub. Dawk il-partijiet li għamlu talba ngħataw ukoll l-opportunità li jinstemgħu b'mod orali.

(4) Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li hija kkunsidrat meħtieġa għas-sejbiet definittivi tagħha.

(5) Il-partijiet kollha kienu nfurmati dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzali li fuq il-bażi tagħhom kien intiż li tkun irrakkomandata l-imposizzjoni ta' dazji definittivi kontra d-dumping u l-ġbir definittiv ta' l-ammonti assigurati permezz tad-dazji provviżorji. Ngħataw ukoll perjodu li fih setgħu jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara dan l-isvelar.

(6) Il-kummenti orali u bil-miktub li ngħataw mill-partijiet kienu kkunsidrati, u, meta approprjat, is-sejbiet provviżorji kienu modifikati skond il-kummenti.

C. IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT BĦALU

(7) Billi l-ebda argumenti ġodda dwar il-prodott ikkonċernat u l-prodott bħalu ma tressqu mill-partijiet interessati, il-fatti u s-sejbiet kif qegħdin fil-premessi 7 u 8 tar-Regolament provviżorju huma hawnhekk ikkonfermati.

D. DUMPING

1. il-Lituwanja

(a) Valur normali

(8) Dik li għamlet l-ilment, l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Fabbrikanti tal-Fertilizzant (EFMA), għamlet numru ta' kummenti dwar is-sejbiet provviżorji taħt din l-intestatura:

- il-perċentwali ta' bejgħ domestiku li jħalli qliegħ li nkiseb mill-produttur li jesporta u li kkopera kellu jkun kważi żero għax l-importazzjonijiet Russi li kienu l-oġġett ta' dumping matul ħafna mill-perjodu ta' investigazzjoni (IP) kienu baxxew il-prezzijiet fil-Lituwanja;

- l-inqas valur normali kostruttiv possibbli, bbażat fuq l-informazzjoni ta' dik li għamlet l-ilment, kien ogħla mill-prezzijiet ta' l-esportazzjoni u għalhekk bil-fors li kien hemm dumping;

- ir-rekord tal-produttur tal-Lituwanja ta' profitt baxx jitfa' dubju fuq il-futur tiegħu fuq perjodu medju. Il-bejgħ tiegħu ma jmissux kien, għalhekk, ikkonsidrat bħala bejgħ fil-kors normali tal-kummerċ.

(9) Dawn il-kummenti kienu kollha eżaminati bir-reqqa. B'rigward għall-kost tal-produzzjoni, għandu jkun innutat li kien ivverifikat u nstab li ma kienx wieħed li ma tistax toqgħod fuqu jew li kien stimat inqas mill-valur proprju. Sa fejn huwa kkonċernat il-livell ta' bejgħ bi profitt, dan kien iddeterminat fuq il-bażi tal-prezzijiet ta' dak il-bejgħ li nstab li kien ogħla mill-kost tal-produzzjoni ta' kull unità, skond l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 384/96 (ir-"Regolament bażiku"). Il-livell preċiż ta' bejgħ bi profitt ma jistax ikun żvelat għal raġunijiet ta' riservatezza iżda xorta kien wieħed sostanzjali u jistá, skond id- disposizzjonijiet msemmija qabel, jintuża bħala bażi biex ikun determinat il-valur normali. Fejn jidħol l-impatt ta' l-importazzjonijiet mir-Russja fuq il-prezzijiet, dan kien tassew jidher fil-prezzijiet tal-bejgħ iktar baxxi li, jekk bla profitt, kienu esklużi mill-kalkulazzjoni tal-valur normali.

(b) Prezz ta' l-esportazzjoni, tqabbil

(10) Fin-nuqqas ta' xi kummenti taħt dawn l-intestaturi, is-sejbiet provviżorji, kif stipulati fil-premessi 11 u 12 tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

(ċ) Marġini ta' dumping

(11) Dak li għamel l-ilment ġab l-argument illi kien imissu ntuża l-metodu ta' operazzjoni-għal-operazzjoni biex ikun stbbilit il-marġini ta' dumping, għax il-metodu ta' medja peżata għal medja peżata jaħbi l-istrateġija tal-prezzijiet tal-produttur tal-Lituwanja (li kien allegat illi kien intiż biex jaħrab il-miżuri kontra d-dumping) u ma wriex il-livell kollu tad-dumping.

(12) Il-metodu normali li jintuża biex ikun stabbilit jekk hemmx dumping huwa li jitqabblu il-medja peżata tal-valur normali mal-medja peżata ta' l-operazzjonijiet kollha ta' l-esportazzjoni, skond l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku. Il-metodu ta' operazzjoni-għal-operazzjoni ma kienx intuża minħabba l-ammont kbir ħafna ta' operazzjonijiet (bosta eluf) u d-diffikultajiet prattiċi insormontabbli li kienu involuti fit-tqabbil tal-valuri individwali normali mal-prezzijiet individwali ta' l-esportazzjoni. Din il-pretensjoni kienet għalhekk miċħuda. Madankollu, huwa nnutat illi t-tqabbil tal-medja peżata tal-valur normali mal-prezzijiet individwali ta' l-esportazzjoni, li kien ibbażat fuq disinn reġjonali li nstab fil-prezzijiet ta' l-esportazzjoni, wera marġini ta' dumping inqas mil-livell de minimis.

