32001L0099



Official Journal L 304 , 21/11/2001 P. 0014 - 0016


Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/99/KE

ta’ l-20 ta’ Novembru 2001

li temenda l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jinkludu l-glifosat u t-tifensulfuron-metil bħala sustanzi attivi

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 2001 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/87/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 6 (1) tagħha,

Billi:

(1) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat l-ewwel stadju tal-programm tax-xogħol riferit fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [3], kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 2266/2000 [4], stabbilixxa r-regoli dettaljati sabiex jiġi implimentat l-ewwel stadju tal-programm tax-xogħol riferit fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE (minn issa ’l quddiem imsejħa "id-Direttiva"). Skond ir-Regolament (KEE) Nru 3600/92, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94 tas-27 ta’ April 1994 li jistabbilixxi s-sustanzi attivi tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jinnomina l-Istat Membru rapporteur sabiex jiġi implimentat ir-Regolament (KEE) Nru 3600/92 [5], kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2230/95 [6], li jistabbilixxi l-lista tas-sustanzi attivi tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jridu jiġu stmati, bil-ħsieb ta’ l-inklużjoni possibbli tagħhom fl-Anness I mad-Direttiva.

(2) Għall-glifosat u t-tifensulfuron-metil l-effetti fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ġew stmati skond id-disposizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (KEE) Nru 3600/92 għal firxa ta’ użi proposti min-notifikaturi. Skond ir-Regolament (KE) Nru 933/94, il-Ġermanja u Franza kienu nnominati bħala Stati Membri rapportaturi għall-glifosate u t-tifensulfuron-metil, rispettivament. L-Istati Membri rapportaturi ssottomettew ir-rapporti rilevanti ta’ stima u r-rakkomandazzjoniet lill-Kummissjoni fl-1 ta’ Frar 1999 (il-glifosat), u fit-30 ta’ April 1996 (it-tifensulfuron-metil) skond l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92.

(3) Dawn ir-rapporti ta’ stima ġew irriveduti mill-Istati Membru u mill-Kummissjoni ġewwa l-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti. Ir-reviżjonijiet kienu ffinalizzati fid-29 ta’ Ġunju 2001 fil-format tar-rapporti tar-reviżjoni tal-Kummisjoni għall-glifosat u t-tifensulfurom-metil.

(4) Id-dossiers u t-tagħrif mir-reviżjonijiet tal-glifosat u t-tifensulfuron-metil ġew issottomessi wkoll lill-Kumitat Xjentifiku tall-Pjanti. Ma ġew indirizzati ebda kwistjonijiet speċifiċi lill-Kumitat. Il-Kumitat ikkunsidra illi ma kien hemm l-ebda kwistjoni li xtaq iqajjem rigward is-sustanzi attivi fil-kuntest ta’ inklużjoni possibbli fl-Anness I mad-Direttiva [7]. Il-Kumitat innota illi n-nuqqas ta’ kummenti għandu jiġi interpretat biss bħala indikazzjoni illi l-ebda raġuni ovvja ma ħtieġet kumment.

(5) Deher mill-eżamijiet varji magħmula illi l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanzi attivi interessati jistgħu jiġu mistennija li jissodisfaw, b’mod ġenerali, il-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(a) u (b) tad-Direttiva, b’mod partikolari rigward l-użi li kienu eżaminati u dettaljati fir-rapport tar-reviżjoni tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk approprjat illi s-sustanzi interessati jiġu inklużi fl-Annes I, għalbiex jiġi żgurat illi fl-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jiġu konċessi l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanzi attivi interessati skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva msemmija.

(6) Id-Direttiva tipprovdi illi wara l-inklużjoni ta’ sustanza attiva fl-Anness I, l-Istati Membri jridu, f’perjodu taż-żmien stabbilit, jagħtu, ivarjaw jew jirtiraw, skond kif approprjat, l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom is-sustanza attiva. B’mod partikolari, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti ma għandhomx jiġu awtorizzati għajr jekk jitqiesu l-kondizzjonijiet assoċjati ma’ l-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I u l-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva fuq il-bażi ta’ dossier li jissodisfa l-ħtiġiet tat-tagħrif stabbilit

(7) Irid jiġi pprovdut perjodu raġjonevoli taż-żmien qabel ma sustanza attiva tiġi inkluża fl-Anness I sabiex tippermetti lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati li jħejju lilhom infushom sabiex jikkonformaw mal-ħtiġiet il-ġodda li jirriżultaw minn din l-inklużjoni. Barra minn hekk, wara l-inklużjoni, huwa meħtieġ perjodu raġjonevoli taż-żmien għalbiex jippermetti lill-Istati Membri li jimplimentaw id-disposizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-glifosat jew it-tifensulfuron-metil. B’mod partikolari, l-Istati Membri jridu, f’dan il-perjodu taż-żmien, jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet eżistenti u, fejn approprjat, jikkonċedu awtorizzazzjonijiet ġodda skond id-disposizzjonijiet tad-Direttiva. Għandu jiġi pprovdut perjodu itwal taż-żmien sabiex jiġi sottomess u stmat id-dossier kompletat ta’ kull prodott għall-protezzjoni tal-pjanti skond il-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva. Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom numru ta' sustanzi attivi diversi, l-evalwazzjoni sħiħa fuq il-bażi tal-prinċipji uniformi tista’ titwettaq biss meta s-sustanzi attivi kollha interessati jkunu ġew inklużi fl-Anness I mad-Direttiva.

