Official Journal L 010 , 12/01/2002 P. 0047 - 0052
Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/110/KE ta' l-20 ta' Diċembru 2001 li tirrigwarda l-għasel IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, u b'mod partikolari l-Artikolu 37 tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1] Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [2], Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali [3], Billi: (1) Ċerti direttivi vertikali dwar oġġetti ta' l-ikel għandhom ikunu simplifikati sabiex jieħdu f'kunsiderazzjoni biss ir-rekwiżiti essenzjali li għandhom jiġu osservati mill-prodotti li jkopru sabiex dawk il-prodotti ikunu jistgħu jiċċirkolaw liberament fis-suq intern, b’ konformità mall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew li kien sar f'Edinburgh fil-11 u t-12 ta' Diċembru ta' l-1992, ikkonfermat minn dawk tal-Kunsill Ewropew fi Brussel fl-10 u l-11 ta' Diċembru ta' l- 1993. (2) Id-Direttiva tal-Kunsill 74/409/KEE tat-22 ta' Lulju ta' l-1974 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri li jirrigwardaw l-għasel [4] kienet ġustifikata mill-fatt li differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali dwar id-definizzjoni ta' l-għasel, it-tipi diversi ta' għasel u l-karatteristiċi meħtieġa tiegħu jistgħu jirriżultaw f'kondizzjonijiet ta' kompetizzjoni inġusta li x'aktarx iwasslu sabiex jiżgwidaw lill-konsumaturi, u b'hekk ikollhom effett dirett fuq l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq komuni. (3) Id-Direttiva 74/409/KEE u l-emendi sussegwenti tagħha konsegwentement stabbilixxew definizzjonijiet, speċifikaw it-tipi differenti ta' għasel li jistgħu ikunu mqegħda fis-suq taħt ismijiet approprjati, stabbilixxew regoli komuni dwar il-komposizzjoni u ddeterminaw l-informazzjoni prinċipali ta' l-ittikkettjar sabiex jiġi assigurat il-moviment liberu ta' dawn il-prodotti fil-Komunità. (4) Għall-iskop ta' ċarezza id-Direttiva 74/409/KEE għandha terġgħa tkun magħmula, biex tagħmel ir-regoli dwar il-kondizzjonijiet għall-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta' l-għasel iktar aċċessibbli u biex tinġieb konformi mal-leġislazzjoni ġenerali tal-Komunità dwar oġġetti ta' l-ikel, b'mod partikolari l-leġislazzjoni dwar l-ittikkettjar, il-kontaminanti u l-metodi ta' l-analiżi. (5) Ir-regoli ġenerali ta' l-ittekkettjar ta' l-ikel stabbiliti fid-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [5] għandhom japplikaw suġġetti għal ċerti kondizzjonijiet. Minħabba l-konnessjoni mill-qrib bejn il-kwalità ta' l-għasel u l-oriġini tiegħu, huwa indispensabbli li l-informazzjoni kollha fuq dawk il-materji tkun disponnibbli sabiex il-konsumatur ma jkunx żgwidat rigward il-kwalità tal-prodott. L-interessi partikolari tal-konsumatur rigward il-karatteristiċi ġeografiċi ta' l-għasel u t-trasparenza sħiħa f'dan ir-rigward jinneċessitaw li l-pajjiż ta' l-oriġini fejn l-għasel kien inġabar għandu jkun inkluż fit-tikketta. (6) L-ebda polline jew ingredjent individwali ieħor ta' l-għasel m'għandu jitneħħa, sakemm dan huwa inevitabbli meta materja barranija organika jew mhux organika tkun imneħħija. Dak il-proċess jista’ jsir permezz ta' filtrazzjoni. Fejn din il-filtrazzjoni twassal għal tneħħija ta' kwantità sinifikanti ta' polline, il-konsumatur għandu jkun informat b'dan korrettament permezz ta' indikazzjoni approprjata fuq it-tikketta. (7) Għasel, liema isem jinkludi indikazzjonijiet ta'oriġini minn fjuri, veġetali, reġjonali, territorjali