(13) Dak li għamel l-ilment ġab l-argument ukoll li billi n-numru ta' operazzjonijiet kien kbir ħafna, kellu jittieħed kampjun ta' esportazzjonijiet ta' merkanzija ta' 5000 tunnellata metrika u jitqabbel ma' bejgħ simili lil klijenti domestiċi.

(14) Għall-għan li jkun stabbilit il-marġini ta' dumping, it-teħid ta' kampjuni jistá jkun ikkunsidrat xieraq f'każijiet fejn il-prodott konċernat jinkludi numru kbir ta' tipi jew fejn in-numru ta' operazzjonijiet huwa kbir, jekk il-kampjun huwa validu għall-istatistiċi jew jirrappreżenta l-ikbar volum ta' bejgħ possibbli, skond l-Artikolu 17(1) tar-Regolament bażiku. F'dan il-każ, kien hemm biss tip wieħed ta' prodott, u waħda biss mill-operazzjonijiet min-naħa ta' l-esportazzjoni kienet daqs jew iktar minn 5000 tunnellata metrika (l-ebda operazzjoni min-naħa domestika), filwaqt li l-volum totali ta' bejgħ kien ta' bosta mijiet ta' eluf ta' tunnellati metriċi. It-teħid ta' kampjuni, għalhekk, ma kienx ikkunsidrat bħala metodu xieraq.

(15) Il-marġini ta' dumping (0 %) stabbilit fil-premess 13 tar-Regolament provviżorju huwa għalhekk ikkonfermat.

2. Il-Polonja

(a) Valur normali, prezz ta' l-esportazzjoni

(16) Fin-nuqqas ta' kummenti taħt dawn l-intestaturi, is-sejbiet provviżorji, kif imniżżlin fil-premessi 15 sa 18 tar-Regolament provviżorju, huma kkonfermati.

(b) Tqabbil

(17) Fl-istadju provviżorju, il-livell ta' pretensjoni kummerċjali li tikkonċerna d-differenza bejn il-bejgħ lill-kummerċjanti u n-negozjanti kienet ġiet miċħuda. Minn dak in-nhar 'l hawn, il-produttur li jesporta kkonċernat seta' jiċċara s-sitwazzjoni. Il-bejgħ ta' l-esportazzjoni sar lill-kummerċjanti filwaqt li l-bejgħ domestiku sar (b'eċċezzjoni waħda li mhix rappreżentattiva) lil negozjanti. Fuq din il-bażi, ngħata aġġustament l-isfel tal-prezzijiet lin-negozjanti. Sabiex ikun kwantifikat dan l-aġġustament, tnaqqset somma waħda li tikkorrispondi ma' 10 % tal-marġini gross (bejgħ, spejjeż ġenerali u amministrattivi u profitt fuq il-bejgħ tan-negozjanti) mill-valur normali. Din is-somma waħda tikkostitwixxi sostitut għall-mark-up tan-negozjant. Nstab ukoll illi l-istess aġġustament għandu jingħata lill-produttur ta' l-esportazzjoni l-ieħor.

(18) Fl-istadju provviżorju, l-aġġustament ta' waqt l-istaġun/barra mill-istaġun kien ġie miċħud. Il-produttur imbagħad qajjem il-pretensjoni illi din iċ-ċaħda ma kinitx ġustifikata għax kien hemm effett ta' l-istaġun li jidher ħafna fuq il-prezzijiet tal-prodottt konċernat fis-suq tal-Komunità, iżda ma kienx hemm dan l-effett fuq il-prezzijiet tan-nitrat ta' l-ammonju fis-suq domestiku tal-Polonja. Għalhekk, din id-differenza affetwat it-tqabbil imparzjali bejn il-prezz ta' l-esportazzjoni u l-prezz normali, u kien ħaqqu aġġustament skond l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku. Din il-pretensjoni kienet ukoll eżaminata mill-ġdid iżda kellha tkun miċħuda għax instab li kien hemm effett ta' l-istaġun fuq il-prezzijiet tan-nitrat ta' l-ammonju fis-suq tal-Polonja ukoll, billi l-klijenti ma kienux ħallsu, kif allegat, l-istess prezzijiet mingħajr ma ngħata każ ta' l-istaġun. Dan ma kienx għalhekk affettwa it-tqabbil tal-prezzijiet, fis-sens ta' l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku.

(ċ) Marġini ta' dumping

(19) Waħda mill-assoċjazzjonijiet ta' l-utenti oġġezzjonat illi l-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat it-tnaqqis ta' madwar 15 % fiz- zloty meta mqabbla ma' l-euro matul il-perjodu investigattiv (IP). Huwa ġibed l-attenzjoni għall-fatt illi l-medja tar-rata tal-kambju ta' kull xhar ntużat għall-kalkulazzjonijiet u għalhekk kull impatt materjali ta' l-evoluzzjoni tar-rata tal-kambju kien eliminat.

