Official Journal L 176 , 29/06/2001 P. 0061 - 0063
Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/49/KE tat-28 ta’ Ġunju 2001 li temenda l-Anness I mad-Direttiva tal-Kunill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti biex jinkludu d-DPX KE 459 (il-flupirsulfuron-metil) bħala sustanza attiva IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/EEC tal-15 ta’ Lulju 2001 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti [1], kif l-aħħar emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/236/KE [2], u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tagħha, Billi: (1) Skond l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 91/414/KEE (minn issa ’l quddiem imsejħa "id-Direttiva") fis-26 ta’ Ottubru 1995 Franza rċeviet applikazzjoni mid-Du Pont de Nemours SAS, ("l-applikant") għall-inklużjoni tas-sustanza attiva DPX KE 459 (il-flupirsulfuron-metil) fl-Anness I mad-Direttiva. (2) Skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/164/KE [3] ikkonkludiet illi d-dossier issottomess għall-flupirsulfuron-metil jista’ jitqies bħala li jissodisfa, fil-prinċipju, il-ħtiġiet ta’ l-informazzjoni u t-tagħrif ta’ l-Anness II, u għal prodott għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fih din is-sustanza attiva, ta’ l-Anness III mad-Direttiva. (3) L-effetti tal-flupirsulfuron-metil fuq is-saħħa tal-bniedem u ta’ l-annimali u ta’ l-ambjent ġew stmati minn Franza, waqt li kienet taġixxi bħala Stat Membru rapporteur innominat, skond id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 6(2) u (4) tad-Direttiva, għall-użi proposti mill-applikant, Franza ssottomettiet l-abbozz tar-rapport tagħha ta’ l-istima li tirrigwarda s-sustanza lill-Kummissjoni fit-2 ta’ Diċembru 1997. (4) Id-dokument u t-tagħrif mir-reviżjoni tal-flupirsulfuron-metil kienu wkoll ġew issottomessi lill-Kumitat Xjentifiku tal-Pjanti għall-opinjoni fil-15 ta’ Lulju 1999. Dan il-Kumitat kien ta l-opinjoni tiegħu fl-20 ta’ Novembru 2000 [4]. (5) Fid-dawl ta’ dawn l-eżamijiet, jidher illi l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-flupirsulfuron-metil jistgħu jiġu mistennija li jissodisfaw, b’mod ġenerali, il-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u (3) tad-Direttiva, b’mod partikolari rigward l-użi li kienu eżaminati u ddettaljati fir-rapporti tar-reviżjoni tal-Kummissjoni. Huwa għalhekk approprjat illi tiġi inkluża fl-Anness I mad-Direttiva, għalbiex jiġi żgurat illi fl-Istati Membri kollha l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom lilu jistgħu jiġu awtorizzati skond id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija. (6) Wara l-inklużjoni, huwa meħtieġ perjodu raġjonevoli taż-żmien sabiex jippermetti lill-Istati Membri li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u b’mod partikolari sabiex jirrevedu l-awtorizzazzjonijiet proviżorji konċessi lill-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-flupirsulfuron-metil, li għandhom jiġu mibdula bl-awtorizzazzjonijiet konċessi skond l-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/414/KEE. Perjodu itwal taż-żmien jista’ wkoll ikun meħtieġ rigward il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom il-flupirsulfuron-metil u s-sustanzi attivi l-oħra inklużi fl-Anness I. (7) Ir-rapport tar-reviżjoni huwa meħtieġ sabiex jiġu implimentati kif jixraq mill-Istati Membri, it-taqsimiet diversi tal-prinċipji uniformi stabbiliti fl-Anness VI mad-Direttiva, li jirreferu għall-evalwazzjoni ta’ l-informazzjoni ssottomessa bil-għan ta’ l-inklużjoni tas-sustanza attiva fl-Anness I mad-Direttiva. Huwa approprjat li jiġi pprovdut illi r-rapport iffinalizzat tar-reviżjoni (għajr għat-tagħrif kunfidenzjali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 14 tad-Direttiva) jinżamm