32001D0577



Official Journal L 203 , 28/07/2001 P. 0027 - 0027


Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

tal-25 ta’ Lulju 2001

li tistabbilixxi d-data li fiha jista’ jingħata bidu għad-dispaċċ tal-prodotti bovini mill-Portugall taħt l-Iskema ta’ Esportazzjoni bbażata fuq id-Data permezz ta’ Artikolu 22(2) tad-Deċiżjoni 2001/376/KE

(notifikata taħt id-dokument numru Ċ(2001) 2363)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2001/577/KE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 89/662/KEE tal-11 ta’ Diċembru 1989 dwar kontrolli veterinarji fil-kummerċ ta’ ġewwa l-Komunità bil-għan li s-suq intern jiġi komplut [1], kif l-aħħar emendata permezz tad-Direttiva 92/118/KEE,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/376/KE tat-18 ta’ April 2001 dwar il-miżuri magħmulin meħtieġa bl-okkorrenza tal-bovine spongiform encephalopathy fil-Portugall u li timplimenta skema ta’ esportazzjoni bażata fuq id-data [2], u b’mod partikolari Artikolu 22(2) tagħha,

Billi:

(1) Artikolu 22(2) tad-Deċiżjoni 2001/376/KE jeħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi d-data li fiha jista’ jingħata bidu għad-dispaċċ tal-prodotti msemmija f’Artikolu 11 ta’ dik id-Deċiżjoni, wara li tkun wettqet l-ispezzjonijiet tal-Komunità u wara li tkun infurmat lill-Istati Membri.

(2) L-ispezzjonijiet imwettqa mis-servizzi tal-Kummissjoni fil-Portugall mill-14 sat-18 ta’ Mejju u mill-25 sas-27 ta’ Ġunju 2001, b’mod partikolari sabiex tiġi stmata s-sistema ta’ kontrolli veterinarji skond Artikoli 11 u 12 u Anness IV għad-Deċiżjoni 2001/376/KE, wrew li l-kondizzjonijiet huma konformi b’mod sodisfaċjenti.

(3) Il-Kummissjoni ppreżentat ir-riżultati ta’ l-ispezzjonijiet u l-konsegwenzi li siltet minnhom lill-Istati Membri mlaqqgħin mill-Kumitat Veterinarju Permanenti. Il-Kummissjoni rċeviet garanziji mill-Portugall fir-rigward ta’ l-applikazzjoni sħiħa u ta’ l-infurzar effettiv tal-leġislazzjoni tal-Komunità dwar is-sorvelljanza għal u l-qerda tat-TSE, flimkien ma’ dawk il-garanziji meħtieġa mir-rapport ta’ l-Uffiċċju tal-Ikel u Veterinarju,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-data msemmija f’Artikolu 22(2) tad-Deċiżjoni 2001/376/KE, li minnha jista’ jingħata bidu jew jerġa’ jingħata bidu għad-dispaċċ tal-prodotti msemmija f’Artikolu 11 ta’ dik id-Deċiżjoni bi qbil mal-kondizzjonijiet stabbiliti, għandha tkun l-1 ta’ Awissu ta’ l-2001.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija ndirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula Brussel, fil-25 ta’ Lulju 2001.

Għall-Kummissjoni

David Byrne

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 13.

[2] ĠU L 132, tal-15.5.2001, p. 17.

--------------------------------------------------