(20) Fin-nuqqas ta' kummenti oħra dwar il-metodoloġija użata biex jiġi kkalkolat il-marġini tad-dumping, il-metodoloġija deskritta fil-premessa 20 tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata. Abbażi ta' dan u wara li jittieħed kont ta' l-aġġustament tal-livell tal-kummerċ mogħti, il-marġini tad-dumping definittivi għall-produtturi ta' l-esportazzjoni li jikkoperaw, kif ukoll il-marġini tad-dumping residwali, espressi bħala perċentwal taċ-cif prezz Komunitarju fil-fruntieri, huma imniżżla hawn taħt:

Anwil SA | 31,2 % |

Zaklady Azotowe Pulawy SA | 22,3 % |

Marġini tad-dumping residwali | 41,6 % |

3. Ukrajna

(a) Pajjiż analogu, valur normali, prezz ta' l-esportazzjoni

(21) Fin-nuqqas ta' kummenti dwar l-għażla tal-Polonja bħala pajjiż terz b'ekonomija tas-suq, il-konklużjoni provviżorja kif imniżżla fil-premessi 22 sa 24 tar-Regolament provviżorju hija kkonfermata.

(b) Tqabbil

(22) Fl-istadju definittiv, il-bażi tat-tqabbil inbidel mill-istadju ta' frank abbord għall-istadju tal-fabbrika, minħabba d-distanza kbira bejn il-fabbriki u l-fruntieri. Barra minn hekk, billi dawn l-ispejjeż jammontaw għal proporzjon kbir ħafna tal-prezz tal-bejgħ ta' prodotti bl-ingrossa bħall-prodott konċernat, it-tqabbil frank abbord jista' jagħti vantaġġ mhux dovut lill-kumpanniji ta' l-Ukrajna. Saru għalhekk l-aġġustamenti xierqa tal-prezz ta' l-esportazzjoni b'rigward għall-ispejjeż tat-trasport mill-fabbrika sal-port u għas-servizzi tal-port. Bl-istess mod, il-valur normali kien ukoll stabbilit fuq bażi ta' l-istadju tal-fabbrika. Il-produtturi li jesportaw li kienu qegħdin jikkoperaw ma għamlu l-ebda kumment fuq din il-bidla.

(ċ) Marġini ta' dumping

(23) Waħda mill-assoċjazzjonijiet ta' l-utenti oġġezzjonat illi l-Kummissjoni ma kinitx ikkunsidrat it-tnaqqis tal-munita ta' l-Ukrajna matul il-perjodu investgattiv (IP) u li dan kien affettwa l-marġini ta' dumping. Huwa nnutat li għad-determinazzjoni tal-prezz ta' l-esportazzjoni ntużaw il-figuri tal-Eurostat. L-informazzjoni li tinsab fil-Eurostat dwar il-prezzijiet ta' l-esportazzjoni hija espressa fl-euro u hija miġbura fuq il-bażi ta' rati tal-kambju ta' kull xhar. Għalhekk kull impatt allegat tat-tnaqqis fuq il-metodu użat mill-Kummissjoni għall-kalkulazzjoni tal-marġini ta' dumping huwa eliminat.

(24) Wara l-bidla fil-bażi tat-tqabbil minn frank abbord għal-livell ta' fabbrika, il-marġini ta' dumping tal-pajjiż kollu, espress bħala perċentwali tal-prezz tal-fruntier tal-Komunità għall-prezz, assigurazzjoni u trasport, huwa 67,6 %.

E. ĦSARA

1. Definizzjoni ta' l-industrija tal-Komunità

(25) Fin-nuqqas ta' informazzjoni ġdida, is-sejbiet provviżorji dwar id-definizzjoni ta' l-industrija tal-Komunità, kif deskritta fil-premess 28 tar-Regolament provviżorju huma kkonfermati.

2. Importazzjonijiet mill-Polonja u mill-Ukrajna

(a) Stima kumulattiva

(26) Wieħed mill-produtturi tal-Polonja li jesportaw ġab l-argument li l-importazzjonijiet tan-nitrat ta' l-ammonju li joriġinaw fil-Polonja m'għandhomx ikunu akkumulati ma' dawk li joriġinaw fl-Ukrajna minħabba differenzi li jeżistu fil-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Il-pretensjoni kienet ibbażata fuq ir-raġunijiet li, filwaqt li l-importazzjonijiet mill-Ukrajna kienu bħala medja, iniżżlu taħt il-prezz il-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunità bi 12,5 %, l-importazzjonijiet tal-Polonja kienu bħala medja iniżżlu taħt il-prezz dawk il-prezzijiet bi 2,1 % biss.

