32001D0419



Official Journal L 150 , 06/06/2001 P. 0001 - 0003


Id-Deċiżjoni tal-Kunsill

tat-28 ta' Mejju 2001

dwar it-trasmissjoni ta' kampjuni ta' sustanzi kkontrollati

(2001/419/JHA)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 30, 31 34(2)(ċ) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-inizjattiva tar-Renju ta' l-Isvezja,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew [1];

Billi:

(1) Il-ġlieda kontra l-prodotti illeċiti u t-traffikar tad-drogi hi kwistjoni ta' tħassib komuni għall-awtoritajiet għall-infurzar tal-liġi u għall-awtoritajiet tal-ġustizzja fl-Istati Membri.

(2) Il-possibiltà li jiġu trasmessi b'mod legali bejn l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri kampjuni ta' sustanzi kkontrollati maqbuda għall-iskopijiet ta' skoperta, ta' investigazzjoni u ta' prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-analiżi foresika tal-kampjuni tista' żżid l-effikaċja tal-ġlieda kontra l-prodotti illeċiti u l-ittraffikar tad-drogi.

(3) Fil-preżent ma jeżistux regoli legali vinkolanti li jirregolaw it-trasmissjoni bejn l-awtoritajiet ta' l-Istati Membri ta' kampjuni ta' sustanzi narkotiċi kkontrollati u maqbuda. Għandha għalhekk tiġi maħluqa sistema fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea biex titħalla t-trasmissjoni legali ta' dawn il-kampjuni. Sistema bħal din għandha tapplika għall-forom kollha ta' trasmissjoni ta' kampjuni ta' sustanzi kkontrollati u maqbuda bejn Stati Membri. It-trasmissjoni għandha tiġi bbażata fuq ftehim bejn l-Istat Membru li qed jibgħat u bejn dak li qed jirċievi.

(4) It-trasmissjoni għandha ssir b'kondizzjonijiet ta' sigurtà u li jiggarantixxu li l-kampjuni trasportati ma jiġux abbużati,

IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ:

Artikolu 1

Stabbiliment ta' sistema ta' trasmissjoni ta' kampjuni

1. Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi sistema għat-trasmissjoni bejn Stati Membri ta' kampjuni ta' sustanzi kkontrollati.

2. It-transmissjoni ta' kampjuni ta' sustanzi kkontrollati (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsejħa "kampjun") għandha tiġi meqjusa bħala legali fl-Istati Membri kollha meta hi magħmula skond din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din id-Deċiżjoni, sustanzi kkontrollati għandhom ifissru:

(a) kwalunkwe sustanza, naturali jew sintetika, imsemmija fl-Iskedi I jew II tal-Konvenzjoni Waħdanija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drogi Narkotiċi ta' l-1961, u dik il-Konvenzjoni kif emendata bil-Protokoll ta' l-1972;

(b) kwalunkwe sustanza msemmija fl-Iskedi riveduti I, II, III u IV tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-1971 dwar Sustanzi Psikotropiċi;

(ċ) kwalunkwe sustanza li hi bla ħsara għal miżuri ta' kontroll meħuda skond l-Artikolu 5(1) ta' l-Azzjoni Konġunta 97/396/ĠAI tas-16 Ġunju 1997 dwar il-bdil ta' informazzjoni, l-istima ta' riskju u l-kontroll ta' drogi ġodda sintetiċi [2].

Artikolu 3

Punti ta' kuntatt nazzjonali

1. Kull Stati Membri għandu jinnomina punt ta' kuntatt nazzjonali għall-għan li tiġi implimentata din id-Deċiżjoni.

2. L-informazzjoni dwar il-punti ta' kuntatt maħtura, li jinkludu l-modifikazzjonijiet sussegwenti, għandha tintbagħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill li għandu jippubblika l-informazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali.

3. Il-punti ta' kuntatt nazzjonali għandhom, jekk hu xieraq u b'assoċjazzjoni ma' korpi nazzjonali relevanti oħra, ikunu l-uniċi korpi kompetenti għall-awtorizzazzjoni tat-trasmissjoni ta' kampjuni skond din id-Deċiżjoni, minkejja disposizzjonijiet relevanti dwar għajnuna legali reċiproka fuq kwistjonijiet kriminali.

Artikolu 4

Ftehim biex jiġu trasmessi kampjuni u rikonoxximent ta' l-irċevuta

1. Il-punti ta' kuntatt nazzjonali ta' Stati Membri maħsuba biex jibagħtu kampjun u l-punti ta' kuntatt nazzjonali ta' Stati Membri maħsuba biex jirċievu kampjun għandhom jaqblu dwar it-trasport qabel ma sseħħ it-trasmissjoni. Għal dan l-iskop huma għandhom jagħmlu użu mill-Formola għat-Trasmissjoni ta' Kampjun kif imniżżla fl-Anness.