disponibbli jew jintgħamel disponibbli mill-Istati Membri għall-konsultazzjoni minn kull parti interessata. (8) Jekk dan ir-rapport tar-reviżjoni jiġi aġġornat sabiex iqis l-iżviluppi tekniċi u xjentifiċi, il-kondizzjonijiet għall-inklużjoni tal-flupirsulfuron-metil fl-Anness I mad-Direttiva jistgħu wkoll jeħtieġu li jiġu emendati skond il-proċedura speċifikata fid-Direttiva. (9) Il-miżuri pprovduti f’din id-Deċiżjoni huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti mogħtija fis-27 ta’ April 2001, ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:- Artikolu 1 It-tabella fl-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEE għandha tiġi emendata sabiex tinkludi d-dħul rigward id-DPX KE 459 (il-flupirsulfuron-metil) iddikjarat fl-Anness ma’ hawn. Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2001. Għandhom jgħarrfu b’dan minnufih lill-Kummissjoni. Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-disposizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b’din ir-referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir din ir-referenza. Artikolu 3 Madankollu, rigward ir-reviżjoni ta’ l-awtorizzazzjonijiet proviżorji konċessi fid-dawl tar-rapport tar-reviżjoni u sabiex jiġu applikati l-Prinċipji Uniformi pprovduti l-Anness VI mad-Direttiva 91/414/KEE, l-awtorizzazzjonijiet proviżorji għandhom jiġu rtirati u fejn approprjat mibdula b’awtorizzazzjoni sħiħa sat-30 ta’ Novembru 2002. Madankollu, rigward il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom id-DPX KE 459 (il-flupirsulfuron-metil) flimkien ma’ sustanza attiva oħra li għadha mhix fl-Anness I, il-perjodu taż-żmien riferit hawn fuq jiġi mtawwal safejn u sakemm jiġi pprovdut perjodu itwal taż-żmien sabiex jiġu implimentati bid-disposizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva li temenda l-Anness I mad-Direttiva 91/414/KEEC biex tinkludi s-sustanza l-oħra fl-Anness. Artikolu 4 L-Istati Membri għandhom iżommu disponibbli r-rapporti tar-reviżjoni għad-DPX KE 459 il-flupirsulfuronmetil (għajr għat-tagħrif kunfidenzjali skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 14 tad-Direttiva 91/414/KEE) għall-konsultazzjoni minn kull parti interessata jew għandhom jagħmluh disponibbli lilhom fuq talba speċifika. Artikolu 5 Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2001. Artikolu 6 Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fit-28 ta’ Ġunju 2001. Għall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1. [2] ĠU L 164, ta’ l-20.6.2001, p. 1. [3] ĠU L 64, tal-5.3.1997, p. 7. [4] L-Opinjoni tal-Kumitat Xjentifiku tal-Pjanti li tirrigwarda l-evalwazzjoni tal-flupirsulfuron-metil fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE li tirrigwarda t-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. SCP/FLUPYR/002 finali bid-data tal-11 ta’ Diċembru 2000. -------------------------------------------------- ANNESS ID-DĦUL LI JRID JIDDAĦĦAL FIT-TABELLA FL-ANNESS I MAD-DIRETTIVA 91/414/KEE "In-Numru | L-isem komuni. Iin-numri ta' identifikazzjoni | L-Isem ta' l-IUPAC | Is-safa | Id-Dħul fis-seħħ | L-Iskadenza ta' l-inklużjoni | Disposizzjonijiet speċifiċi | | Id-DPX KE 459 (flupirsul-furon-metil) CAS Nru 144740-54-5 In-Numru tas-CIPAC 577 | Il-melħ tal-monosodju 2(4,6-dimethoxypyrimidin-2-ylcarba- moylsulfamoyl)-6- trifluromethylnicotinate | 903 g/kg | L-1 ta' Lulju 2001 | It-30 ta' Ġunju 2011 | Jistgħu jiġu awtorizzati biss l-użi bħala erbiċidi Fit-teħid tad-deċiżjonijiet skond il-Prinċipji Uniformi l-Istati Membri jridu jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni ta' l-ilma ta' taħt l-art. Id-Data tal-Kumitat Permanenti tas-Saħħa tal-Pjanti li fiha ġie ffinalizzat ir-rapport tar-reviżjoni: is-27 ta' April 2001. | --------------------------------------------------