(27) F'dan ir-rigward għandu jkun innutat li l-bejgħ taħt il-prezz nstab kemm għall-Polonja kif ukoll għall-Ukrajna. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku ma jeħtieġx li l-livelli ta' bejgħ taħt il-prezz ikunu fl-istess medda. Tassew, kien ikkonfermat li stima kumulattiva hija xierqa billi l-marġini ta' dumping huwa iktar minn de minimis. Il-volum ta' l-importazzjonijiet taż-żewġ pajjiżi u l-qasmiet tas-suq tagħhom huma ta' l-istess kobor, sostanzjali u ikbar meta mqabbla ma' l-1995, u wara li kienu kkunsidrati il-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-importazzjonijiet mill-Polonja u mill-Ukrajna, għandu jkun innutat li t-tendenza tat-tnaqqis fil-prezzijiet hija simili. Il-prezzijiet ta' l-esportazzjoni taż-żewġ pajjiżi kienu inqas sew mill-prezzijiet ta' l-industrija tal-Komunitá u t-tnejn kienu qegħdin jużaw mezzi tal-kummerċ l-istess jew simili. Wara dak li ntqal haw fuq, u fin-nuqqas ta' argumenti oħrajn ġodda, is-sejbiet tal-premess 30 tar-Regolament provviżorju dwar il-kondizzjonijiet għal stima kumulattiva ta' l-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati huma konfermati.

(b) Volum ta' l-importazzjonijiet

(28) Żewġ produtturi ta' l-Ukrajna, li fl-istadju provviżorju kienu qalu li ma kienux esportaw direttament lejn il-Komunità matul il-perjodu investigattiv (IP), qajjmu il-pretensjoni li l-figuri tal-Eurostat li ntużaw biex ikun stabbilit il-prezz ta' l-esportazzjoni kienu differenti mid-data tal-Ministeru ta' l-Istatistiċi ta' l-Ukrajna, li rrapporta volum ħafna iktar baxx għall-istess perjodu. Madankollu, l-ebda xhieda ma kienet mogħtija biex issostni din il-pretensjoni. Barra minn hekk, billi dawn l-istatistiċi huma statistiċi ta' l-esportazzjoni li jfisser li mhux kull bejgħ li jidher fihom jiġi fil-fatt mibgħut fid-destinazzjoni speċifikata, ntlaħqet il-konklużjoni li l-istatistiċi ta' l-importazzjoni tal-Eurostat jipprovdu stampa iktar preċiża. Barra dan saret reviżjoni ta' l-aħħar figuri tal-Eurostat u ma nstabet l-ebda diskrepanza bejn dawn il-figuri u dawk użati fl-istadju provviżorju.

(ċ) Tniżżil taħt il-prezz

(29) B'rigward għall-marġini tat-tniżżil taħt il-prezz, produttur wieħed mill-Polonja li jesporta ġab l-argument li l-marġini medju tal-profitt ta' l-importatutri li ntuża għall-kalkulazzjoni tad- dazju doganali ex quay mħallas (DEQ) prezzijiet ta' l-esportazzjoni tal-produtturi fil-Komunitá li jesportaw, għandu jkun ogħla minn dak applikat fil-kalkulazzjoni provviżorja.

(30) F'dan ir-rigward, is-sejbiet provviżorji tal-Kummissjoni kienu bbażati fuq l-informazzjoni verifikata provduta mill-importaturi fil-Komunità li kienu egħdin jikkoperaw. Billi l-ebda xhieda li ssostni l-pretensjoni ma kienet provduta mill-produttur li jesporta f'dan ir-rigward, il-marġini ta' profitt ta' l-importaturi użat għad-determinazzjoni provviżorja tat-tniżżil taħt il-prezz huwa konfermat.

(31) L-istess produttur li jesporta qal li l-ispejjeż tal-ħatt applikati għall-kalkulazzjoni tal-prezzijiet ta' l-esportazzjoni DEQ għandhom jammontaw għall-inqas għal EUR 8,5 kull tunnellata metrika, u mhux għal EUR 5,9, kif użat fil-kalkulazzjoni provviżorja.

(32) F'dan ir-rigward, ix-xhieda mogħtija mill-produttur li jesporta biex isostni il-pretensjoni tiegħu kellha fiha xi elementi li ma kienux spejjeż tal-ħatt. Fil-fatt, verżjoni konnessa max-xiehda mogħtija tappoġġa is-sejbiet provviżorji tal-Kummissjoni, li huma għalhekk ikkonfermati.

(33) B'rigward għad-differenza fil-prezz bejn in-nitrat ta' l-ammonju granulat u n-nitrat ta' l-ammonju kristallizzat, dak-li għamel l-ilment qal li wara l-perjodi investigattiv (IP), u partikolarment sa l-istaġun ta' l-2000/2001, id-differenza bejn il-prezzijiet tan-nitrat ta' l-ammonju kristallizzat u dak granulat li kienet dehret kienet fil-fatt eradikata f'ċerti swieq u għalhekk l-ebda konċessjoni m'għandha tingħata. Produttur wieħed mill-Polonja li jesporta, madankollu, qajjem il-pretensjoni li l-konċessjoni għad-differenza fil-prezz bejn in-nitrat ta' l-ammonju kristallizzat u dak granulat għandha tkun ta' EUR 10 kull tunnellata metrika, bħall-każijiet preċedenti kontra d-dumping li kienu jinvolvu n-nitrat ta' l-ammonju, u mhux ta' EUR 5,8 kull tunnellata metrika, kif intużat fil-kalkulazzjoni provviżorja.

