32001D0462



Official Journal L 162 , 19/06/2001 P. 0021 - 0024


Id-Decizjoni tal-Kummissjoni

tat-23 ta' Mejju 2001

dwar it-termini ta' riferenza ta' uffiċjali tas-seduta f'ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni

(notifikata skond id-dokument numru K (2001) 1461)

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

(2001/462/KE, KEFA)

IL-KUMMISSJONI TA' KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar,

Wara li kunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea,

Wara li kunsidrat ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kummissjoni [1], u b'mod partikolari l-Artikolu 20 tagħha,

Billi:

(1) Il-jedd tal-partijiet interessati u ta' partijiet terzi li jinstemgħu qabel tittieħed deċiżjoni finali li tolqot l-interessi tagħhom hu meħud bħala prinċipju fundamentali tal-liġi tal-Komunità. Dak il-jedd hu stabbilit wkoll fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4064/89 tal-21 ta' Diċembru 1989 dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi [2], skond l-aħħar emendi permezz tar-Regolament (KE) Nru 1310/97 [3], ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98 tat-22 ta' Diċembru 1998 dwar is-smigħ tal-partijiet f'ċerti proċeduri skond l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat ta' l-KE [4] u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 447/98 tal-1 ta' Marzu 1998 dwar in-notifikazzjonijiet, il-limiti taż-żmien u l-udjenzi mogħtija fir-Regolament tal-Kunsill (KEE Nru 4064/89 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi [5].

(2) Il-Kummissjoni għandha tassigura li l-jedd ikun garantit fil-proċeduri tagħha tal-kompetizzjoni, meta wieħed jikkunsidra l-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea [6].

(3) It-tħaddim tal-proċeduri amministrattivi għandu għalhekk ikun fdat lil xi persuna indipendenti b'esperjenza f'materji ta' kompetizzjoni li jkollha l-integrità meħtieġa biex tikkontribwixxi għall-oġġettività, t-trasparenza u l-effiċjenza ta' dawk il-proċedimenti.

(4) Il-Kummissjoni ħolqot il-post ta' uffiċjal tas-seduta għal dawn l-għanijiet fl-1982 u stabbiliet l-aħħar termini ta' riferenza għal dak il-post permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/810/KEFA, KE tat-12 ta' Diċembru 1994 dwar it-termini ta' riferenza għall-uffiċjali tas-smigħ fil-proċeduri dwar kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni [7].

(5) Hu meħtieġ li r-rwol ta' l-uffiċjal tas-seduta jkun imsaħħaħ aktar u li jkunu adattati u konsolidati dawk it-termini ta' riferenza fid-dawl ta' l-iżviluppi fil-liġi tal-kompetizzjoni.

(6) Sabiex tkun assigurata l-indipendenza ta' l-uffiċjal tas-seduta, dan għandu jkun marbut, għal għanijiet amministrattivi, mal-membru tal-Kummissjoni li jkollu r-responsabbiltà speċjali għal kompetizzjoni. It-trasparenza f'dik li hi l-ħatra, t-temm tal-ħatra u t-trasferiment ta' l-uffiċjal tas-seduta għandha tiżdied.

(7) L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun maħtur skond ir-regoli stabbiliti fir-Regolamenti ta' l-Impjegati ta' l-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' l-Impieg ta' Impjegati Oħra tal-Komunitajiet Ewropej. Skond dawk ir-regoli, għandha tingħata attenzjoni lill-kandidati li ma jkunux uffiċjali tal-Kummissjoni.

(8) It-termini ta' riferenza ta' l-uffiċjal tas-seduta fil-proċeduri tal-kompetizzjoni għandhom ikunu mfassla b'tali mod li jissalvagwardaw il-jedd tas-smigħ matul il-proċeduri kollha.

(9) Meta tingħata informazzjoni dwar persuni naturali, għandha tingħata attenzjoni partikolari għar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi għar-rigward ta' l-ipproċessar ta' informazzjoni fuq il-persuna mill-istituzzjonijiet tal-Komunità u korpi u dwar il-moviment ħieles ta' dik l-informazzjoni [8].