jew topografiċi jew kriterji ta' kwalità speċifika ma jistax ikollu għasel filtrat miżjud miegħu. Sabiex it-trasparenza tas-suq tista’ tkun imtejba, l-ittikkettjar ta' għasel iffiltrat u għasel biex jinħadem għandu jkun mandatarju għal kull transazzjoni fis-suq ta' volum kbir. (8) Kif il-Kummissjoni enfasizzat fil-komunikazzjoni tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill ta' l-24 ta' Ġunju 1994 dwar l-apikoltura Ewropea, il-Kummissjoni tista’ tadotta metodi ta' analiżi sabiex tassigura konformità mal-karatteristiċi ta' komposizzjoni u dikjarazzjonijiet addizzjonali speċifiċi għall-għasel kollu imqiegħed fis-suq tal-Komunità. (9) Huwa mixtieq li tittieħed kunsiderazzjoni tax-xogħol imwettaq fuq standard ta' Codex ġdid għall-għasel, aġġustat, kif approprjat, għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-Komunità. (10) F'konformità mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità stabbiliti permezz ta' l-Artikolu 5 tat-Trattat, l-għan ta' stabbiliment ta' definizzjonijiet komuni u regoli għall-prodotti kkonċernati u li jġibu d-disposizzjonijiet konformi mal-leġislazzjoni ġenerali tal-Komunità fuq oġġetti ta' l-ikel ma jistax ikun milħuq biżżejjed mill-Istati Membri u għalhekk jista’, minħabba n-natura ta' din id-Direttiva, ikun milħuq aħjar mill-Komunità. Din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex ikun milħuq l-għan imsemmi. (11) Il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva għandhom ikunu adottati b’ konformità mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/468/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 li tistabbilixxi l-proċeduri għall-eżerċizzju ta' l-implimentazzjoni ta' poteri mogħtija lill-Kummissjoni [6] (12) Biex ma’ jinħolqux ostakoli ġodda għall-moviment liberu, l-Istati Membri għandhom iżommu milli jadottaw, għall-prodotti in kwistjoni, disposizzjonijiet nazzjonali li m'hemmx provdut għalihom f'din id-Direttiva, ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA: Artikolu 1 Din id-Direttiva għandha tapplika għall-prodotti definiti fl-Anness I. Dawn il-prodotti għandhom jikkonformaw ma’ r-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II. Artikolu 2 Id-Direttiva 2000/13/KE għandha tapplika għall-prodotti definiti fl-Anness I, bla ħsara għall-kondizzjonijiet li ġejjin: 1. it-terminu "għasel" għandu jkun applikat biss għall-prodott definit fl-Anness I, punt 1, u għandu jkun użat fil-kummerċ sabiex jindika dak il-prodott; 2. l-ismijiet tal-prodotti msemmija fl-Anness I, punti 2 u 3, għandhom japplikaw biss għall-prodotti definiti hemm u għandhom ikunu użati fil-kummerċ biex jindikaw lilhom. Dawn l-ismijiet jistgħu jkunu sostitwiti permezz ta' l-isem sempliċi tal-prodott "għasel", ħlief fil-każ ta' għasel iffiltrat, għasel tax-xehda, għasel fi blokki jew maqtugħ mix-xehda, u għasel biex jinħadem. Madankollu, (a) fil-każ ta' għasel biex jinħadem, il-kliem "maħsub għat-tisjir biss" għandhom jidhru fuq it-tikketta kemm jista’ jkun qrib ta' l-isem tal-prodott; (b) ħlief fil-każ ta' għasel iffiltrat u għasel biex jinħadem, l-ismijiet tal-prodott jistgħu jkunu supplimentati b'informazzjoni li tirreferi għal: - oriġini minn fjuri jew ħxejjex, jekk il-prodott ġej kollu jew prinċipalment mis-sors indikat u li għandu karatteristiċi organolettiċi, fisiko-kimiċi u mikroskopiċi tas-sors, - oriġini reġjonali, territorjali jew topografika, jekk il-prodott ġej kollu kemm hu mis-sors indikat, - kriterji