(34) Għandu jkun innutat li skondl-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, l-informazzjoni li għandha x'taqsam ma' perjodu wara l-IP m'għandhiex normalment tkun ikkunsidrata. Fil-konsiderazzjoni ta' jekk l-iżvilupp allegat fil-prezzijiet wara l-IP għandux ikun eżaminat, intlaħqet il-konklużjoni li, billi l-ebda xiehda ma kienet provduta li dawn l-aħħar żviluppi fil-prezz kienu ser ikunu ta' natura li jibqgħu fit-tul u li għalhekk l-imposizzjoni ta' miżuri fil-livell propost kien ser ikun biċ-ċar mhux addattat, din l-informazzjoni m'għandhiex tkun ikkunsidrata. B'rigward għall-konċessjoni għad-differenza fil-prezz bejn in-nitrat ta' l-ammonju granulat u dak kristallizzat, il-Kummissjoni bbażat is-sejbiet provviżorji tagħha fuq il-fatti li kellha għad-disposizzjoni tagħha, u applikat il-medja tad-differenza fil-prezz mitlub fl-industrija tal-Komunità matul l-IP.

(35) Fin-nuqqas ta' xiehda ġdida, is-sejbiet tal-premess 33 tar-Regolament provviżorju dwar il-kalkolazzjoni tal-marġini tat-tniżżil taħt il-prezz huma konfermati.

(d) Is-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità

(36) Barra l-fatturi ekonomiċi analizzati diġà fl-istadju provviżorju, l-informazzjoni li għandha x'taqsam ma' l-impatt tad-daqs tal-marġini ta' dumping, rendikont ta' l-investiment, id-dħul u l-ħruġ tal-flus fin-negozju, pagi u l-kapaċità li tiġbor kapital kienet eżaminata għall-perjodu bejn l-1995 u l-IP. B'rigward għar-rendikont ta' l-investiment u d-dħul u l-ħruġ tal-flus fin-negozju, l-iżvilupp kien jixbaħ ħafna lil dak tal-profitt kif stabbilit fil-premess 39 tar-Regolament provviżorju. B'rigward għall-pagi, ġeneralment dawn imxew mat-tnaqqis fin-numru ta' nies impjegati kif stabbilit fil-premess 40 tar-Regolament provviżorju. Fejn hija konċernata l-kapaċità li tiġbor kapital, il-kumpanniji li jipproduċu l-fertilizzant jifformaw parti minn gruppi ikbar u l-ebda diffikultà ma kienet irrapportata. Fejn huwa konċernat l-impatt fuq l-industrija tal-Komunitá tad-daqs tal-marġini attwali ta' dumping, skond il-volum u l-prezzijiet ta' l-importazzjoni mill-pajjiżi konċernati, dan l-impatt ma jistax ikun ikkunsidrat bħala wieħed ta' importanza żgħira ħafna.

(37) Fuq il-bażi ta' dak li ntqal hawn fuq, is-sejbiet provviżorji dwar il-ħsara materjali li sofriet l-industrija tal-Komunità matul l-IP huma konfermati.

3. Kawżalità

(38) Produttur wieħed mill-Ukrajna ġab l-argument li, fuq il-bażi tal-figuri tal-Eurostat, l-importazzjonijiet tal-prodott konċernat li joriġinaw fl-Ukrajna jammontaw biss għal 4 % tal-konsum totali fil-Komunità, kien allegat li dan kien jirrappreżenta kwantità insinifikanti li ma setgħetx tagħmel ħsara lill-industrija tal-Komunità.

(39) F'dan ir-rigward, saret stima kumulattiva ta' l-effetti ta' l-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Ukrajna ma' dawk li joriġinaw fil-Polonja, skond l-artikolu 3(4) tar-Regolament bażiku. Biex ikun stabbilit jekk il-kondizzjonijiet għall-kumulazzjoni kienux sodisfatti f'dan il-każ (premess 30 tar-Regolament provviżorju) il-qasam tas-suq ta' l-importazzjonijiet mill-Ukrajna fil-konsum totali tal-Komunità nstab li ma kienx ta' importanza żgħira ħafna. It-talba kienet għalhekk miċħuda.

(40) Produttur wieħed mill-Polonja qal li waħda mir-raġunijiet għall-ħsara materjali li sofriet l-industrija tal-Komunità kienet il-fatt li l-prezzijiet taċ-ċereali kienu ilhom jonqsu mill-1996 u li dan kien irriżulta fi pressjoni tal-prezzijiet mill-bdiewa fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tal-produtturi tan-nitrat ta' l-ammonju.