(10) Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-regoli ġenerali li jagħtu jew jeskludu l-aċċess għad-dokumenti tal-Kummissjoni.

(11) Id-Deċiżjoni 94/810/KEFA, KE għandha titħassar,

IDDEĊIDIET DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Il-Kummissjoni għandha taħtar uffiċjal tas-seduta jew aktar uffiċjali (hawnhekk iżjed ‘il quddiem Isejħa bħala "l-uffiċjal tas-seduta"), li għandu jassigura li l-eżerċizzju effettiv tal-jedd tas-smiegħ ikun rispettat fil-proċedura dwar il-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni skond l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, l-Artikoli 65 u 66 tat-Trattat tal-KEFA, u r-Regolamenti (KEE) Nru 4064/89.

Artikolu 2

1. Il-ħatra ta' l-uffiċjal tas-seduta għandha tkun pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Kull interruzzjoni, tmiem tal-ħatra jew trasferiment li jsiru bi kwalunkwe proċedura, għandha tkun soġġetta għal deċiżjoni raġonevoli tal-Kummissjoni. Dik id-deċiżjoni għandha tkun pubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

2. L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun marbut, għall-finijiet amministrattivi, mal-membru tal-Kummissjoni li jkollu r-responsabbiltà speċjali għall-kompetizzjoni (hawnhekk iżjed ‘il quddiem magħruf bħala "il-membru kompetenti tal-Kummissjoni").

3. Meta l-uffiċjal tas-seduta ma jkunx jista' jaġixxi, il-membru kompetenti tal-Kummissjoni, meta jkun xieraq wara konsultazzjoni ma' l-uffiċjal tas-seduta, għandu jinnomina uffiċjal ieħor, li ma jkunx involut fil-każ in-wistjoni, sabiex jagħmel id-dmirijiet ta' l-uffiċjal tas-seduta.

Artikolu 3

1. Meta jkun qed iwettaq id-dmirijiet tiegħu, l-uffiċjal tas-seduta għandu jikkonsidra l-ħtieġa għat-tħaddim effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni skond il-leġislazzjoni tal-Komunità li tkun fis-seħħ u l-prinċipji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti ta' Prim' Istanza tal-Komunitajiet Ewropej.

2. L-uffiċjal tas-seduta għandu jinżamm infurmat mid-direttur responsabbli mill-investigazzjoni tal-każ (hawnhekk iżjed ‘il quddiem magħruf bħala "id-direttur responsabbli") dwar l-iżvilupp tal-proċedura sa l-istadju ta' l-abbozz tad-deċiżjoni li għandha tingħata lill-membru kompetenti tal-Kummissjoni.

3. L-uffiċjal tas-seduta jista' jagħmel l-osservazzjonijiet dwar kull materja li toħroġ mill-proċedura tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni lill-membru kompetenti tal-Kummissjoni.

Artikolu 4

1. L-uffiċjal tas-seduta għandu jorganizza u jmexxi s-smiegħ kif provdut fid-dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, l-Artikoli 65 u 66 tat-Trattat tal-KEFA u r-Regolament (KEE) Nru 4064/89, skond l-Artikoli 5 sa 13 ta' din id-Deċiżjoni.

2. Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 huma:

(a) l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 36 tat-Trattat tal-KEFA;

(b) Regolament (KE) Nru 2842/98;

(ċ) Regolament (KE) Nru 447/98.

Artikolu 5

L-uffiċjal tas-seduta għandu jassigura li s-smigħ jitmexxa b'mod korrett u jikkontribwixxi għall-oġġettività tas-smigħ innifisu u ta' kull deċiżjoni li tittieħed sussegwentement. L-uffiċjal tas-seduta għandu jfittex li jassigura b'mod partikolari li, fil-preparazzjoni ta' l-abbozz tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, tingħata kunsiderazzjoni għall-fatti kollha rilevanti, kemm jekk favorevoli jew le għall-partijiet interessati, inklużi l-elementi fattwali relatati mal-gravità ta' xi ksur.

