Official Journal L 088 , 28/03/2001 P. 0019 - 0020
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Marzu 2001 dwar in-nuqqas ta’ inklużjoni taż-zineb fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE u t-tneħħija ta’ l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sostanza attiva (innotifikata taħt id-dokument numru C(2001)749) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2001/245/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 dwar l-introduzzjoni ta’ prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti fis-suq [1], kif ġiet emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2000/80/KE [2], u b’mod partikulari r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 8(2) tagħha, Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 3600/92 tal-11 ta’ Diċembru 1992 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ l-ewwel parti tal-programm ta’ xogħol li hemm referenza għalih fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ prodotti tal-protezzjoni tal-pjanti fis-suq [3], kif ġiet emendata l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2266/2000 [4], u b’mod partikulari r-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 6(5) tagħha, Billi: (1) L-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE ipprovda sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq program ta’ xogħol għall-eżaminazzjoni ta’ sostanzi attivi wżati fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li kienu diġà fis-suq fil-15 ta’ Lulju 1993. Ġew stabbiliti regoli dettaljati sabiex jitwettaq dan il-programm fir-Regolament (KEE) Nru 3600/92. (2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 933/94 [5] kif l-aħħar emendat bir-Regolament (KE) Nru 2230/95 [6] semma’ s-sostanzi attivi li għandhom jiġu stmati fil-qafas tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92, ħatar Stat Membru sabiex ikun relatur f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-istima ta’ kull sostanza u identifika l-produtturi ta’ kull sostanza attiva li ssottomettew notifika fil-ħin stipulat bi qbil ma’ l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KEE) Nru 3600/92. (3) Iz-zineb huwa wieħed mid-90 sostanza attiva deskritti fir-Regolament (KE) Nru 933/94. (4) In-notifikaturi kollha għal din is-sostanza attiva nfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istat Membru relatur li huma ma jixtiequx jipparteċipaw iktar fil-programm ta’ xogħol għal din is-sostanza attiva, u għalhekk mhiex sejra tiġi ppreżentata aktar informazzjoni. (5) Għaldaqstant mhuwiex possibbli li din is-sostanza attiva tiġi nkluża fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE. (6) Kull perjodu ta’ grazzja għat-tneħħija, ħżin u tqegħid fis-suq u użu ta’ ħażniet ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom iz-zineb permessi mill-Istat Membru bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jiġi llimitat għal perjodu ta’ mhux iktar minn 18-il xahar sabiex ħażniet eżistenti jkunu jistgħu jintużaw f’mhux aktar minn perjodu ta’ tkabbir wieħed. (7) Din id-Deċiżjoni ma tippreġudikax kontra xi azzjoni li l-Kummissjoni tista’ twettaq iktar tard għal din is-sostanza attiva fi ħdan il-qafas tad-Direttiva tal-Kunsill 79/117/KEE [7]. (8) Il-miżuri li hemm provdut għalihom f’din id-Deċiżjoni huma bi qbil ma’ l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Saħħa tal-Pjanti, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI Artikolu 1 Iż-zineb mhuwiex inkluż bħala sostanza attiva fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE. Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom jiżguraw li: 1. l-awtorizzazzjonijiet għal prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom iż-zineb jitneħħew fi żmien sitt xhur mid-data ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni preżenti; 2. mid-data ta’ adozzjoni tad-Deċiżjoni preżenti, ma hija sejra tingħata jew tiġi mġedda l-ebda awtorizzazzjoni għall-prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom iż-zineb taħt id-deroga li hemm provdut għaliha fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 91/414/KEE. Artikolu 3 Kull perjodu ta’ grazzja mogħti minn Stati Membri bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 4(6) tad-Direttiva 91/414/KEE, għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u mhux itwal minn 18-il xahar mid-data ta’ l-adozzjoni tad-Deċiżjoni preżenti. Artikolu 4 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula Brussel, fit-22 ta’ Marzu 2001. Għall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 230, tad-19.8.1991, p. 1. [2] ĠU L 309, tad-9.12.2000, p. 14. [3] ĠU L 366, tal-15.12.1992, p. 10. [4] ĠU L 259, tat-13.10.2000, p. 27. [5] ĠU L 107, tat-28.4.1994, p. 8. [6] ĠU L 225, tat-22.9.1995, p. 1. [7] ĠU L 33, tat-8.2.1979, p. 36. --------------------------------------------------