2. Meta trasmissjoni ta' kampjun tinvolvi trasportazzjoni minn ġo territorju ta' Stat Membru ieħor (hawnhekk iżjed 'il quddiem imsemmi bħala "Stat Membru ta' transitu"), il-punt ta' kuntatt nazzjonali ta' Stat Membru ta' transitu bħal dan għandu jkun sussegwentament mgħarraf bit-trasport ippjanat mill-punt ta' kuntatt nazzjonali ta' l-Istat Membru li qed jibgħat. Għal dak il-għan, kull Stat Membru ta' transitu għandu jirċievi kopja tal-Formola għat-Trasmissjoni ta' Kampjun mimlija b'mod korrett qabel ma tibda t-trasmissjoni.

3. L-Istat Membru li se jirċievi għandu jirrikonoxxi li ġie mirċievi l-kampjun lill-Istat Membru li qed jibgħat.

Artikolu 5

Mezz ta' trasport

1. Trasport ta' kampjun għandu jseħħ b'kondizzjoni ta' sigurtà.

2. Il-mezzi ta' trasport li ġejjin għandhom jitqiesu bħala mezzi żguri:

(a) trasport permezz ta' uffiċjal ta' l-Istat Membru li qed jibgħat jew li qed jirċievi;

(b) trasport b'kurrier;

(ċ) trasport f'bagalja diplomatika;

(d) trasport b'posta reġistrata (espress).

3. Il-Formola għat-Trasmissjoni ta' Kampjun mimlija b'mod korrett li hi msemmija fl-Artikolu 4 għandha takkompanja lill-kampjun tul it-trasport kollu.

4. L-awtoritajiet ta' l-Istati Membri involuti m'għandhomx jostakolaw jew iżommu xi trasport akkompanjat bil-Formola għat-Trasmissjoni ta' Kampjun mimlija b'mod korett kemm-il darba ma jkollhomx dubji jekk it-trasport hux imwettaq b'mod legali. F'każ ta' dubji dwar l-istatut legali tal-Formola għat-Trasmissjoni ta' Kampjun, il-punti ta' kuntatti ta' l-Istati Membri li qed iżommu t-trasport għandom, mingħajr dewmien, jikkuntattjaw il-punti ta' kuntatt nazzjonali ta' l-Istati Membri responsabbli għal mili tal-Formola għat-Trasmissjoni ta' Kampjun biex tiġi ċċarata l-kwistjoni.

5. Jekk il-mezz ta' trasport magħżul minn uffiċjal ta' l-Istat Membru li qed jibgħat jew jirċievi, dak l-uffiċjali m'għandux ikun awtorizzat li jilbes uniformi u lanqas iwettaq funzjonijiet operattivi dwar trasport sakemm ma' jkunux kompatibbli mal-leġislazzjoni nazzjonali applikabbli u miftiehma mill-Istati Membri li qed jibgħatu, li qed jirċievu jew dak li huma transitu. Meta trasport isir bl-ajru, għandhom jintużaw biss kumpaniji ta' l-ajru li huma reġistrati f'wieħed mill-Istati Membri biss.

Artikolu 6

Kwantità u l-użu tal-kampjun

1. Kampjun m'għandux jaqbeż il-kwantità meqjusa bħala neċessarja għall-infurzar tal-liġi u skopijiet ġudizzjarji jew għall-analiżi tal-kampjun.

2. L-użu tal-kampjun fl-Istati Membri riċevitur għandu jiġi miftiehem bejn l-Istat Membru li qed jibgħat u bejn dak li qed jirċievi, waqt li hu mifhum li l-kampjun jista' jintuża għal skoperta, investigazzjoni u prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-analiżi forensika ta' kampjun.

Artikolu 7

Evalwazzjoni

1. Din id-Deċiżjoni hi bla ħsara għal evalwazzjoni fil-Kunsill wara mill-inqas sentejn u mhux aktar minn ħames snin mid-dħul fis-seħħ tagħha.

2. Għall-iskop ta' l-evalwazzjoni, il-punt ta' kuntatt nazzjonali ta' kull Stat Membri li qed jibgħat għandu jżomm fl-arkivji tiegħu kopja ta' kull Formola għat-Trasmissjoni ta' Kampjun maħruġa matul minn ta' l-inqas l-aħħar ħames snin.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2001.

Magħmula fi Brussel, fit-28 ta' Mejju 2001.

Għall-Kunsill

Il-President

T. Bodström

[1] Opinjoni mogħtija fl-4 ta' Mejju 2001 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

[2] ĠU L 167, tal-25.6.1997, p. 1.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

+++++ TIFF +++++

--------------------------------------------------