Artikolu 6

1. L-applikazzjonijiet li għandhom jinstemgħu minn terzi persuni, kemm jekk persuni, intrapriżi jew assoċjazzjonijiet ta' persuni jew intrapriżi, għandhom isiru bil-miktub, flimkien ma' dikjarazzjoni bil-miktub li tispjega l-interess ta' l-applikant fir-riżultat tal-proċedura.

2. Id-deċiżjonijiet dwar jekk terzi persuni għandhomx jinstemgħu għandhom jittieħdu wara konsultazzjoni mad-direttur responsabbli.

3. Meta jinstab li applikazzjoni ma wrietx interess biżżejjed sabiex tinstama', dan għandu jkun infurmat bil-miktub bir-raġunijiet għal dan. Għandu jkun stabbilit limitu ta' ħin li fih dan għandu jagħti kull kummenti oħra bil-miktub.

Artikolu 7

1. Sabiex jinstemgħu l-applikazzjonijiet oralment dawn għandhom isiru fil-kummenti bil-miktub ta' l-applikant fuq l-ittri li l-Kummissjoni ndirizzat lilu.

2. L-ittri msemmija fil-paragrafu 1 huma dawk:

(a) li jikkomunikaw xi dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet;

(b) li jistiednu l-kummenti bil-miktub ta' xi parti terza li tkun uriet interess biżżejjed sabiex tinstama';

(ċ) li jinfurmaw lil min jagħmel ilment li fl-opinjoni tal-Kummissjoni hemm raġunijiet biżżejjed biex jinstab xi ksur u jistiednu li jagħmel xi kummenti oħra bil-miktub.

3. Id-deċiżjonijiet dwar jekk l-applikanti għandhomx jinstemgħu oralment għandhom jittieħdu wara konsultazzjoni mad-direttur responsabbli.

Artikolu 8

1. Fejn xi persuna, intrapriża jew assoċjazzjoni ta' persuni jew intrapriżi tirċievi ittra jew aktar minn dawk elenkati fl-Artikolu 7(2) u jkollha raġun li temmen li l-Kummissjoni jkollha fil-pussess tagħha d-dokumenti li ma jkunux żvelati lilha u li dawk id-dokumenti huma meħtieġa għall-eżerċizzju kif jixraq tal-jedd li tkun mismugħa, l-aċċess għal dawk id-dokumenti jista' jintalab permezz ta' talba raġunata.

2. It-talba raġunata dwar kull talba bħal dik għandha tkun komunikata lill-persuna, intrapriża jew assoċjazzjoni li tkun għamlet it-talba u lil xi persuna oħra, intrapriża jew assoċjazzjoni nteressata fil-proċedura.

Artikolu 9

Fejn ikun hemm il-ħsieb li tkun żvelata informazzjoni li tista' tikkostitwixxi xi sigriet kummerċjali ta' xi intrapriża, din għandha ktun infurmata bil-miktub b'din l-intenzjoni u r-raġunijiet għal dan. Għandu jkun stabbilit limitu tal-ħin li fih l-intrapriża nteressata tista' tagħmel xi kummenti bil-miktub.

Meta l-intrapriża nteressata toġġezzjona għall-iżvelar ta' l-informazzjoni iżda jinstab li l-informazzjoni ma tkunx protetta u għalhekk tista' tkun żvelata, dan għandu jkun dikjarat fid-deċiżjoni raġunata li għandha tkun notifikata lill-intrapriża nteressata. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika d-data li warajha din l-informazzjoni ser tkun żvelata. Din id-data m'għandhiex tkun inqas minn ġimgħa mid-data tan-notifika.

L-ewwel u t-tieni paragrafi għandhom jgħoddu mutatis mutandis għall-iżvelar ta' l-informazzjoni permezz tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

Artikolu 10

Fejn xi persuna, intrapriża jew assoċjazzjoni ta' persuni jew intrapriżi tikkonsidra li l-limitu tal-ħin impost għar-risposta għal ittra kif imsemmi fl-Artikolu 7(2) ikun qasir wisq, din tista', fil-limitu tal-ħin oriġinali, tfittex estensjoni ta' dak il-limitu tal-ħin permezz ta' talba fejn tagħti r-raġunijiet. L-applikant għandu jkun infurmat bil-miktub jekk it-talba tkunx intlaqgħet.