speċifiċi ta' kwalità; 3. fejn għasel biex jinħadem ġie użat bħala ingredjent f'oġġett ta' ikel kompost, it-terminu "għasel" jista’ jkun użat fl-isem tal-prodott ta' l-oġġett ta' l-ikel kompost minflok it-terminu "għasel biex jinħadem". Madankollu, fil-lista’ ta' ingredjenti, it-terminu kif imsemmi fl-Anness I, punt 3, għandu jkun użat; 4. (a) il-pajjiż jew pajjiżi ta' oriġini fejn inġabar l-għasel għandhom ikunu indikati fuq it-tikketta. Madankollu, jekk l-għasel joriġina f'iktar minn Stat Membru wieħed jew pajjiż terz dik l-indikazzjoni tista’ tiġi b'waħda minn dawn li ġejjin, kif approprjat: - "taħlita ta' għasel KE", - "taħlita ta' għasel mhux tal-KE", - "taħlita ta' għasel tal-KE u mhux tal-KE". (b) Għall-fini tad-Direttiva 2000/13/KE u b'mod partikolari l-Artikoli 13, 14, 16 u 17 tagħha, id-dettalji li għandhom ikunu indikati skond is-subparagrafu (a) għandhom jiġu ikkunsidrati bħala indikazzjonijiet skond l-Artikolu 3 ta' dik id-Direttiva. Artikolu 3 Fil-każ ta' għasel iffiltrat u għasel biex jinħadem, kontenituri bil-kwantita’, pakki u dokumenti kummerċjali għandhom jindikaw b'mod ċar l-isem sħiħ tal-prodott, kif imsemmi fl-Anness I, punt 2(b)(viii), u punt 3. Artikolu 4 Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri li jippermettu l-verifika ta' konformità ta' l-għasel mad- disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Dawn il-metodi għandhom ikunu adottatati f'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(2). Sa l-adozzjoni ta' metodi bħal dawn, l-Istati Membri għandhom, fejn possibbli, jużaw metodi konvalidati rikonoxxuti internazzjonalment bħal dawk użati mill-Codex Alimentarius biex tkun verifikata l-konformità mad-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva. Artikolu 5 Għall-prodotti definiti fl-Anness I, l-Istati Membri ma għandhomx jadottaw disposizzjonijiet nazzjonali li mhumiex previsti f'din id-Direttiva. Artikolu 6 Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva li għandhom x'jaqsmu mal-materji msemmija hawn isfel għandhom jiġu adottati b'konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7(2): - li jġibu din id-Direttiva fi qbil mal-leġislazzjoni ġenerali tal-Komunità dwar oġġetti ta' l-ikel, - adattamenti għal progress tekniku. Artikolu 7 1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat Permanenti dwar Oġġetti ta' l-Ikel (hawnhekk iżjed ‘il quddiem imsemmi bħala l-"Kumitat") stabbilit bl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 69/414/KEE [7]. 2. Fejn hemm riferenza għal dan il-paragrafu, l-Artikoli 5 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom japplikaw. Il- perjodu stabbilit fl-Artikolu 5(6) tad-Deċiżjoni Nru 1999/468/KE għandu jkun stabbilit għal tlett xhur. 3. Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tiegħu ta' proċedura. Artikolu 8 Id-Direttiva 74/409/KEE hija b'dan imħassra b'effet mill-1 ta' Awissu 2003. Riferenzi għad-Direttiva mħassra għandhom ikunu interpretati bħala riferenzi għal din id-Direttiva. Artikolu 9 L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ, il-liġijiet, regolamenti u disposizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva qabel l-1 ta' Awissu 2003. Għandhom minnufih jinfurmaw bihom lill-Kummissjoni. Il-miżuri għandhom ikunu applikati sabiex: - jawtorizzaw it-tqegħid fis-suq tal-prodotti definiti fl-Anness I jekk jikkonformaw mad-definizzjonijiet u regoli stabbiliti f'din id-Direttiva, b'effett mill-1 ta' Awissu 2003; - jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva, b'effett mill-1 ta' Awissu 2004. Madankollu, it-tqegħid fis-suq ta' prodotti li ma jikkonformawx ma’ din id-Direttiva u ttikkettjati qabel l-1 ta' Awissu 2004 b'konformità mad-Direttiva 74/409/KEE għandhom jitħallew sakemm il-ħażniet jispiċċaw. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom riferenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi li bihom isiru dawn ir-riferenzi għandhom ikunu stabbiliti mill-Istati Membri. Artikolu 10 Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 11 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fl-20 ta' Diċembru 2001. Għall-Kunsill Il-President C. Picqué [1] ĠU C 231, tad-9.8.1996, p. 10. [2] ĠU C 279, ta' l-1.10.1999, p. 91. [3] ĠU C 56, ta' l-24.2.1997, p. 20. [4] ĠU L 221, tat-12.8.1974, p. 10. Direttiva kif l-aħħar emendata permezz ta' l-Att Ta' Adeżjoni ta' l-1985 ta' Spanja u l-Portugall. [5] ĠU L 109, tas-6.5.2000, p. 29. [6] ĠU L 184, tas-17.7.1999, p. 23. [7] ĠU L 291, tad-19.11.1969, p. 9. -------------------------------------------------- ANNESS I ISMIJIET, DESKRIZZJONIJIET TA' PRODOTTI U DEFINIZZJONIJIET. 1. L-għasel huwa s-sustanza naturali ħelwa magħmula min-naħal Apis mellifera min-nektar tal-pjanti jew minn tnixxijiet ta' partijiet ħajja ta' pjanti jew eskrezzjonijiet ta' insetti li jerdgħu mill-pjanti fuq il-partijiet ħajja tal-pjanti, li n-naħal jiġbru, jittrasformaw billi jikkombinaw ma’ sustanzi speċifiċi tagħhom stess, jiddepositaw, jiddeidraw, jaħżnu u jħallu fix-xehdi ta' l-għasel sabiex isiru u jimmaturaw. 2. It-tipi prinċipali ta' għasel huma kif ġej: (a) skond l-oriġini: (i) għasel taż-żahar jew għasel tan-nektar Għasel miksub min-nektar tal-pjanti; (ii) għasel honeydew għasel miksub prinċipalment mill-eskrezzjonijiet ta' insetti li jerdgħu il-pjanti (Hemiptera) fuq il-parti ħajja ta' pjanti jew tnixxijiet ta' partijiet ħajjin ta' pjanti; (b) skond il-mod ta' produzzjoni u/jew preżentazzjoni: (iii) għasel tax-xehda Għasel maħżun min-naħal fiċ-ċelel ta' xehdiet mibnijin ġodda bla duqqajs jew folji rqaq ta' qiegħ ix-xehda magħmulin biss minn xama’ tan-naħal u mibjugħin f'xehdiet sħaħ issiġġillati jew partijiet ta' dawn ix-xehdiet; (iv) għasel fi blokki jew qatgħat mix-xehda fl-għasel Għasel li għandu biċċa jew iktar minn biċċa ta' għasel tax-xehda; (v) għasel imsoffi Għasel miksub permezz ta' tisfija ta' xehdiet bla saqaf mingħajr duqqajs; (vi) għasel estratt Għasel miksub biċ-ċentrifugar ta' xehdiet bla saqaf u mingħajr duqqajs; (vii) għasel ippressat Għasel miksub bil-pressar ta xehdiet mingħajr duqqajs bi jew mingħajr l-applikazzjoni ta' sħana moderata li ma teċċedix 45 °C; (viii) għasel iffiltrat Għasel miksub bit-tneħħija ta' materjal inorganiku jew organiku b'tali mod li jirriżulta fit-tneħħija sinifikanti ta' polleni. 3. Għasel biex jinħadem Għasel li huwa (a) adatt għal użi industrijali jew bħala ingredjent f’oġġetti ta' ikel oħra li huma imbagħad ipproċessati u (b) jista’: - għandu togħma jew riħa barranija, jew - beda jiffermenta jew iffermenta, jew - kien imsaħħan wisq. -------------------------------------------------- ANNESS II KRITERJI TA' KOMPOSIZZJONI GĦALL-GĦASEL L-għasel jikkonsisti essenzjalment f’zokkrijiet differenti, speċjalment fruttosju u glukosju kif ukoll sustanzi oħra bħal aċidi organiċi, enżimi u partikoli solidi derivati mill-ġbir ta' l-għasel. Il-kulur ta' l-għasel ivarja minn kważi bla kulur għal kannella skur. Il-konsistenza