(41) Filwaqt li kien hemm tnaqqis fil-prezzijiet taċ-ċereali mill-1996, għandu jkun innutat li n-nitrat ta' l-ammonju huwa prodott għall-użu ta' kuljum b'livell għoli ta' kompetizzjoni fil-prezz u, meta mqabbla mar-rwol ta' fatturi bħall-effetti tat-tnaqqis fil-prezz tad-dumping osservat li jagħmel ħsara, kull pressjoni għat-tniżżil tal-prezz eserċitata mill-bdiewa ma setgħetx għalhekk kellha influwenza deċisiva fuq il-prezzijiet tas-suq u ma setgħetx fiha nfisha tkun ir-raġuni għall-ħsara li sofriet. Dan l-argument għalhekk iwassal għall-konklużjoni li ma kien hemm ebda ksur fil-konnessjoni ta' kawżalità bejn id- dumping u l-ħsara li nstabet.

(42) Waħda mill-assoċjazzjonijiet ta' l-utenti ġabet l-argument li l-Kummissjoni kienet stimat inqas mill-valur proprju ċerti fatturi li kienu allegatament ikkawżaw it-tnaqqis fil-prezzijiet tan-nitrat ta' l-ammonju u l-ħsara li sofriet wara l-industrija tal-Komunità, bħall-konsum li kien qiegħed jonqos u l-impriża ta' razzjonalizzazzjoni li kien allegat li ma kienitx biżżejjed u li kienet saret mill-industrija tal-Komunità - pprovata, inter alia, b'rata baxxa ta' użu ta' kapaċità.

(43) Barra dan, assoċjazzjoni ta' l-importaturi qalet li l-kawża tal-ħsara li sofriet l-industrija tal-Komunità kienet il-kapaċità żejda globali fl-industrija.

(44) B'rigward għall-kwistjoni tat-tnaqqis fil-konsum, din kienet analiżżata fir-Regolament provviżorju u fin-nuqqas ta' xi informazzjoni ġdida, is-sejbiet tar-Regolament provviżorju huma konfermati.

(45) B'rigward għall-impriża ta' l-industrija tal-Komunità, għandu jkun innutat li sar investiment konsiderevoli, li ma kellux x'jaqsam ma' l-espansjoni tal-kapaċità ta' produzzjoni tal-prodott konċernat, u numru ta' impjanti ngħalqu reċentement, li rriżulta fi tnaqqis fil-kapaċitá tal-produzzjoni u fin-numru ta' impjegati. Instab li dan huwa xhieda li sar biżżejjed sforz għal razzjonalizzazzjoni.

(46) B'rigward għar-rata ta' l-użu tal-kapaċità u l-kwistjoni ta' kapaċità żejda globali fl-industrija, huwa mfakkar li fl-istadju provviżorju dan l-indikatur ma kienx ikkunsidrat bħala indikatur sinifikanti, tas-sitwazzjoni ta' l-industrija tal-Komunità (ara l-premess 35 tar-Regolament provviżorju). Barra minn hekk, filwaqt li jist' jkun hemm, xorta waħda, ftit kapaċità żejda fl-industrija konċernata, dan l-element ma nstabx li kellu impatt b'mod illi jikser il-konnessjoni kawżali stabbilita bejn id- dumping u l-ħsara li sofriet l-industrija tal-Komunità.

(47) Fid-dawl ta' dak li ntqal hawn fuq u fin- nuqqas ta' xi informazzjoni ġdida, is-sejbiet provviżorji kif deskritti fil-premessi 46 sa 49 tar-Regolament provviżorju huma konfermati.

4. L-interess tal-Komunità

(48) Waħda mill-assoċjazzjonijiet ta' l-utenti ġabet l-argument li l-miżuri kontra d-dumping kienu ser inaqqsu l-introjtu tal-bdiewa Britanniċi, u b'hekk ipoġġuhom f'sitwazzjoni ekonomika ħafna iktar diffiċli.

(49) F'dan ir-rigward, fuq il-bażi ta' l-informazzjoni provduta mill-assoċjazzjoni ta' l-utenti, instab li, matul l-IP, il-fertilizzanti kienu jirrappreżentaw bħala medja 6 % ta' l-ispejjeż totali tal-produzzjoni għall-bdiewa.

(50) Billi l-importazzjonijiet mill-pajjiżi konċernati kienu jirrappreżentaw biss 9 % tal-konsum tan-nitrat ta' l-ammonju fis-suq tal-Komunità (11 % fus-suq tar-Renju Unit), il-livell tad-dazju kontra d- dumping, u l-fatt li parti biss miż-żieda fil-prezz li tirriżulta x'aktarx li tgħaddi għand l-utenti, kull żieda fl-ispiża tal-produzzjoni tal-bdiewa x'aktarx li tkun żgħira. Barra minn hekk, kieku l-industrija tal-Komunitá kellha tgħolli mhux biss il-volum tal-bejgħ imma il-prezzijiet ukoll, kull żieda fil-prezz tkun limitata minħabba l-eżistenza ta' egħjun oħra ta' provvista, jiġifieri l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi li m'humhiex suġġetti għal miżuri.

(51) Fuq il-bażi ta' dak li ntqal hawn fuq, l-impatt limitat fuq il-bdiewa kien ikkunsidrat li ma jikkostitwix raġuni li ġġagħalek taqbel magħha kontra l-imposizzjoni ta' miżuri kontra d- dumping.

