Official Journal L 195 , 19/07/2001 P. 0058 - 0060
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Lulju 2001 li tistabbilixxi kumitat konsultattiv, li għandu jkun magħruf bħala "Il-Forum Ewropew dwar l-Enerġija u t-Trasport" (notifikat taħt id-dokument numru K(2001) 1843) (2001/546/KE) IL-KUMMISJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Billi: (1) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-Trasport ta' l-20 ta' Settembru 2000 [1] sejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tissottomettti proposta mingħajr dewmien għall-istabbiliment ta' Forum Ewropew fil-Kummissjoni li jikkonsisti f'rappreżentanti tas-settur konċernat sabiex jeżamina l-fatturi kollha li jaffettwaw il-kompetitittività tat-trasport u sabiex jikkunsidra aġġustamenti fl-istrutturi f'dan is-settur. Il-proposta għandha tqis b'mod xieraq l-għajnijiet soċjali, ambjentali u tas-sigurtà. (2) Il-mandat tal-Kumitat Konsultattiv ta' l-Enerġija stabbilit skond id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 96/642 [2] tat-8 ta' Novembru 1996 skada fi Frar ta' l-2001. (3) Minħabba l-ħtieġa ta' korp konsultattiv ta' diskussjoni kompost minn individwi kkwalifikati biex jeżaminaw firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-politika ta' l-enerġija u tat-trasport, il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi Forum Ewropew dwar l-Enerġija u t-Trasport. (4) Meta wieħed iqis l-interdipendenza tal-politika ta' l-enerġija u tat-trasport u l-ħtieġa li dawn jiġu allineajati flimkien, ikun utli u xieraq li r-rappreżentanti ta' l-industriji ta' l-enerġija u tat-trasport jinghaqdu flimkien fi ħdan korp wieħed. (5) Dan id-djalogu għandu jippermetti lill-Kummissjoni sabiex tiġbor opinjonijiet dwar kull inizjattiva tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika ta' l-enerġija u t-trasport u b'hekk tibbenifika minn opinjoni esperta ta' ċentru ta' monitoraġġ. (6) Dan il-forum għandu jiġi stabbilit, il-mandat tiegħu għandu jiġi definit u l-amministrazzjoni tiegħu għandha tiġi organizzata. ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 1. Għandu jiġi stabbilit kumitat konsultattiv magħruf bħala "Il-Forum Ewropew dwar l-Enerġija u t-Trasport", hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejjaħ "il-Forum", fil-Kummissjoni. 2. Il-Forum għandu jkun kompost minn individwi kkwalifikati kompetenti biex jikkunsidraw kwistjonijiet relatati ma' l-enerġija u t-trasport kif ukoll l-interazzjoni bejn dawn iż-żewġ linji ta' politika. Għandu jinkludi rappreżentanti ta' l-operaturi, il-manifatturi u l-amministraturi ta' networks u infrastrutturi, l-utenti tat-trasport u konsumaturi tal-enerġija, tat-trade unions, l-assocjazzjonijiet tal-harsien ambjentali u tas-sigurtà u d-dinja akkademika. Artikolu 2 Missjoni 1. Il-Kummissjoni tista' tikkonsulta lill-Forum dwar kull kwistjoni relatata mal-politika ta' l-UE dwar l-enerġija u t-trasport. 2. Il-Forum għandu jaġixxi bħala ċentru ta' monitoraġġ għall-politika ta' l-enerġija u tat-trasport, b'mod partikolari għar-rigward tal-kompetitittività u l-aġġustamenti strutturali f'dawn is-setturi, filwaqt li jqis b'mod xieraq il-fatturi ambjentali, soċjali u tas-sigurtà. Huwa jkun meħtieġ wkoll, jekk dan ikun hemm bżonn, sabiex jeżamina kull kwistjoni ta' interess kurrenti li tista' tinqala' fl-oqsma ta' l-enerġija u tat-trasport. 