Artikolu 11

Fejn ikun xieraq, in vista tal-ħtieġa li jkun assigurat li s-smigħ ikun preparat kif jixraq u b'mod partikolari sabiex il-mistoqsijiet jew fatt ikunu kjarifikati safejn possibbli, l-uffiċjal tas-seduta jista', wara li jikkonsulta d-direttur responsabblli, jagħti bil-quddiem lill-partijiet mistiedna għas-smigħ lista ta' mistoqsijiet li dwarhom jixtieqhom jagħmlu magħrufa l-veduti tagħhom.

Għal dan il-għan, wara li jikkonsulta lid-direttur responsabbli, l-uffiċjal tas-seduta jista' jagħmel laqgħa mal-partijiet mistiedna għas-smigħ u, meta jkun xieraq, l-istaff tal-Kummissjoni, sabiex jipprepara għas-smigħ innifsu.

L-uffiċjal tas-seduta jista' wkoll jitlob għal notifika bil-miktub bil-quddiem tal-kontenut meħtieġ tad-dikjarazzjoni maħsuba li l-persuni mistiedna mill-partijiet għas-smigħ ikunu proponew għas-smigħ.

Artikolu 12

1. Wara li jikkonsulta lid-direttur responsabbli, l-uffiċjal tas-seduta għandu jistabbilixxi d-data, d-dewmien u l-post tas-seduta. Meta jintalab posponiment, l-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi jekk jippermettihx jew le.

2. L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun responsabbli għal kollox għal mod kif titmexxa s-seduta.

3. L-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi jekk għandhom jintlaqgħu dokumenti ġodda matul is-seduta, liema persuni għandhom jinstemgħu għan-nom ta' xi parti u jekk il-persuni nteressati għandhomx jistemgħu separatament jew fil-preżenza tal-persuni l-oħra li jkunu qed jattendu s-seduta.

4. Fejn ikun xieraq, in vista tal-ħtieġa li jkun assigurat il-jedd tas-smigħ, l-uffiċjal tas-seduta jista', wara li jikkonsulta lid-Direttur responsabbli, jagħti lill-persuni, intrapriżi, assoċjazzjonijiet ta' persuni jew intrapriżi l-opportunità li jagħtu aktar kummenti bil-miktub wara li jkunu nstemgħu oralment. L-uffiċjal tas-seduta għandu jistabbilixxi data li mhux aktar tard minnha għandhom isiru s-sottomissjonijiet. Il-Kummissjoni ma tkunx obbligata li tikkunsidra l-kummenti bil-miktub li tirċievi wara dik id-data.

Artikolu 13

1. L-uffiċjal tas-seduta għandu jirrapporta lill-membru kompetenti tal-Kummissjoni dwar is-seduta u l-konklużjonijiet li jirriżultawlu, f'dak li hu r-rispett għad-dritt li jinstemgħa. L-osservazzjonijiet f'dan ir-rapport għandhom ikunu relatati mal-materji proċedurali, inkluż l-iżvelar u l-aċċess għall-fajl, limitazzjonijiet tal-ħin biex issir risposta għad-dikjarazzjoni ta' oġġezzjonijiet u t-tmexxija kif jixraq tas-smiegħ orali.

Għandha tingħata kopja tar-rapport lid-Direttur-Ġenerali għall-Kompetizzjoni u lid-direttur responsabbli.

2. B'żieda mar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, l-uffiċjal tas-seduta jista' jagħmel osservazzjonijiet dwar kif ikun hemm aktar progress fil-proċeduri. Dawk l-osservazzjonijiet jistgħu jirreferu fost l-oħrajn għall-ħtieġa ta' aktar informazzjoni, l-irtirar ta' ċerti oġġezzjonijiet, jew il-formulazzjoni ta' aktar oġġezzjonijiet.