(52) Fuq il-bażi ta' dak li ntqal hawn fuq, is-sejbiet provviżorji fil-premess 53 tar-Regolament provviżorju huma konfermati.

F. MIŻURI KONTRA D-DUMPING

1. Tmiem tal-proċeduri fir-rigward tal-Lituwanja

(53) Fid-dawl tas-sejbiet dwar l-importazzjonijiet li joriġinaw fil-Lituwanja, il-proċeduri fir-rigward ta' dan il-pajjiż għandhom jintemmu.

2. Il-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara

(54) Skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, id-dazju kontra d-dumping għandu jikkorrispondi mal-marġini ta' dumping kemm-il darba il-marġini ta' ħsara ma jkunx iktar baxx. Bil-għan li jkun stabbilit il-livell ta' miżuri li għandhom ikunu imposti definittivament, kien stabbilit livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara.

(55) Għandu jkun innutat li l-argumenti u s-sejbiet korrispondenti b'rigward għall-aġġustamenti li jsiru għad-differenza fil-prezz bejn in-nitrat ta' l-ammonju granulat u dak kristallizzat fil-kuntest tal-kalkolazzjoni tat-tniżżil taħt il-prezz, jirreferu ugwalment għall-kalkolazzjoni tal-marġini tal-ħsara.

(56) Barra dan, b'rigward speċifikament għall-kalkolazzjoni tal-marġini tal-ħsara, dak li għamel l-ilment reġa' qajjem il-prospett li l-marġini tal-profitt li tista' tikseb l-industrija tal-Komunità fin-nuqqas ta' dumping li jagħmel ħsara għandu jkun ta' għall-inqas 10 %. Madankollu, l-ebda xiehda ġdida ma' kienet mogħtija f'dan ir-rigward. Fl-istess ħin, produttur mill-Polonja li jesporta qal li l-marġini tal-profitt ta' 5 % għandu jintuża bħalma kien sar f'każijiet preċedenti kontra d-dumping li kienu jinvolvu fertilizzanti. Kif stipulat fil-premess 56 tar-Regolament provviżorju, billi l-industrija tal-Komunità kisbet profitt għoli fis-snin 1995 u 1996 għall-prodott li qiegħed jiġi ikkunsidrat f'din il-proċedura, kien ikkunsidrat li marġini ta' profitt ta' 8 % seta' raġonevolment jinkiseb fin-nuqqas ta' dumping li jagħmel ħsara.

(57) Wara dan, il-metodu użat biex ikun stabbilit il-livell ta' eliminazzjoni tal-ħsara kif deskritt fil-premess 56 tar-Regolament provviżorju huwa konfermat.

3. Il-forma u l-livell tal-miżuri definittivi

(58) Dak li għamel l-ilment qal li kien hemm indikazzjonijiet tal-ħruġ ta' forom ġodda ta' nitrat ta' l-ammonju, jiġifieri taħlita ta' nitrat ta' l-ammonju ma' prodotti oħra, li għandu biss l-għan li jaħrab il-miżuri possibbli kontra d-dumping dwar in-nitrat ta' l-ammonju. L-attenzjoni ta' l-awtoritajiet doganali hija miġbuda għal din il-kwistjoni.

(59) Fid-dawl ta' dak li ntqal qabel, huwa kkunsidrat li, skond l-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandu jkun impost dazju definittiv kontra d-dumping fil-livell tal-marġini ta' ħsara li nstabu, minbarra produttur wieħed mill-Polonja li jesporta li għalih għandu jkun impost dazju definittiv kontra d- dumping fil-livell tal-marġini ta' dumping li nstab.

(60) Sabiex tkun assigurata l-effiċjenza tal-miżuri u sabiex jiskoraġixxi l-manipulazzjoni tal-prezzijiet li kienet osservata f'xi proċeduri preċedenti li kienu jinvolvu l-fertilizzanti, huwa kkonfermat li d-dazji għandhom ikunu imposti fil-forma ta' ammont speċifiku għal kull tunnellata metrika. Dawn id-dazji jammontaw għal:

Pajjiż | Bażi tad-dazju fuq l-anti-dumping f'% | Ammont tad-dazju (EUR kull tunnellata) |

Polonja

Anwil SA | 25,2 | 23,13 |

Zaklady Azotowe Pulaway SA | 22,3 | 20,65 |

Il-pajjiżi l-oħra kollha | 30,5 | 26,91 |

Ukrajna

Il-kumpanniji kollha | 43,4 | 33,25 |

(61) Ir-rati tad-dazju kontra d-dumping individwali għal kull kumpannija speċifikati f'dan ir-Regolament kienu stabbiliti fuq il-bażi tas-sejbiet ta' l-investigazzjoni preżenti. Għalhekk, jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul dik l-investigazzjoni b'rigward għal dawn il-kumpanniji. Dawn ir-rati ta' dazju (bil-kontra tad-dazju tal-pajjiż kollu li japplika għall-"kumpanniji l-oħrajn kollha") għalhekk japplikaw esklużivament għall-importazzjoni ta' prodotti li joriġinaw fil-pajjiż konċernat u li huma prodotti mill-kumpanniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. Prodotti importati u li huma prodotti minn xi kumpannija oħra li mhix speċifikament imsemmija fil-parti operattiva ta' dan ir-Regolament bl-isem u bl-indirizz tagħha, inklużi entitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' dawk speċifikament imsemmija, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu suġġetti għar-rata ta' dazju li tapplika għall "kumpanniji l-oħrajn kollha".