3. Il-Forum għandu jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjonijiet jew rapporti fuq talba tal-Kummissjoni jew fuq l-inizzjattiva tiegħu stess. Id-deliberazzjonijiet tal-Forum ma għandhomx ikunu soġġetti għal xi votazzjoni. Il-Kummissjoni tista' tistabbilixxi terminu għas-sottomissjoni ta' xi opinjoni jew rapport li hija titlob lill-Forum. Artikolu 3 Kompożizzjoni, ħatra 1. Il-Forum għandu jkollu 34 membru sħiħ. 2. It-tqassim tal-membri għandu jkun kif ġej: - disa' membri li jirrappreżentaw lill-operaturi (produtturi tal-enerġija u trasportaturi fuq l-art, bil-baħar u bl-ajru, l-industrija tal-manifattura), - ħames membri li jirrappreżentaw in-networks u l-infrastrutturi (gass, elettriku, ferroviji, toroq, portijiet, ajruporti, kontroll tat-traffiku ta' l-ajru), - seba' membri li jirrapreżentaw lill-utenti u lill-konsumaturi (utenti tat-trasport, konsumaturi ta' l-enerġija, gestjoni tad-domanda), - sitt membri li jirrapreżentaw it-trade unions, - ħames membri li jirrapreżentaw lill-organizzazzjonijiet ambjentali u lill-organizzazzjonijiet responsabbli għas-sigurtà b'mod partikolari fil-qasam tat-trasport, - żewġ membri mid-dinja akkademika jew minn think tanks, 3. Membru wieħed sostitut għandu jiġi mahtur għal kull membru sħiħ. Il-membru sostitut għandu jattendi l-laqgħat tal-Forum jew ta' grupp ta' ħidma biss jekk il-membru sħiħ ikun assenti jew ma jistax jattendi. 4. Il-membri sħaħ u sostituti tal-forum għandhom jinħatru individwalment mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi ta' prova ta' kompetenza u esperjenza. Huma għandhom ikunu meħtieġa jagħtu lill-Kummissjoni opinjoni indipendenti, ħielsa minn kull influwenza esterna. Huma għandhom ikollhom mandat li jiġġedded kull sentejn. 5. Meta l-mandat tagħhom jiskadi, il-membri sħaħ tal-forum, u l-membri sostituti korrispondenti, għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jigu mibdula jew sakemm il-mandat tagħhom jiġġedded. 6. Il-mandat ta'membru għandu jintemm qabel id-data ta' skadenza tiegħu f'każ ta' riżenja jew mewt. F'dan il-każ, il-membru għandu jinbidel għall kumplament taż-żmien tal-mandat. 7. Ma għandha tingħata ebda remunerazzjoni għad-doveri mwettqa. 8. Sejħa għall-applikazzjonijiet għall-posizzjonijiet ta' membru skond kif definit fl-Artikolu 3(2) tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, ħlief għall-membri taħt ir-raba' inċiż, li fil-każ taghhom il-Kummissjoni issejjaħ lill-Konfederazzjoni ta' Trade Unions Ewropea sabiex taħtar ir-rappreżentanti tagħha fl-oqsma ta' l-enerġija u tat-trasport. Il-Kummissjoni għandha tagħżel il-membri fuq il-bażi ta' l-applikazzjonijiet li tirċievi b'risposta għas-sejħa. Il-kriterja ta' l-għażla għandhom iqisu l-kompetenza tal-kandidati u l-esperjenza taghhom, ir-rappreżentattività tagħhom u l-kapaċita' tagħhom li jikkontribwixxu għal diskussjonijiet strateġiċi, u għandha tipprowovi bilanċ f'termini ta' speċjalisti minn oqsma differenti ta' attività, f'termini ta' rigward tas-sess u f'termini ta' l-oriġini ġeografika tagħhom. 9. Il-Kummissjoni tippubblika lista tal-membri sħaħ u sostituti għall-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Artikolu 4 Gruppi ta' ħidma 1. Sabiex iwettaq il-missjoni tiegħu kif stabbilit fl-Artikolu 2, il-Forum jista' jistabbilixxi gruppi ta' ħidma ad hoc. 2. Il-gruppi ta' ħidma għandhom jikkonsistu f'mhux aktar minn 11-il membru. Artikolu 5 Esperti Il-Forum jista' jistieden sabiex tiehu sehem fil-ħidma tieghu kull persuna b'kompetenza speċifika dwar xi suġġett fl-aġenda. Dawn l-esperti għandhom jieħdu sehem biss fid-diskussjonijiet dwar is-suġġett li għalih ikunu gew mistiedna. Artikolu 6 Presidenza tal-Forum u Bureau 1. Għal żmien tal-kariga ta' sentejn, il-Forum għandu jeleġġi minn fost il-membri tiegħu President u erba' viċi-Presidenti li jirrappreżentaw lill-operaturi, l-utenti u l-konsumaturi, it-trade unions u l-ambjent jew is-sigurtà, rispettivament. L-elezzjonijiet għandhom isiru b'maġġoranza ta' tlett kwarti tal-membri preżenti. 