Official Journal L 203 , 28/07/2001 P. 0018 - 0019
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2001 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar il-lista ta' skart (2001/573/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar skart perikoluż [1], b'mod partikolari l-Artikolu 1(4) tagħha, Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni, Billi: (1) Lista ta' skart tal-Komunità kienet stabbilita bid-Deċiżjoni 2000/532/KE tat-3 ta' Mejju 2000 li tibdel id-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta' skart skond l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar skart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta' skart perikoluż skond l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż [2]. (2) L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 91/689/KEE jeħtieġ li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni bl-iskart mhux inkluż fil-lista ta' skart perikoluż li huma jqisu li għandu karatteristika waħda jew aktar minn dawk elenkati fl-Anness III li jinsab ma’ dik id-Direttiva. Diversi Stati Membri nnotifikaw skart li fih chlorosilanes, skart li fih is-silikon, u materjali ta' kostruzzjoni li fihom l-asbestos u talbu li l-lista ta' skart perikoluż tiġi hekk emendata. (3) Biex ikun hemm ċarezza, għandu jiġi espressament provdut li taħlita esklussiva ta' grass u żejt minn separazzjoni ta' żejt/ilma li jkun fiha biss żejt ta' l-ikel u xaħmijiet tista’ tiġi meqjusa li mhix ta' perikolu. (4) Id-Deċiżjoni Nru 2000/532/KE għandha tiġi hekk emendata. (5) Il-miżuri provduti f'din id-Deċiżjoni m'humiex skond l-opinjoni mogħtija mill-Kumitat stabbilit bis-saħħa ta' l-Artikolu 18 tad-Direttiva 75/442/KEE tal-15 ta' Lulju 1975 dwar l-iskart [3]. Għandhom għalhekk, bis-saħħa tar-raba’ paragrafu ta' l-Artikolu 18 tad-Direttiva 75/442/KEE, jiġu adottati mill-Kunsill, ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 L-Anness li jinsab mad-Deċiżjoni 2000/532/KE għandu jiġi emendat skond l-Anness li jinsab ma’ din id-Deċiżjoni. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tgħodd mill-1 ta' Jannar 2002. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmul fi Brussel, fit-23 ta' Lulju 2001. Għall-Kunsill Il-President A. Neyts-Uyttebroeck [1] ĠU L 377, tal-31.12.1991, p. 20. Direttiva kif emendata bid-Direttiva 94/31/KE (ĠU L 168, tat-2.7.1994, p. 28). [2] ĠU L 226, tas-6.9.2000, p. 3. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2001/119/KE (ĠU L 47, tas-16.2.2001, p. 32). [3] ĠU L 194, tal-25.7.1975, p. 39. Deċiżjoni kif emendata bid-Deċiżjoni 2001/119/KE (ĠU L 47, tas-16.2.2001, p. 32). -------------------------------------------------- ANNESS 1.2.3.4. L-Anness li jinsab mad-Deċiżjoni 2000/532/KE huwa emendat kif ġej: id-daħla numru 06 08 02 intestata "skart li jkun fih chlorosilanes" hija mibdula b'dan li ġej: "06 08 02* | skart li fih silikoni perikolużi" | id-daħla numru 07 02 16 intestata "skart li fih is-silikons" hija mibdula b'dan li ġej: "07 02 16* | skart li fih silikoni perikolużi | 07 02 17 | skart li fih silikoni ħlief dawk imsemmija fl-07 02 16" | id-daħla numru 17 06 05 intestata "materjali ta' kostruzzjoni li fihom l-asbestos" hija mibdula b'dan li ġej: "17 06 05* | materjali ta' kostruzzjoni li fihom l-asbestos | id-daħla numru 19 08 09* intestata "taħtlita ta' grass u żejt mis-separazzjoni ta' żejt/ilma li jkun fiha żejt ta' l-ikel u xaħmijiet" hija mibdula b'dan li ġej: "19 08 09 | taħlita ta' grass u żejt mis-separazzjoni ta' żejt/ilma li jkun fiha biss żejt ta' l-ikel u xaħmijiet" | --------------------------------------------------