Official Journal L 191 , 13/07/2001 P. 0045 - 0046
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2001 li tistabbilixxi l-Kumitat tat-Titoli Ewropej (innotifikata permezz tad-dokument numru C(2001) 1493) (Test b'rilevanza għaż-ŻEE) (2001/528/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Billi: (1) Il-libertà tal-provvediment ta' servizzi u l-moviment liberu tal-kapital jikkostitwixxu għanijiet ta' prijorità tal-Komunità, kif hemm referenza dwar dan fl-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat tal-KE. (2) Il-bini ta' suq intern ġenwin għas-servizzi finanzjarji huwa bi qbil mal-prinċipju ta' l-ekonomija tas-suq miftuħ b'kompetizzjoni libera, huwa kruċjali għaż-żieda fit-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' l-impjiegi fil-Komunità, (3) Il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni għal servizzi finanzjarji [1] jidentifika serje ta' azzjonijiet li huma meħtieġa sabiex jiġi komplut is-suq waħdieni għas-servizzi finanzjarji u jagħmel enfażi fuq il-ħtieġa li jiġi stabbilit kumitat tat-Titoli sabiex jikkontribwixxi għall-elaborazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Komunità fil-qasam tat-Titoli. (4) Fil-laqgħa tiegħu f'Lisbona f'Marzu 2000, il-Kunsill ta' l-Ewropa talab għall-implimentazzjoni ta' dan il-pjan ta' azzjoni sal-2005. (5) Fis-17 ta' Lulju 2000, il-Kunsill stabbilixxa l-Kumitat ta' Rġiel Għorriefa dwar ir-regolament tas-swieq Ewropej tat-Titoli. (6) Fir-rapport finali tiegħu, il-Kumitat ta' Rġiel Għorriefa talab għall-istabbiliment ta' żewġ kumitati konsultattivi, il-Kumitat tat-Titoli Ewropej, li jinkludi r-rappreżentanti ta' livell għoli ta' l-Istati Membri u l-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej, li jinkludu r-rappreżentanti għoljin mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali kompetenti fil-qasam tat-Titoli sabiex, inter alia, jagħtu parir lill-Kummissjoni. (7) Fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-regolament tas-suq tat-Titoli aktar effettiv fl-Unjoni Ewropea, il-Kunsill Ewropew ta' Stokkolma laqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni immedjatament sabiex tistabbilixxi kumitat tat-Titoli ta' uffiċjali ta' livell għoli minn Stati Membri, ppresedut mill-Kummisssjoni. (8) Ir-rapport finali tal-Kumitat ta' Rġiel Għorriefa emfasizza l-fatt li l-miżuri implimentattivi sejrin ikunu neċessarji għall-applikazzjoni tad-direttivi jew regolamenti sabiex jagħtu każ ta' żviluppi ġodda fis-swieq finanzjarji. (9) Il-Kumitat tat-Titoli Ewropej għandu jservi bħala korp għal riflessjoni, dibattitu u parir għall-Kummissjoni fil-qasam tat-Titoli. (10) Il-Kumitat tat-Titoli Ewropej għandu jaddotta ir-regoli tal-proċedura tiegħu. (11) Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-Kumitat tat-Titoli Ewropej fil-kapaċità konsultattiva tiegħu. Soġġett għall-atti leġislattivi speċifiċi proposti mill-Kummissjoni u adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, il-Kumitat tat-Titoli għandu jaħdem ukoll bħala kumitat regolatorju skond id-Deċiżjoni ta' l-1999 dwar il-komitoloġija sabiex jassisti lill-Kummissjoni meta tieħu deċiżjonijiet dwar miżuri implimentattivi permezz ta' l-Artikolu 202 tat-Trattat tal-KE, IDDEĊIDIET KIF ĠEJ: L-Artikolu 1 Kumitat dwar il-garanziji fil-Komunità, imsejjaħ "il-Kumitat tat-Titoli Ewropej" (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ bħala "il-Kumitat"), huwa b'dan stabbilit. L-Artikolu 2 Ir-rwol tal-Kumitat għandu jkun dak li jagħti parir lill-Kummissjoni dwar materji ta' strateġija kif ukoll dwar abbozzi ta' proposti leġislattivi li l-Kummissjoni tista' tadotta fil-qasam tat-Titoli L-Artikolu 3 Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta' l-Istati Membri u għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-president tal-Kumitat tar-Regolaturi tat-Titoli Ewropej stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/527/KE [2] għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kumitat bħala osservatur. Il-Kumitat jista' jistieden esperti u osservaturi sabiex jattendu għal-laqgħat. L-Artikolu 4 Il-Kumitat jista' jistabbilixxi gruppi ta' ħidma. L-Artikolu 5 Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli tal-proċedura tiegħu. Is-segretarjat tal-Kumitat għandu jkun provdut mill-Kummissjoni. L-Artikolu 6 Il-Kumitat għandu jibda x-xogħol tiegħu nhar is-7 ta' Ġunju 2001. Magħmula fi Brussel, fis-6 ta' Ġunju 2001. Għall-Kummissjoni Frederik Bolkestein Membru tal-Kummissjoni [1] COM(1999) 232 finali. [2] ĠU L 191, tat-13.7.2001, p.43. --------------------------------------------------