Official Journal L 120 , 28/04/2001 P. 0033 - 0035
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tad- 9 ta' April 2001 li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim tas-Sħubija ACP-KE (2001/334/KE) IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitajiet Ewropej, Wara li kkunsidra l-Ftehim tas-Sħubija ACP-KE iffirmat f'Cotonou (Benin) fit-23 ta' Ġunju 2000 kif diġà antiċipatament applikat bid-Deċiżjoni 1/2000 tal-Kunsill tal-Ministri ta' l-ACP-KE, Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern dwar il-miżuri li se jittieħdu u l-proċeduri li se jimxu fuqhom għall-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn l-Imsieħba ACP-KE, kif applikat proviżorjament bid-Deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' l-Istati Membri tat-18 ta' Settembru 2000, u, partikolarment, l-Artikolu 3 tagħha, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni, Billi: (1) L-elementi essenzali mniżżlin fl-Artikolu 9 tal-Ftehim tas-Sħubija ACP-KE ġew miksurin bil-bidla mhux kostituzzjonali, tal-Gvern ta' Fiġi elett demokratikament u bit-tħassir tal-Kostituzzjoni ta' l-1997. (2) Konsultazzjonijiet taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim tas-Sħubija ACP-KE saru fid-19 ta' Ottubru 2000, fejn l-awtoritajiet ta' Fiġi spjegaw il-fehma tagħhom u għamlu mpenni speċifiċi partikolarment rigward il-kalendarju għal reviżjoni kostituzzjonali, is-seħħ ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti qabel l-aħħar ta' Ġunju 2002 u t-tressiq quddiem il-ġustizzja ta' dawk responsabbli għall-kolp ta' stat tad-19 ta' Mejju. (3) Elementi pożittivi riċenti ta' l-iżvilupp politiku ta' Fiġi għal ritorn lejn sistema demokratika li tkompli l-impenni ta' hawn fuq, ġew ikkunsidrati wkoll. (4) Il-gvern demokratiku ta' Fiġi għad irid jiġi kompletament stabbilit mill-ġdid IDDEĊIEDA DAN LI ĠEJ: Artikolu 1 Konsultazzjonijiet mar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi taħt l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim tas-Sħubija ACP-KE huma hawnhekk konklużi. Artikolu 2 Il-miżuri speċifikati fl-abbozz ta' ittra mehmuż huma hawnhekk adottati bħala miżuri xirqin fis-sens ta' l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim tas-Sħubija ACP-KE. Il-Kunsill għandu jħassar dawn il-miżuri meta jsiru elezzjonijiet ħielsa u ġusti u meta gvern leġittimu jieħu postu f'Fiġi, f'kondizzjonijiet li jiżguraw rispett għad-drittijiet tal-bniedem, prinċipji demokratiċi u r-regola tal-liġi. Din id-Deċiżjoni għandha tiġi reveduta fi żmien sitt xhur. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni għandha sseħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej. Magħmul fil-Lussemburgu, fid-9 ta' April 2001. F'isem il-Kunsill Il-President A. Lindh -------------------------------------------------- ABBOZZ TA' ITTRA LILL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAL-GŻEJJER FIĠI Brussel,… H.E. Mr Ratu Josefa ILOILO Il-President tar-Repubblika tal-Gżejjer Fiġi Government House SUVA/FIJI Sinjur, L-Unjoni Ewropea tagħti l-aktar importanza lid-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 9 tal-Ftehim tas-Sħubija ACP-KE. Bħala elementi essenzali tal-Ftehim tas-Sħubija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, istituzzjonijiet demokratiċi u r-regola tal-liġi huma l-bażi tar-relazzjonijiet tagħna. Għalhekk, l-Unjoni Ewropea kkundannat il-kolp ta' stat tad-19 ta' Mejju 2000 u wriet il-konċern kbir tagħha rigward il-ġrajjiet politiċi li ġraw wara f'Fiġi, iddispjaċiha għat-tneħħija tal-President Ratu Sir Kamisese Mara, il-ħtif u l-bdil mhux kostituzzjonali tal-gvern elett demokratikament, u t-tħassir tal-Kostituzzjoni ta' l-1997. Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea ddeċidea għalhekk, fl-4 ta' Awissu 2000, li jistieden l-awtoritajiet ta' Fiġi għal konsultazzjonijiet, bil-għan li s-sitwazzjoni tiġi assessjata fid-dettall u jinstab rimedju. Dawn il-konsultazzjonijiet saru fi Brussel fid-19 ta' Ottubru 2000. Kienu ndirizzati numru ta' kwistjonijiet importanti, u l-awtoritajiet ta' Fiġi, rappreżentati mis-Sur Kaliopate Tavola, Ministru ta' l-Affarijiet Barranin, Kummerċ Estern u Zokkor, tal-gvern temporanju ta' Fiġi, preżentaw il-fehma tagħhom u għamlu serje ta' mpenni li jikkonċernaw kalendarju għal reviżjoni kostituzzjonali, is-seħħ ta' elezzjonijiet ħielsa u demokratiċi fi żmien 18-il xahar u t-tressiq quddiem il-ġustizzja ta' dawk responsabbli għall-kolp ta' stat. Sussegwentament, il-ġrajjiet f'Fiġi ħadu xejra aktar pożittiva mix-xenarju ta' Ottubru 2000. L-Unjoni Ewropea tilqa' s-sentenza tal-Qorti ta' l-Appell fl-1 ta' Marzu 2001, li tgħid li l-Kostituzzjoni ta' l-1997 tibqa' l-ogħla liġi ta' Fiġi. L-Unjoni Ewropea tilqa' l-aħbar li se jsiru elezzjonijiet mill-25 ta' Awissu sa l-1 ta' Settembru 2001, taħt il-Kostituzzjoni ta' l-1997. Dawn l-elezzjonijiet, jekk isiru b'mod ħieles u imparzjali, għandhom jibnu l-pedamenti għat-tisħiħ mill-ġdid tad-demokrazija f'Fiġi f'perjodu ta' żmien speċifikat. Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li tikkonkludi l-konsultazzjonijiet magħmulin taħt l-Artikolu 96 tal-Ftehim tas-Sħubija ACP-KE. L-Unjoni ddeċidiet li tieħu dawn il-miżuri addattati li ġejjin, fis-sens ta' l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim: - in-notifika tad-disa' allokazzjoni ta' l-EDF isseħħ meta jsiru elezzjonijiet ħielsa u imparzjali u jieħu postu Gvern leġittimu, - il-finanzjament u l-implimentazzjoni ta' programmi u proġetti ġodda taħt is-sitt, is-seba' u t-tmien Programm Indikattiv Nazzjonali ta' l-EDF ikomplu meta jsiru elezzjonijiet ħielsa u imparzjali u jieħu postu Gvern leġittimu. Proġetti kontinwi jkunu implimentati kif pjanati, skond il-prinċipju tan-newtralitaÌ ta' għajnuna Komunitarja, matul il-perjodu li jwassal għall-elezzjonijiet. Barra minn hekk, kontribuzzjonijiet għall-proġetti reġjonali, operazzjonijiet ta' natura umanitarja, koperazzjoni kummerċjali u preferenzi relatati mal-kummerċ se jkomplu bla ma jkunu affettwati biex jiġi żgurat li l-interessi ekonomiċi tan-nies ordinarji ta' Fiġi ma jkunux affettwati b'mod ħażin. L-Unjoni hija lesta wkoll biex tgħin lil Fiġi fir-ritorn tagħha lejn id-demokrazija. Meta jsiru elezzjonijiet ħielsa u imparzjali u meta Gvern leġittimu jieħu postu, f'kondizzjonijiet li jiżguraw rispett għad-drittijiet tal-bniedem, prinċipji demokratiċi u r-regola tal-liġi, il-miżuri ta' hawn fuq jiġu mħassra. Jiġri x'jiġri, l-Unjoni tagħmel reviżjoni ta' din id-deċiżjoni fi żmien sitt xhur. L-Unjoni Ewropea se tkompli tosserva l-ġrajjiet f'Fiġi, partikolarment dak li għandu x'jaqsam maż-żamma tal-liġi u l-ordni, il-kampanja elettorali, il-formazzjoni ta' Gvern leġittimu, u t-tressiq quddiem il-qorti tas-Sur George Speight u s-soċji tiegħu. L-Unjoni Ewropea tixtieq tagħmel enfasi mill-ġdid fuq ix-xewqa tagħha li tkompli d-djalogu politiku ma' Fiġi, fuq il-bażi tal-Ftehim tas-Sħubija ACP-KE. Dejjem Tiegħek, Ghall-Kummissjoni… F'isem il-Kunsill… --------------------------------------------------