(8) Ir-rapport tar-reviżjoni huwa meħtieġ sabiex jiġu implimentati kif jixraq mill-Istati Membri, it-taqsimiet diversi tal-prinċipji uniformi stabbiliti fid-Direttiva. Huwa, għalhekk, approprjat li jiġi pprovdut illi r-rapporti ffinalizzati tar-reviżjoni (għajr għat-tagħrif kunfidenzjali) jinżammu disponibbli jew jintgħamlu disponibbli mill-Istati Membri għall-konsultazzjoni minn kull parti interessata. Jekk rapport tar-reviżjoni jrid jiġi aġġornat għalbiex iqis l-iżviluppi tekniċi u xjentifiċi, il-kondizzjonijiet sabiex tiġi inkluża s-sustanza interessata fl-Anness I mad-Direttiva għandhom ukoll jiġu emendati skond id-Direttiva.

(9) Il-miżuri pprovduti f'din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Anness I mad-Deċiżjoni 91/414/KEE għandu jiġi emendat skond l-Anness ma' hawn.

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva, l-aktar tard sa l-1 ta’ Jannar 2003. Għandhom jgħarrfu minnufih b’dan lill-Kummissjoni.

B’mod partikolari għandhom, skond id-Direttiva 91/414/KEE, fejn meħtieġ, jemendaw jew jirtiraw l-awtorizzazzjonijiet eżistenti tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-glifosat jew it-tifensulfuron-metil bħala sustanzi attivi sa din id-data.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza.

2. Rigward l-evalwazzjoni u t-teħid tad-deċiżjonijiet skond il-prinċipji uniformi pprovduti l-Anness VI mad-Direttiva 91/414/KEE, fuq il-bażi ta' dossier li jissodisfa l-ħtiġiet ta’ l-Anness III ma' hawn, it-temma taż-żmien għall-emendi jew l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-glifosat jew it-tifensulfuron-metil bħala l-unika sustanza attiva għandu jkun l-1 ta’ Jannar 2006.

3. Għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-glifosat jew it-tifensulfuron-metil flimkien ma’ sustanza attiva oħra li tkun fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE, il-perjodu taż-żmien għall-emenda jew l-irtirar ta’ l-awtorizzazzjonijiet għandu jiskadi erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva li tkun emendat l-Anness I għalbiex tiżdied l-aħħar minn dawn is-sustanzi fih.

4. L-Istati Membri għandhom iżommu disponibbli r-rapporti tar-reviżjoni għall-glifosat u t-tifensulfuron-metil (għajr għat-tagħrif kunfidenzjali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414/KEE) għall-konsultazzjoni mill-partijiet interessati kollha jew għandhom jagħmluh disponibbli lilhom fuq talba speċifika.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2002.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fi Brussel, fil-20 ta’ Novembru 2001.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 230, 19.08.91, p. 1.

[2] ĠU L 276, 19.10.01, p. 17.

[3] ĠU L 366, 15.12.92, p. 10.

[4] ĠU L 259, 13.10.00, p. 27.

[5] ĠU L 107, 28.04.94, p. 8.

[6] ĠU L 225, 22.09.95, p. 1.

[7] Il-Minuti tal-plenarju tal-Kumitat Xjentifiku tal-Pjanti mis-7 ta’ Marzu 2001 (il-glifosat).Il-Minuti tal-plenarju tal-Kumitat Xjentifiku tal-Pjanti mis-7 ta’ Marzu 2001 (it-tifensulfuron-metil).

--------------------------------------------------

ANNESS

Id-dħul li ġej għandu jiżdied fit-tmiem tat-tabella fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE:

In-Numru: | L-Isem komuni in-Numri ta' identifikazzjoni | L-Isem ta' l-IUPAC | Is-Safa | Id-Dħul fis-seħħ | L-iskadenza ta' l-inklużjoni | Disposizzjonijiet speċifiċi |

25 | Il-Glifosat InNumru tal-CAS 1071-83-6 In-Numru tas-CIPAC 284 | Il-N-(phosphonomethyl)-glycin | 950 g/kg | L-1 ta' Lulju 2002 | It-30 ta' Ġunju 2012 | Jistgħu jiġu awtorizzati biss l-użi bħala erbiċida Sabiex jiġu implimentati l-prinċipji uniformi ta' l-Anness VI, għandhom jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tar-reviżjoni dwar il-glifosat, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzati fil-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti fid-29 ta' Ġunju 2002. F'din l-istima ġenerali l-Istati Membri: jridu jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art f'erji vulnerabbli, b'mod partikolari rigward l-uèi mhux għall-uċuħ tar-raba' |

26 | It-Tifensulfuron-metil In-Numru tal-CAS 79277-27-3 In-numru tas-CIPAC 452 | Il-Methyl 3-(4-methoxy-6-methyl-1,3,5-triazin-2-ylcarbamoyl-sulfamoyl) thiophene-2-carboxy-late | 960 g/kg | L-1 ta' Lulju 2002 | It-30 ta' Ġunju 2012 | Jistgħu jiġu awtorizzatiu biss l-użi bħala erbiċida Sabiex jiġu implimentati l-prinċipji uniformi ta' l-Anness VI, iridu jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport tar-reviżjoni dwar it-tifensulfuron, u b'mod partikolari l-Appendiċijiet I u II tiegħu, kif iffinalizzati fil-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti fid-29 ta' Ġunju 2002. F'din l-istima ġenerali l-Istati Membri: jridu jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art,iridu jagħtu attenzjoni partikolari għall-impatt fuq il-pjanti akwatiċi u għandhom jièguraw illi l-kondizzjonijiet u l-awtorizzazzjonijiet jinkludu, fejn xieraq, il-mièuri li jtaffu r-riskju |

--------------------------------------------------