Artikolu 14

Fejn ikun xieraq, l-uffiċjal tas-seduta jista' jirrapporta dwar l-oġġettività ta' xi inkjesta li tkun saret sabiex ikun stmat l-impatt tal-kompetizzjoni ta' impennji proposti dwar xi proċeduri mibdija mil-Kummissjoni fit-tħaddim tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 1. Dan għandu jkopri b'mod partikolari l-għażla ta' l-intimati u l-metodoloġija wżata.

Artikolu 15

L-uffiċjal tas-seduta għandu, abbażi ta' l-abbozz tad-deċiżjoni li ser tkun mibgħuta lill-Kumitat Konsultattiv fil-każ in-kwistjoni, jipprepara rapport finali bil-miktub dwar ir-rispett lejn id-dritt tas-smigħ, kif imsemmmi fl-Artikolu 13(1). Dan ir-rapport għandu jikkonsidra wkoll jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jitrattax biss l-oġġezzjonijiet li dwarhom il-partijiet ingħataw l-opportunità li jagħmlu l-veduti tagħhom magħrufa, u, meta jkun xieraq, l-oġġettività ta' xi inkjesta skond it-tifsira mogħtija fl-Artikolu 14.

Ir-rapport finali għandu jingħata lill-membru kompetenti tal-Kummissjoni, lid-Direttur-Ġenerali għall-Kompetizzjoni u lid-direttur responsabbli. Dan għandu jkun komunikat lill-awtoritajiet kompetenti ta' l-Istati Membri u, skond id-dispożizzjonijiet dwar il-koperazzjoni stabbiliti fil-Protokoll 23 u l-Protokoll 24 tal-Ftehim tal-AEE, lill-Awtorità tas-Sorveljanza tal-AEKĦ.

Artikolu 16

1. Ir-rapport finali ta' l-uffiċjal tas-seduta għandu jinhemeż ma' l-abbozz tad-deċiżjoni mogħti lill-Kummissjoni, sabiex ikun assigurat li, meta din tieħu deċiżjoni dwar xi każ individwali, l-Kummissjoni tkun mgħarrfa bl-informazzjoni rilevanti kollha dwar il-kors tal-proċedura u r-rispett tad-dritt tas-smigħ.

2. Ir-rapport finali jista' jkun modifikat mill-uffiċjal tas-seduta fid-dawl ta' xi emendi għall-abbozz tad-deċiżjoni sal-ħin meta d-deċiżjoni tkun addottata mill-Kummissjoni.

3. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-rapport finali ta' l-uffiċjal tas-seduta, flimkien mad-deċiżjoni, lil dawk milquta bid-deċiżjoni. Din għandha tippubblika r-rapport finali ta' l-uffiċjal tas-seduta fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, flimkien mad-deċiżjoni, wara li tikkunsidra l-interess leġittimu ta' l-intrapriżi għar-rigward tal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

Artikolu 17

Id-Deċiżjoni 94/810/KEFA, KE hi mħassra.

Il-miżuri proċedurali diġa meħuda taħt dik id-Deċiżjoni għandhom jibqgħu jgħoddu.

Magħmul fi Brussel, fit-23 ta' Mejju 2001.

Għall-Kummissjoni

Mario Monti

Membru tal-Kummissjoni

[1] ĠU L 308, tat-8.12.2000, p. 26.

[2] ĠU L 395, tat-30.12.1989, p. 1 (verżjoni korretta fil-ĠU L 257, tal-21.9.1990, p. 13).

[3] ĠU L 180, tad-9.7.1997, p. 1.

[4] ĠU L 354, tat-30.12.1998, p. 18.

[5] ĠU L 61, tat-2.3.1998, p. 1.

[6] ĠU C 364, tat-18.12.2000, p. 1.

[7] ĠU L 330, tal-21.12.1994, p. 67.

[8] ĠU L 8, tat-12.1.2001, p. 1.

--------------------------------------------------