tista’ tkun fluwida, viskuża jew parzjalment sa kompletament kristalliżata. It-togħma u l-aroma jvarjaw, iżda huma derivati minn oriġini tal-pjanti. Meta mqiegħed fis-suq bħala għasel jew użat fi kwalunkwe prodott intenzjonat għal konsum mill-bniedem, għasel ma’ għandux jiżdied miegħu ebda ingredjent ta' ikel, inklużi addittivi ta' l-ikel, u l-anqas addizzjonijiet oħra ma għandhom isiru ħlief l-għasel. L-għasel għandu, kemm jista’ jkun, ikun ħieles minn materji organiċi jew inorganiċi barranin għall-kompożizzjoni tiegħu. Bl-eċċezzjoni tal- punt 3 ta' l-Anness I, ma għandux ikollu togħmiet jew irwejjaħ barranin, ikun beda jiffermenta, ikollu aċidità mbiddla artifiċjalment jew ikun ġie msaħħan b'tali mod li l-enżimi naturali ikunu ġew jew distrutti jew inattivati b'mod sinifikanti. Mingħajr preġudizzju għall-Anness I, punt 2(b)(viii), l-ebda polline jew kostitwent partikolari għall-għasel ma jista’ jitneħħa ħlief fejn dan hu inevitabbli fit-tneħħija ta' materjal inorganiku jew organiku. Meta mqiegħed fis-suq bħala għasel jew użat fi kwalunkwe prodott intenzjonat għall-konsum mill-bniedem, l-għasel għandu jilħaq il-kriterji ta' komposizzjoni li ġejjin: 1. Kontenut ta' zokkor 1.1. Kontenut ta' fruttosju u glukosju (l-għadd tat-tnejn) — għasel taż-żahar | mhux inqas minn 60 g/100 g | — għasel honeydew, taħlit ta' għasel honeydew ma’ għasel taż-żahar | mhux inqas minn 45 g/100 g | 1.2. Kontenut ta' sukrosju — in ġenerali | mhux iktar minn 5 g/100 g | — akaċja falza (Robinia pseudoacacia), alfalfa (Medicago sativa), Menzies Banksia (Banksia menziesii), honeysuckle Franċiża (Hedysarum), gomma ħamra (Eucalyptus camadulensis), leatherwood (Eucryphia lucida, Eucryphia milliganii), Citrus spp. | mhux iktar minn 10 g/100 g | — lavender (Lavandula spp.), borage (Borago officinalis) | mhux iktar minn 15 g/100 g | 2. Kontenut ta' ndewwa — in ġenerali | mhux iktar minn 20 % | — heather (Calluna) u għasel biex jinħadem in ġenerali | mhux iktar minn 23 % | — għasel biex jinħadem mill-heather (Calluna) | mhux iktar minn 25 % | 3. Kontenut li ma’ jinħallx fl-ilma — in ġenerali | mhux iktar minn 0,1 g/100 g | — għasel ippressat | mhux iktar minn 0,5 g/100 g | 4. Konduttività elettrika — għasel mhux imniżżel hawn taħt, u taħlit ta' dan l-għasel | mhux iktar minn 0,8 mS/ċm | — honeydew u għasel tal-qastan u taħlit ta' dawn ħlief ma’dawk imniżżla hawn taħt | mhux iktar minn 0,8 mS/ċm | — eċċezzjonijiet: siġra tal-frawli(Arbutus unedo), bell heather (Erica),ewkaliptus, lime (Tilia spp.), ling heather (Calluna vulgaris), manuka jew jelly bush (leptospermum), siġra tat-te’ (Melaleuca spp.) | | 5. Aċidu liberu — in ġenerali | mhux iktar minn 50 milli-ekwivalenti aċidu kull 1000 gramma | — għasel biex jinħadem | mhux iktar minn 80 milli-ekwivalenti aċidu kull 1000 gramma | 6. Attività diastase u kontenut hydroxymethylfurfural (HMF) determinat wara pproċessar u taħlit (a) Attività diastase (Skala Schade) — in ġenerali, ħlief għasel biex jinħadem | mhux inqas minn 8 | — għasel b'kontenut baxx ta' enżimi naturali (eż għasel taċ-ċitru) u kontenut HMF ta' mhux iktar minn 15 mg/kg | mhux inqas minn 3 | (b) HMF — in ġenerali, ħlief għasel biex jinħadem | mhux iktar minn 40 mg/kg (bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' (a), t-tieni inċiż) | — għasel ta' oriġini dikjarata minn reġjuni ta' klima tropikali u taħlit ta' dan l-għasel | mhux iktar minn 80 mg/kg | --------------------------------------------------