(62) Kull pretensjoni li titlob l-applikazzjoni ta' dawn ir-rati ta' dazju kontra d-dumping għall-kumpanniji individwali (per eżempju wara bidla fl-isem ta' l-entitá jew wara li jkunu stabbiliti entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew tal-bejgħ) għandhom ikunu indirizzati lill-Kummissjoni [3] mill-ewwel bl-informazzjoni rilevanti kollha, partikolarment kull modifika fl-attivitajiet tal-kumpannija li għandhom x'jaqsmu mal-produzzjoni, bejgħ domestiku u dak ta' l-esportazzjoni assoċjat ma' per eżempju dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ. Il-Kummissjoni, jekk ikun xieraq, għandha, wara l-konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, temenda r-Regolament skond dik l-informazzjoni billi taġġorna l-lista tal-kumpanniji li jibbenefikaw mir-rati ta' dazju individwali.

4. Ġbir ta' dazji provviżorji

(63) Fid-dawl tal-kobor tal-marġini ta' dumping li nstabu u fid-dawl tal-livell tal-ħsara li saret lill-industrija tal-Komunità, huwa kkunsidrat li jeħtieġ li l-ammonti assigurati permezz tad-dazju provviżorju kontra d-dumping, impost mir-Regolament provviżorju, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 1629/2000, għandhom jinġabru definittivament bir-rata ta' dazju imposta definittivament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dazju definittiv kontra d-dumping huwa hawnhekk impost fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat ta' l-ammonju li mhumhiex f'soluzzjoni ta' l-ilma u taħlitiet ta' nitrat ta' l-ammonju mal-karbunat tal-kalċju jew sostanzi oħrajn inorganiċi li mhumhiex fertilizzanti, b'kontenut ta' nitroġenu ta' iktar minn 28 % fil-piż, li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 31023090 u 31024090 u li joriġinaw fil-Polonja u fl-Ukrajna.

2. L-ammont ta' dazju f'EUR għal kull tunnellata metrika għandha tkun kif tidher hawn isfel għall-prodotti fabbrikati mill-kumpanniji li ġejjin:

Il-pajjiż | Kumpannija | Ammont ta' dazju (EUR kull tunellata) | Il-kodiċi TARIC addizzjonali |

Polonja | Anwil SA ul. Tourunska 222,87-805 Wloclawek Polonja | 23,13 | A174 |

Zaklady Azotowe Pulawy SA Al. Tysiaclecia P.P. 13,24-110 Pulawy Polonja | 20,65 | A175 |

Kumpanniji l-oħra kollha | 26,91 | A999 |

Ukrajna | Kumpanniji kollha | 33,25 | |

3. F'każijiet fejn il-merkanzija ssofri danni qabel id-dħul f'ċirkolazzjoni libera u, għalhekk, il-prezz li fil-fatt tħallas jew li huwa pagabbli huwa mqassam għad-determinazzjoni tal-valur doganali skond l-artikolu 145 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 [4], l-ammont ta' dazju kontra d-dumping, ikkalkulat fuq il-bażi ta' l-ammonti stipulati hawn fuq, għandhom jitnaqqsu b'perċentwali li tikkorrispondi mat-tqassim tal-prezz li fil-fatt tħallas jew li huwa pagabbli.

4. Sakemm mhux speċifikat mod ieħor, id-disposizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali għandhom japplikaw.

5. Il-proċeduri dwar l-importazzjonijiet tan-nitrat ta' l-ammonju li joriġinaw fil-Lituwanja għandu jintemm.

Artikolu 2

L-ammonti assigurati bħala dazji provviżorji kontra d-dumping skond ir-Regolament (KE) Nru 1629/2000 fuq l-importazzjonijiet tan-nitrat ta' l-ammonju li joriġinaw fil-Polonja u fl-Ukrajna għandhom jinġabru bir-rata ta' dazju impost definittivament. Ammonti assigurati li huma ikbar mid-dazju definittiv kontra d-dumping għandhom ikunu rilaxxati.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara l-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussel, fit-22 ta' Jannar 2001.

F'isem il-Kunsill

Il-President

A. Lindh

[1] ĠU L 56, 06.03.96, p. 1. Ir-Regolament kif l-aħħar emendat mir-Regolament (KE) Nru 2238/2000 (ĠU L 257, 11.10.00, p. 2).

[2] ĠU L 187, 26.07.00, p. 12.

[3] Direttorat Ġenerali għall-Kummerċtal-Kummissjoni Ewropea,Direttorat B,TERV 0/10,Rue de la Loi/Wetstraat 200,B-1049 Brussel

[4] ĠU L 253, 11.10.93, p. 40.

--------------------------------------------------