2. Il-President u l-Viċi-Presidenti li l-mandat tagħhom ikun skada għandhom jibqgħu fil-kariga sakemm jiġu mibdula jew il-mandat taghhom jerġa' jiġġedded. 3. Jekk il-mandat tal-President jew ta' wieħed mill-Viċi-Presidenti jiskadi, għandu jkun hemm sostitut għall-kumplament taż-żmien tal-kariga taghhom, skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1. 4. Il-Bureau għandu jkun kompost mill-President u l-Viċi-Presidenti. 5. Il-Bureau għandu jħejji u jorganizza x-xogħol tal-Forum. 6. Il-Bureau jista' jistieden relaturi minn kull grupp tax-xogħol sabiex jieħdu sehem fil-laqgħat tiegħu. Artikolu 7 Servizzi segretarjali Il-Kummissjoni għandha tipprovdi servizzi segretarjali lill-Forum, lill-Bureau u lill-gruppi ta' ħidma. Ir-rappreżentanti ta' servizzi tal-Kummissjoni interessati jistgħu jieħdu sehem fil-laqgħat tal-Forum, tal-Bureau u tal-gruppi ta' ħidma. Artikolu 8 Opinjonijiet u rapporti Il-Forum għandu jissottometti l-opinjonijiet u r-rapporti tiegħu lill-Kummissjoni. Jekk l-opinjoni jew ir-rapport mitluba jiksbu l-ftehim unanimu tal-forum, il-Forum għandu jfassal konklużjonijiet konġunti, li għandhom jigu mehmuża mal-minuti tal-laqgħat. Jekk l-opinjonijiet jew ir-rapport mitluba ma jiksbux l-approvazzjoni unanima tal-forum, il-Forum għandu jibgħat l-opinjonijiet diverġenti tal-membri tiegħu lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tista' tippubblika fuq l-Internet kull rapport, opinjoni u proċediment tal-Forum li m'humiex ta' natura kunfidenzali. Artikolu 9 Laqgħat 1. Il-Forum għandu jiltaqa' fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni fuq stedina mill-Kummissjoni. 2. Il-Bureau għandu jitlaqqa' fuq l-inizjattiva tal-President bi qbil mall-Kummissjoni. 3. Il-Membri tal-Forum u l-esperti mistiedna skond l-Artikolu 5 għandhom jiġu rimborsati għall-ispejjeż tal-vjaġġ u ta' sussistenza skond id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fi ħdan il-Kummissjoni. 4. Il-laqgħat tal-Forum, u jekk applikabbli, il-gruppi ta' ħidma għandhom jiġu organizzati bil-kondizzjoni li tingħata l-awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni ghar-rigward tal-budget minn qabel. Artikolu 10 Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 287 tat-Trattat tal-KE, il-membri tal-forum ma għandhomx jiżvelaw ebda informazzjoni li huma jkunu kisbu permezz tax-xogħol tagħhom fil-forum jew fil-gruppi ta' ħidma, meta l-Kummissjoni tgħarrafhom li xi opinjoni jew kwistjoni partikolari hija kunfidenzali. F'dan il-każ, il-membri tal-Forum u r-rappreżentanti tal-Kummissjoni biss jistgħu jattendu għal-laqgħat. Artikolu 11 Reviżjoni Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li temenda t-termini ta'din id-Deċiżjoni skond l-esperjenza. Artikolu 12 Id-Deċiżjoni Nru 96/642/KE u kif ukoll id-Deċiżjoni 98/134/KE huma revokati b'dan. Artikolu 13 Dħul fis-seħħ Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni taghha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Magħmula fi Brussel, il-11 ta'Lulju 2001. Għall-Kummissjoni Loyola De Palacio Viċi-President [1] SI (2000) 816 tal-21.9.2000. [2] ĠU L 292, tal-15.11.1996, p. 34 sa 36 u Deċiżjoni Nru 98/134/KE tat-3 ta' Frar 1998 li taħtar il-membri ta' dak il-korp, ĠU L 36, ta' l-10.2.1998, p. 14. --------------------------------------------------